Hosanna lil Alla l-Għoli
Id-daħla trijonfali ta’ Ġesù Kristu f’Ġerusalemm u l-ġrajjiet li seħħew matul il-ġimgħa ta’ wara huma ta’ eżempju għad-duttrina li nistgħu napplikaw f’ħajjitna llum.
Illum, kif intqal, aħna ningħaqdu mal-Kristjani madwar id-dinja biex nonoraw lil Ġesù Kristu f’dan Ħadd il-Palm. Kważi 2,000 sena ilu, Ħadd il-Palm ta bidu għall-aħħar ġimgħa tal-ministeru mortali ta’ Ġesù Kristu. Kienet l-aktar ġimgħa importanti fl-istorja umana.
Dak li beda bħala t-tħabbira ta’ Ġesù bħala l-Messija mwiegħed fid-daħla trijonfali tiegħu f’Ġerusalemm ġie fi tmiemu bil-Kruċifissjoni u l-Qawmien tiegħu.1 B’għan divin, is-sagrifiċċju espjatorju tiegħu ġab fi tmiemu l-ministeru mortali tiegħu, li għamilha possibbli għalina li ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet għal dejjem.
L-iskrittura tgħidilna li l-ġimgħa bdiet b’folol ta’ nies weqfin ħdejn il-bibien tal-belt biex jaraw “lill-profeta Ġesù minn Nazaret tal-Galilija.”2 Huma “ħadu l-friegħi tal-palm u ħarġu jilqgħuh. U bdew jgħajjtu: “Hosanna! Mbierek min ġej f’isem il-Mulej! Mbierek is-sultan ta’ Iżrael.”3
Dak ir-rakkont bibliku ta’ daqstant żmien ilu jfakkarni f’assenjazzjoni tal-Knisja li kelli ġewwa Takoradi, fil-Gana. Notevolment, jiena kont ninsab hemm f’Ħadd il-Palm.
Jien kont hemm biex naqsam il-Wited ta’ Takoradi, fil-Gana, u minnu noħloq il-Wited ta’ Mpintsin, fil-Gana. Illum, hemm ’il fuq minn 100,000 membru tal-Knisja fil-Gana.4 (Nilqgħu magħna lil Ga Mantse, il-Maestà Tiegħu s-Sultan Nii Tackie Teiko Tsuru II ta’ Accra, il-Gana, li jinsab magħna llum.) Hekk kif kont qed niltaqa’ ma’ dawk il-Qaddisin, jien ħassejt imħabba profonda u devozzjoni għall-Mulej. Jiena esprimejt imħabbti għalihom u li l-President tal-Knisja jħobbhom. Jien għamilt referenza għall-kliem tas-Salvatur kif miktub minn Ġwanni: “Li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.”5 Huma qisuha “l-konferenza nħobbok.”6
Hekk kif bdejt inħares ’il fuq u ’l isfel lejn ir-ringieli fejn kien hemm ħutna l-għeżież u l-familji tagħhom fil-kappella, fuq wiċċhom stajt nara d-dija tat-testimonjanza u l-fidi f’Ġesù Kristu. Stajt inħoss ix-xewqa tagħhom li jkunu jagħmlu mill-Knisja dinjija tiegħu. U meta l-kor beda jkanta, huma kantaw qishom anġli.
Bħal Ħadd il-Palm ta’ żmien twil ilu, dawn kienu dixxipli ta’ Ġesù Kristu miġburin biex jagħtuh ġieħ kif għamlu dawk li kienu ħdejn il-bibien ta’ Ġerusalemm li, bil-palm f’idejhom, għajtu, “Hosanna… : Mbierek min ġej f’isem il-Mulej.”7
Anke l-parruċċani li kien hemm fi knisja fil-qrib kienu qed jonoraw Ħadd il-Palm. Hekk kif kont qed nitkellem minn wara l-pulptu, mi-tieqa li tagħti għal barra stajt ninnota li huma kienu mexjin ferħana fit-triq ixejru l-palm f’idejhom, l-istess bħal dawn li qed taraw f’dan ir-ritratt. Kienet dehra li qatt m’jien se ninsa—ilkoll kemm aħna dakinhar konna qed nagħtu qima lis-Sultan tas-Slaten.
Il-President Russell M. Nelson widdibna biex jum Ħadd il-Palm “nagħmluh verament jum qaddis billi niftakru, mhux biss fil-palm li n-nies xejru biex jonoraw id-daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, iżda billi niftakru fil-keffa ta’ jdejh.” Imbagħad il-President Nelson irrefera għal Isaija, li tkellem dwar il-wegħda tas-Salvatur, “Jien qatt m’hu se ninsik,” permezz ta’ dan il-kliem: “Ara, naqqaxtek fuq il-keffa ta’ jdejja.”8
Il-Mulej jaf sew li l-ħajja mortali hija diffiċli. Il-ġrieħi tiegħu jfakkruna li Hu “ċċekken aktar minn … kull ħaġa”9 ħalli jkun jista’ jgħinna meta aħna nbatu u jkun ta’ eżempju għalina biex “nibqgħu fit-triq,”10 it-triq tiegħu, ħalli “Alla jkun jista’ jibqa’ magħna għal dejjem ta’ dejjem.”11
Ħadd il-Palm ma kienx sempliċiment ġrajja, paġna oħra fl-istorja b’data, ħin, u post partikolari. Id-daħla trijonfali ta’ Ġesù Kristu f’Ġerusalemm u l-ġrajjiet tal-ġimgħa li seħħew wara huma ta’ eżempju għad-duttrina li nistgħu napplikaw f’ħajjitna llum.
