Konferenza Ġenerali
“Ibqa’ Fija, u Jiena Nibqa’ Fik; Għalhekk Imxi Miegħi”
konferenza ġenerali April 2023


“Ibqa’ Fija, u Jiena Nibqa’ Fik; Għalhekk Imxi Miegħi”

Il-wegħda tas-Salvatur li jibqa’ fina hija vera u disponibbli għal kull membru tal-Knisja rrestawrata tiegħu li jħares il-patti tiegħu.

Il-profeta tal-qedem Ħenok li naqraw dwaru fit-Testment il-Qadim, fid-Duttrina u Patti, u fil-Ġawhra li Tiswa Ħafna,1 kien strumentali fit-twaqqif tal-belt ta’ Sijon.

Ir-rakkont skritturali tas-sejħa ta’ Ħenok biex iservi jindika li “huwa sama’ leħen mis-smewwiet, jgħid: Ħenok, ibni, mur ħabbar lil dan il-poplu, u għidilhom—Indmu, … għax qalbhom twebbset, u widnejhom tqal biex jisimgħu, u għajnejhom ma jistgħux jaraw fil-bogħod.”2

“ U meta Ħenok sema’ dan il-kliem, huwa nxteħet mal-art … u mar quddiem il-Mulej u qallu: X’inhi r-raġuni għalfejn jiena sibt grazzja quddiemek, għax jiena għadni żagħżugħ, u kulħadd jobgħodni; u jien fommi tqil; għalhekk jiena l-qaddej tiegħek?”3

Jekk jogħġobkom innotaw li fiż-żmien li fih Ħenok ġie msejjaħ biex iservi, huwa sar mill-aktar konxju tal-inadegwatezza u l-limitazzjonijiet personali tiegħu. U naħseb li lkoll kemm aħna f’xi ħin jew ieħor fis-servizzi tagħna fil-Knisja ħassejna lilna nfusna verament bħal Ħenok. Iżda jien nemmen li t-tweġiba li l-Mulej ta lil Ħenok għall-mistoqsija ħerqana tiegħu hi waħda istruttiva u tapplika għalina lkoll illum.

“U l-Mulej qal lil Ħenok: Mur u agħmel kif tlabtek, u l-ebda bniedem mhu se jippenetrak. Iftaħ ħalqek, u ħalqek jimtela, u jiena ngħinek titkellem. …

“Ara l-Ispirtu tiegħi se jkun fuqek, għalhekk jiena niġġustifika dak kollu li inti tgħid; u l-muntanji jaħarbu minn quddiemek, u x-xmajjar idawru r-rotta tagħhom; u inti għandek tibqa’ fija, u jiena nibqa’ fik; għalhekk imxi miegħi4

Ħenok ultimament sar profeta mill-aktar setgħan u għodda f’idejn Alla biex iwettaq ħidma kbira, iżda hu ma bediex il-ministeru tiegħu b’dak il-mod! Pjuttost, il-kapaċità tiegħu maż-żmien kibret hekk kif huwa tgħallem jibqa’ f’Iben Alla u jimxi miegħu.

Jiena nitlob b’ħerqa għall-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu hekk kif nikkunsidraw flimkien il-parir mogħti lil Ħenok mill-Mulej u xi jfisser għalik u għalija llum.

Int Għandek Tibqa’ Fija

Il-Mulej Ġesù Kristu jestendi l-istedina lil kull wieħed u waħda minna biex nibqgħu fih.5 Iżda kif nistgħu sewwasew nitgħallmu u jirnexxielna nibqgħu fih?

