Profeta Ħaj għall-Aħħar Żminijiet
Missier fis-Smewwiet għażel il-mezz kif Hu jiżvela l-verità lil uliedu permezz ta’ profeta.
Meta kont daqsxejn ta’ tifel, kont inħobb il-jum tas-Sibt għax kulma kont nagħmel f’dak il-jum kien qisu xi avventura. Iżda irrispettivament x’kont nagħmel, wara kont nispiċċa nagħmel l-aktar ħaġa importanti—nara l-cartoons fuq it-televiżjoni. Darba waħda s-Sibt filgħodu, hekk kif kont bilwieqfa ħdejn it-televiżjoni u nqalleb l-istazzjonijiet, indunajt li l-cartoon li kont qed nistenna biex nara kienet ħadet postu xandira tal-konferenza ġenerali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Waqt li bdejt inħares lejn it-televiżjoni u nilmenta li ma kienx hemm cartoon, rajt raġel b’xagħru bajda liebes libsa u ingravata bilqiegħda fuq siġġu sabiħ.
Għal xi raġuni kien jidher differenti, għalhekk staqsejt lil ħija l-kbir, “Dak min hu?”
Huwa qalli, “Dak il-President David O. McKay; dak profeta.”
Niftakar li ħassejt fija xi ħaġa u b’xi mod kont naf li hu kien profeta. Imbagħad, ta’ tifel iffissat fil-cartoons li kont, qlibtlu għal stazzjon ieħor. Iżda qatt ma nsejt kif kont ħassejtni f’dak il-mumenti qasir, u bla mistenni anke rivelatorju. Meta nitkellmu dwar profeta, xi kultant kulma jkollok bżonn hu biss ftit ħin biex tagħrfu.1
Li permezz ta’ rivelazzjoni tkun taf li hawn profeta ħaj fid-dinja jaf jibdillek il-perspettiva tiegħek.2 Dan jaf iwassal biex dak li jkun jaf jiġi bejn ħaltejn jekk profeta jkunx qed jitkellem bħala profeta jew inkella jekk hu jkunx iġġustifikat li jagħżel hu x’jaċċetta bħala parir profetiku.3 Dan l-għarfien żvelat jistieden lil dak li jkun biex jafda fil-parir ta’ profeta ħaj, anke jekk ma nifhmuhx għalkollox.4 Wara kollox, Missier fis-Smewwiet perfett u li jħobbna għażel il-mezz kif Hu jiżvela l-verità lil uliedu permezz ta’ profeta, xi ħadd li ma kienx hu li fittex li jkollu sejħa sagra bħal din u li m’għandux bżonn tal-għajnuna tagħna biex ikun konxju mill-imperfezzjoni tiegħu.5 Profeta hu xi ħadd li Alla personalment ħejja, sejjaħ, widdeb, ispira, ċanfar, qaddes, u sostna.6 Għalhekk aħna qatt ma nkunu f’xi riskju spiritwali meta nimxu wara l-parir profetiku.
Irrispettivament kif naħsbuha, ilkoll kemm aħna ġejna magħżulin b’xi mod fil-ħajja ta’ qabel ġejna fid-dinja biex nitwieldu f’dawn l-aħħar żminijiet. Hemm żewġ realtajiet li huma marbutin mal-aħħar żminijiet. L-ewwel realtà hi li l-Knisja ta’ Kristu se tiġi mwaqqfa mill-ġdid fid-dinja. It-tieni realtà hi li l-affarijiet aktar ma jmorru aktar se jsiru diffiċli. L-iskrittura tiżvela li fl-aħħar żminijiet se jkun hawn “maltempata kbira bis-silġ li se teqred l-uċuħ tar-raba’,”7 kastigi,8 “gwerer u xnigħat ta’ gwerer, u d-dinja kollha se tkun f’konfużjoni, … u se joktor il-ħażen.”9
Meta kont għadni tifel, dawk il-profeziji tal-aħħar żminijiet kienu jbeżżgħuni u wassluni biex nitlob ħalli t-Tieni Miġja ma sseħx tul ħajti—u sa issa talbi ġie mismugħ. Iżda llum nitlob għall-kuntrarju, minkejja li l-isfidi profetiċi huma ċerti,10 għax meta Kristu jerġa’ lura biex isaltan, il-ħolqien kollu tiegħu “se jorqod b’moħħu mistrieħ.”11
Il-kundizzjonijiet kurrenti fid-dinja wasslu biex xi wħud jaqbadhom paniku. Bħala wlied Alla tal-patt, m’għandniex għalfejn nitħawdu wara min għandna nimxu biex ninnavigaw f’dawn iż-żminijiet imqallba. M’għandniex għalfejn nibżgħu.12 Id-duttrina u l-prinċipji li jeħtieġ nimxu warajhom biex insalvaw spiritwalment u nibqgħu nirreżistu fiżikament insibuhom fil-kliem ta’ profeta ħaj.13 Hu għalhekk li l-President M. Russell Ballard iddikjara li “mhijiex xi ħaġa żgħira … li jkollna profeta ta’ Alla f’nofsna.”14
Il-President Russell M. Nelson xehed li “l-mod li waqqaf Alla żmien twil ilu kif jgħallem lil uliedu permezz tal-profeti jassigurana li Huwa sejjer ibierek lil kull profeta u li Hu se jbierek lil dawk li jagħtu widen għall-parir profetiku tiegħu.”15 Għalhekk is-sigriet hu li nimxu wara l-profeta ħaj.16 Ħuti, kuntrarju għall-kotba antiki tal-komiks u tal-karozzi klassiċi, it-tagħlim profetiku ma jikbirx fil-valur tiegħu maż-żmien. Hu għalhekk għalfejn m’għandniex nużaw il-kliem ta’ profeti tal-passat biex nikkontradixxu t-tagħlim tal-profeti ħajjin.17
Verament jogħġbuni l-parabboli li kien juża Ġesù Kristu biex jgħallem prinċipji tal-evanġelju. Nixtieq li dalgħodu naqsam magħkom parabbola vera mill-ħajja ta’ kuljum.