Ejjew nagħtu ħarsa lejn parti mid-duttrina eterna li hi minsuġa fil-ministeru tiegħu li ġie fi tmiemu f’Ġerusalemm.
L-ewwel, il-profezija. Per eżempju, Żakkarija, il-profeta tat-Testment il-Qadim, ħabbar dwar id-daħla trijonfali ta’ Ġesù Kristu f’Ġerusalemm, ufejn anke ddeskriva li Hu kien se jkun riekeb ħmara.12 Ġesù tkellem minn qabel dwar il-Qawmien tiegħu hekk kif kien qed iħejji biex jidħol fil-belt, meta qal:
“Araw, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba; dawn jaqtgħuhielu għall-mewt,
“U jerħuh f’idejn il-pagani biex jiddieħku bih, u jagħtuh is-swat u jsallbuh; u fit-tielet jum iqum.”13
It-tieni, is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu. Joseph Smith għallem, “L-ebda bniedem ma’ jista’ jagħraf li Ġesù huwa l-Mulej, jekk mhux permezz tal-Ispirtu s-Santu.”14 Is-Salvatur wiegħed lid-dixxipli tiegħu15 waqt l-Aħħar Ikla16 fil-kamra ta’ fuq,17 “Ma nħallikomx iltiema.”18 Huma ma kenux se jitħallew weħidhom biex imexxu ’l quddiem l-evanġelju iżda kien se jkollhom magħhom id-don kostanti tal-Ispirtu s-Santu biex jiggwidahom. “Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi,” Huwa wiegħed, “ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja.”19 Permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, aħna għandna dik l-istess assigurazzjoni—li aħna “jista’ jkollna l-Ispirtu tiegħu dejjem magħna”20 u “bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu nistgħu nkunu nafu l-verità ta’ kollox.”21
It-tielet, id-dixxipulat. Il-vera dixxipulat huwa l-impenn kontinwu, u l-ubbidjenza kontinwa għal-liġijiet eterni, u l-imħabba ta’ Alla, l-ewwel u qabel kollox. Bla ma titħasseb xejn. Il-miġemgħa li tagħtu ġieħ permezz tal-palm bdew iħarsu lejh bħala l-Messija. U fil-fatt hekk kien. Huma nġibdu lejh, lejn il-mirakli tiegħu, u lejn it-tagħlim tiegħu. Iżda l-adulazzjoni għal ħafna ma damitx wisq. Xi wħud li aktar kmieni għajtu, “Hosanna,”22 ftit wara daru u għajtu, “Sallbu.”23
Ir-raba’, l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.24 Fl-aħħar jiem tiegħu, wara Ħadd il-Palm, Huwa wettaq l-Espjazzjoni meraviljuża tiegħu, mill-agunija tal-Ġetsemani saż-żuffjett tal-ġuri tiegħu, it-tortura fuq is-salib, u d-difna tiegħu f’qabar misluf. Iżda dan ma kienx kollox. Bil-maestà tas-sejħa tiegħu bħala l-Feddej tal-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet, tlett ijiem wara Huwa ħareġ minn dak il-qabar, imqajjem mill-imwiet,25 kif kien ħabbar.
Aħna grati kontinwament għall-Espjazzjoni inkomparabbli ta’ Ġesù Kristu? Aħna bħalissa nħossu l-qawwa tagħha li ssaffina? Huwa għalhekk li Ġesù Kristu, li minnu tibda u fih tintemm is-salvazzjoni tagħna, mar Ġerusalemm, biex isalvana lkoll. Kemm tagħrfu l-importanza ta’ dan il-kliem li nsibu f’Alma: “Jekk intom esperjenzajtu bidla f’qalbkom, u jekk ħassejtu li tgħannu l-għanja tal-imħabba feddejja, jiena nistaqsikom, tħossukom hekk bħalissa?”26 Jien nista’ verament ngħid, il-kor ġewwa Takoradi f’dak il-jum ta’ Ħadd il-Palm kanta “l-għanja tal-imħabba feddejja.”