Il-kelma ibqgħu tindika li nkunu fissi jew stabbli u sħaħ mingħajr ma nċedu. Il-Presbiteru Jeffrey R. Holland spjega li “nibqgħu” bħala azzjoni tfisser “‘[li] noqogħdu—iżda [li] noqogħdu hemm għal dejjem.’ Din hi s-sejħa tl-messaġġ tal-evanġelju għal … kulħadd … fid-dinja. Ejjew, iżda ejjew biex tibqgħu. Ejjew b’konvinzjoni u b’qawwa. Ejjew b’mod permanenti, għall-ġid tagħkom u għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet kollha li ġejjin warajkom.”6 Għalhekk, aħna nibqgħu fi Kristu hekk kif inkunu fermi u sodi fid-devozzjoni tagħna lejn il-Feddej u l-għanijiet qaddisa tiegħu, kemm fi żmien tajjeb kif ukoll ħażin.7

Aħna nibdew nibqgħu fil-Mulej billi neżerċitaw il-volontà morali tagħna li nieħdu fuqna l-madmad tiegħu8 permezz tal-patti u l-ordinanzi tal-evanġelju rrestawrat. Il-konnessjoni tal-patt li għandna ma’ Missierna fis-Smewwiet u mal-Iben il-ħaj u mqajjem mis-Smewwiet tiegħu hija s-sors divin ta’ perspettiva, tama, qawwa, paċi, u hena li tibqa’; hija wkoll is-sisien ibsin daqs il-blat9 li fuqhom għandna nibnu ħajjitna.

Aħna nibqgħu fih billi kontinwament nagħmlu li nistgħu biex insaħħu r-rabta tal-patt individwali tagħna mal-Missier u l-Iben. Per eżempju, li nitolbu b’sinċerità lill-Missier Etern f’isem l-Iben il-Maħbub tiegħu jsaħħaħ u jiffortifika r-rabta tal-patti tagħna magħhom.

Aħna nibqgħu fih billi verament immantnu lilna nfusna permezz ta’ kliem Kristu. Id-duttrina tas-Salvatur tressaqna, bħala wlied il-patt, eqreb lejh10 u tgħidilna dak kollu li għandna nagħmlu.11

Aħna nibqgħu fih billi nitħejjew b’ħerqa biex nipparteċipaw fl-ordinanza tas-sagrament, nagħtu ħarsa u nirriflettu dwar il-wegħdiet tal-patt tagħna u nindmu b’sinċerità. Li b’mod den nieħdu sehem fis-sagrament hija xhieda lil Alla li aħna lesti nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu u li se nagħmlu li nistgħu biex “dejjem niftakru fih”12 wara l-mument qasir ta’ ħin meħtieġ biex nipparteċipaw f’dik l-ordinanza sagra.

U aħna nibqgħu fih billi nservu lil Alla kif inservu lil uliedu u nimministraw lil ħutna.13

Is-Salvatur qal, “Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti; kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.”14

Jien iddeskrivejt fil-qosor ħafna mill-modi kif nistgħu nibqgħu fis-Salvatur. U issa nistieden lil kull wieħed u waħda minna bħala dixxipli tiegħu biex nitolbu, infittxu, u nħabbtu, u nitgħallmu għalina nfusna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu modi oħra sinifikanti kif nistgħu nagħmlu lil Kristu ċ-ċentru ta’ ħajjitna f’dak kollu li nagħmlu.

U Jiena Nibqa’ Fikom

Il-wegħda tas-Salvatur lid-dixxipli tiegħu hi waħda doppja: jekk aħna nibqgħu fih, Huwa jibqa’ fina. Iżda hi ħaġa possibbli għal Kristu li jibqa’ fikom u fija—individwalment u personalment? It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija iva b’mod assolut!

Fil-Ktieb ta’ Mormon, nitgħallmu dwar it-tagħlim ta’ Alma u x-xhieda tiegħu lill-foqra li t-tbatija tagħhom wasslithom biex ikunu umli. Fl-istruzzjoni tiegħu, huwa qabbel il-kelma ma’ żerriegħa li jeħtieġ li tiġi miżrugħa u mantnuta, u huwa ddeskriva “il-kelma” bħala l-ħajja, il-missjoni, u s-sagrifiċċju espjatorju ta’ Ġesù Kristu.