Darba waħda kont miexi fil-kafeterija tal-kwartieri ewlenin tal-Knisja biex niekol xi ħaġa. Wara li poġġejt l-ikel fuq it-trej, jiena dħalt fil-kamra tal-ikel u nnotajt mejda li madwarha kien hemm bilqiegħda t-tliet membri tal-Ewwel Presidenza, u kien hemm siġġu vojt. L-insigurtà tiegħi wasslitni biex nitbiegħed xi ftit minn dik il-mejda, u mbagħad smajt leħen il-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, jgħid, “Allen, hawnhekk hawn siġġu vojt. Ejja poġġi magħna.” U hekk għamilt.
Meta konna wasalna biex intemmu l-ikla tagħna, b’sorpriża smajt ħoss iqarmeċ, u għollejt ħarsti, u rajt li l-President Nelson kien poġġa l-flixkun tal-plastik tiegħu dritt u mbagħad għaffġu u neħħielu t-tapp.
Imbagħad il-President Dallin H. Oaks staqsa mistoqsija li jien stess ridt nistaqsi, “President Nelson, għalfejn għaffiġt il-flixkun tal-ilma tal-plastik tiegħek?”
Huwa wieġeb, “Ikun aktar faċli għal dawk li jirriċiklaw il-materjal għax ma jeħux daqstant spazju fil-kontenitur tar-riċiklaġġ.”
Hekk kif kont qed nixtarr it-tweġiba tiegħu, erġajt smajt l-istess ħoss iqarmeċ. Ħarist lejn il-lemin tiegħi, u l-President Oaks kien għaffeġ il-flixkun tal-ilma tal-plastik tiegħu kif għamel il-President Nelson. Imbagħad smajt ħoss ġej mix-xellug tiegħi, u l-President Henry B. Eyring kien qed jgħaffeġ il-flixkun tal-ilma tal-plastik tiegħu, minkejja li kien uża strateġija differenti billi għamel dan bil-flixkun orizzontali, li kien aktar diffiċli milli bil-flixkun wieqaf. Waqt li nnota dan, il-President Nelson bil-ħlewwa wrieh it-teknika bil-flixkun wieqaf li kien aktar faċli biex tgħaffeġ il-flixkun.
F’dak il-mument, jiena dort lejn il-President Oaks u b’leħen baxx staqsejtu, “Din li tgħaffeġ il-flixkun tal-ilma tal-plastik hija xi ħtieġa ġdida tar-riċiklaġġ mill-kafeterija?”
Il-President Oaks wieġeb, bi tbissima fuq wiċċu, “Mela, Allen, jeħtieġ li timxi wara l-profeta.”