Dik l-aħħar ġimgħa mill-aktar kritika tal-ministeru mortali tiegħu, Ġesù Kristu tana l-parabbola tal-għaxar xebbiet verġni.27 Huwa kien qed jgħallem dwar ir-ritorn tiegħu għand dawk li kienu lesti li jilqgħuh, mhux bil-palm f’idejhom iżda bid-dawl tal-evanġelju ġewwa fihom. Huwa uża l-immaġni ta’ lampi mixgħula u jpetptu, b’aktar żejt biex iqabbad il-fjamma, bħala deskrizzjoni ta’ rieda li ngħixu kif irid Hu, li nħaddnu l-veritajiet tiegħu, u naqsmu d-dawl tiegħu mal-oħrajn.
Intom tafu l-istorja. L-għaxar xebbiet verġni jirrappreżentaw lill-membri tal-Knisja, u l-għarus jirrappreżenta lil Ġesù Kristu.
L-għaxar xebbiet verġni qabdu l-lampi tagħhom u marru “biex jilqgħu l-għarus.”28 Ħamsa kienu għaqlin, imħejjija biż-żejt fil-lampi tagħhom u xi wħud kellhom iżżejjed, u ħamsa kienu boloh, bil-lampi tagħhom fid-dlam mingħajr żejt maħżun. Meta waslet is-siegħa, “Imbagħad f’’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh,”29 il-ħamsa li kienu “għaqlin u [kienu] rċevew il-verità, u li jħarsu lejn l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħhom”30 kienu lesti għas- “sultan u l-leġislatur tagħhom,”31 sabiex “il-glorja tiegħu tkun tista’ tkun fuqhom.”32 Il-ħamsa l-oħra b’mod sfrenat bdew jippruvaw isibu ż-żejt. Iżda kien tard wisq. Il-purċissjoni kompliet għaddejja mingħajrhom. Meta huma bdew iħabbtu biex jaraw jistgħux jidħlu, il-Mulej wieġeb, “Lilkom ma nafkomx.”33
Kif inħossuna jekk Huwa jgħidilna, “Lilkom ma nafkomx!”
Aħna, bħall-għaxar xebbiet verġni, lampi għandna; iżda żejt għandna? Nibża’ li hawn xi wħud li qed jgħixu biss bi ftit qatriet żejt, fejn jinsabu mehdijin wisq bil-ħwejjeġ tad-dinja biex jitħejjew kif suppost. Iż-żejt niksbuh meta nemmnu u naġixxu skont il-profezija u l-kliem tal-profeti ħajjin, b’mod partikolari tal-President Nelson, il-kunsilliera tiegħu, u t-Tnax-il Appostlu. Iż-żejt jimla ruħna meta aħna nisimgħu u nħossu fina l-Ispirtu s-Santu u naġixxu skont dik il-gwida divina. Iż-żejt jimla qalbna meta l-għażliet tagħna juru li aħna nħobbu lill-Mulej u nħobbu dak li Huwa jħobb. Iż-żejt niksbuh meta nindmu u nfittxu l-fejqan tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.
Jekk xi wħud minnkom qed ifittxu li jimlew dik li xi wħud isejħula “lista fil-barmil,” hawn hi: imlew il-barmil tagħkom biż-żejt li għandu l-forma tal-ilma ħaj ta’ Ġesù Kristu,34 li huwa rappreżentazzjoni ta’ ħajtu u tat-tagħlim tiegħu. B’kuntrast għal dan, li nippruvaw inwettqu xi ħaġa mhux realistika jew spettakolari mhijiex se twassal biex ruħna tkun kuntenta jew sodisfatta; dan iseħħ biss jekk ngħixu d-duttrina mgħallma minn Ġesù Kristu. Qabel jiena semmejt tliet eżempji: li nħaddnu l-profezija u t-tagħlim profetiku, li naġixxu fuq is-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu, li nsiru dixxipli vera, u li nfittxu l-qawwa tal-fejqan tal-Espjazzjoni ta’ Sidna l-Mulej. Din il-lista teħodkom xi mkien fejn tridu tmorru—lura għand Missierkom fis-Smewwiet.
Dak il-Ħadd il-Palm ġewwa Takoradi kienet esperjenza mill-aktar speċjali għalija għaliex jien esperjenzajtha flimkien ma’ kongregazzjoni ta’ aħwa mill-aktar fidili. L-istess ġara f’kontinenti u fi gżejjer madwar id-dinja kollha. Qalbi u ruħi, bħal tagħkom, tixxennaq biex tgħajjat, “Hosanna lil Alla l-Għoli.”35
Minkejja li llum ma ninsabux weqfin ħdejn il-bibien ta’ Ġerusalemm bil-palm f’idejna, se jasal żmien meta, kif imħabbra fl-Apokalissi, “se jkun hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom.”36
Inħallikom bil-barka tiegħi bħala Appostlu ta’ Ġesù Kristu li intom b’diliġenza tagħmlu li tistgħu biex tgħixu b’mod xieraq u tkunu fost dawk li, bil-palm f’idejhom, jagħtu ġieħ lil Bin Alla, il-Feddej tagħna lkoll. F’isem Ġesù Kristu, ammen.