Jiena ċert li dakinhar fil-kafetrija l-President Nelson ma kienx qed jiddikjara xi duttrina ġdida bbażata fuq ir-riċiklaġġ. Iżda nistgħu nitgħallmu mir-rispons fil-pront18 tal-President Oaks u l-President Eyring għall-eżempju tal-President Nelson u l-attenzjoni tal-President Nelson li jgħin biex jgħallem mod aħjar lil dawk involuti.19
Il-Presbiteru Neal A. Maxwell qasam magħna ċerti osservazzjonijiet u pariri li b’mod profetiku japplikaw għal żmienna:
“Fix-xhur u s-snin li ġejjin, avvenimenti li se jseħħu se jeħtieġu li kull membru jiddeċiedi jekk jimxix wara l-Ewwel Presidenza jew le. Il-membri se jsibuha aktar diffiċli jekk joqogħdu jaħsbuha x’inhi l-aħjar għażla. …
“… Ejjew niddeċiedu darba għal dejjem ħalli li l-għażliet tagħna jkunu dejjem ċari, u nħallu lil ħaddieħor jagħmel kif jixtieq meta jirċievi xi parir profetiku . …
“Ġesù qal li meta s-siġar tat-tin iwaqqgħu l-weraq tagħhom, ‘ikun wasal is-sajf.’ … Għalhekk jekk qed iwiddibna li wasal is-sajf, ejjew ma noqogħdux nilmentaw minħabba s-sħana!”20
Il-ġenerazzjoni li għadha tielgħa qed tittrabba fi żmien meta hawn aktar weraq tat-tin u aktar sħana. Dik ir-realtà titfa’ fuq il-ġenerazzjoni li diġà telgħet responsabbiltà akbar, partikolarment meta nitkellmu dwar parir profetiku. Meta l-ġenituri jinjoraw il-parir tal-profeta ħaj, huma mhux biss jitilfu l-barkiet imwiegħda għalihom infushom iżda, aktar traġiku minn hekk, ikunu qed jgħallmu lil uliedhom li dak li jgħid profeta ħaj hu insinifikanti, jew tagħżel int tobdix jew le dak il-parir profetiku mingħajr ma jimpurtak mill-malnutrizzjoni spiritwali li taf tesperjenza wara.
Il-Presbiteru Richard L. Evans darba osserva: “Xi ġenituri b’mod żbaljat iħossu li huma jistgħu jerħu xi ftit ir-riedni fejn tidħol kondotta u konformità … li jerħu xi ftit ir-riedni fuq ħwejjeġ fundamentali bla ma jaħsbu kif dan se jaffettwa l-familja tagħhom jew il-futur tal-familja tagħhom. Iżda, jekk xi ġenitur jiżvijja xi ftit, hemm ċans kbir li t-tfal jiżvijjaw aktar minnu.”21
Bħala ġenerazzjoni li ġejna mogħtija l-kmand sagru biex inħejju lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa għall-irwol tagħha fl-aħħar żminijiet li ġie mħabbar minn qabel,22 liema rwol jeħtieġ jitwettaq fi żmien meta l-influwenza tal-avversarju tinsab fl-aqwa tagħha,23 aħna ma nistgħux inkunu sors ta’ konfużjoni dwar l-importanza li nimxu wara l-parir profetiku. Huwa dak l-istess parir li jippermetti lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa li tintebaħ “bl-għadu waqt li għadu ’l bogħod; u mbagħad huma jkunu jistgħu jitħejjew” biex jaffrontaw l-attakk tal-għadu.24 Id-devjazzjonijiet tagħna li jafu jidhru mhux daqstant importanti, it-traskuraġni siekta, jew il-kritika minn taħt l-ilsien tagħna għall-parir profetiku jafu jkunu l-kaġun għalfejn aħna nispiċċaw mexjin b’mod perikoluż mat-tarf tat-triq tal-patt tagħna; iżda meta l-avversarju jkabbar l-għemil tagħna fil-ħajja tal-ġenerazzjoni li għadha tielgħa, dawn l-għemejjel jafu jinfluwenzawhom b’tali mod li jispiċċaw joħorġu għal kollox mit-triq. Riżultat bħal dan jista’ jaffettwa l-ġenerazzjonijiet u hu prezz għoli wisq li jkollna nħallsu.25
Xi ftit minnkom tafu tħossukom li waqajtu xi ftit lura fl-isforzi tagħkom li timxu wara l-parir tal-President Russell M. Nelson. Jekk dan hu l-każ, mela indmu; u ibdew mill-ġdid imxu wara l-parir tal-profeta magħżul ta’ Alla. Warrbu d-distrazzjoni tal-cartoons tat-tfal u afdaw fil-magħżulin tal-Mulej. Ifirħu għax għal darb’oħra “hawn profeta f’Iżrael.”26
Jekk m’intomx ċerti, jiena nixhed li aħna nistgħu nikkumbattu l-isfidi tal-aħħar żminijiet u saħansitra niffjorixxu. Aħna l-Qaddisin tal-aħħar żminijiet, u dawn huma żminijiet importanti. Aħna kellna ħerqa kbira biex niġu fid-dinja f’dan iż-żmien, fejn kellna l-kunfidenza li ma konniex se nitħallew naqgħu meta ninqabdu fiċ-ċpar li dejjem qed isir aktar mudlam u mħawwad tal-avversarju,27 iżda pjuttost kellna nieħdu l-parir u d-direzzjoni mingħand dak li hu awtorizzat li jgħid lilna u lid-dinja kollha, “Dan jgħid il-Mulej Alla.”28 Fl-isem sagru tal-profeta li Alla qajjem, il-Qaddis ta’ Iżrael,29 l-istess Ġesù Kristu, ammen.