Alma qal, “Ibdew emmnu fl-Iben ta’ Alla, li hu għandu jiġi biex jifdi lill-poplu tiegħu, u li se jbati u jmut biex ipatti għal dnubiethom; u li huwa se jerġa’ jqum mill-imwiet, u dan se jġib fis-seħħ il-qawmien, fejn il-bnedmin kollha sejrin jieqfu quddiemu, biex f’jum il-ħaqq finali jsir ħaqq minnhom skont għemilhom.”15

Skont din id-deskrizzjoni tal-“kelma” minn Alma, jekk jogħġobkom ikkunsidraw il-konnessjoni li tispirana li huwa jidentifika wara.

“U issa … nixtieq li intom tiżirgħu din il-kelma f’qalbkom, u hekk kif tibda tespandi bl-istess mod araw li tmantnuha permezz tal-fidi tagħkom. U araw, hija ssir siġra, u tibqa’ tikber fikom sal-ħajja ta’ dejjem. “Imbagħad jalla Alla jħaffef it-toqol tagħna, permezz tal-hena ta’ Ibnu. U jekk tridu intom tistgħu sewwasew tagħmlu dan kollu.”16

Iż-żerriegħa li għandna nagħmlu li nistgħu biex niżirgħu f’qalbna hija l-kelma—sewwasew il-ħajja, il-missjoni, u d-duttrina ta’ Ġesù Kristu. U hekk kif il-kelma tiġi mantnuta permezz tal-fidi hija tista’ ssir siġra u tibqa’ tikber fina sal-ħajja ta’ dejjem.17

X’kien is-simboliżmu tas-siġra fid-dehra ta’ Leħi? Is-siġra tista’ tiġi kkunsidrata bħala rappreżentazzjoni ta’ Ġesù Kristu.18

Għeżież ħuti, il-Kelma tinsab fina? Il-veritajiet tal-evanġelju tas-Salvatur huma miktubin fuq it-twavel tal-laħam ta’ qlubna?19 Qegħdin aħna nersqu lejh u gradwalment insiru aktar bħalu? Is-siġra ta’ Kristu tinsab tikber fina? Qegħdin nagħmlu li nistgħu biex insiru “ħlejjaq ġodda”20 fih?21

Jista’ jkun li dan il-potenzjal mirakoluż ispira lil Alma biex jistaqsi: “Twelidtu intom spiritwalment minn Alla? Irċevejtu intom ix-xbieha tiegħu fuq wiċċkom? “Esperjenzajtu intom din il-bidla qawwija f’qalbkom?”22

Għandna dejjem niftakru fl-istruzzjoni li l-Mulej ta lil Ħenok: “Int għandek tibqa’ fija, u jien nibqa’ fik.”23 Jiena nixhed li l-wegħda tas-Salvatur li jibqa’ fina hija vera u disponibbli għal kull membru tal-Knisja rrestawrata tiegħu li jħares il-patti tiegħu.

Għalhekk Imxu Miegħi

L-Appostlu Pawlu widdeb lill-fidili li rċevew fihom lill-Mulej: “Għalhekk imxu intom fih.”24

Li nimxu fis-Salvatur u miegħu jenfasizza żewġ aspett mill-aktar importanti tad-dixxipulat: (1) li nobdu l-kmandamenti ta’ Alla, u (2) niftakru u nonoraw il-patti sagri li jorbtuna mal-Missier u l-Iben.

Ġwanni ddikjara:

“U b’dan nafu li nagħrfu ’l Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu.

“Min jgħid, Jiena nafu, u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-verità mhijiex fih.

Iżda kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha. B’dan nagħrfu li aħna fih.

“Min jgħid li qiegħed jgħammar fih, jeħtieġ li hu jgħix kif għex hu stess.”25

Ġesù jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minna, “ejja, imxi warajja”26 u “imxi miegħi.”27

Nixhed li hekk kif aħna nibqgħu mexjin ’il quddiem fil-ħlewwa tal-Ispirtu tal-Mulej,28 aħna niġu mberkin bil-qawwa, bil-gwida, bil-protezzjoni, u l-paċi.

Testimonjanza u Wegħda

Alma jiddeskrivi appell li l-Mulej għamel lill-erwieħ ħajjin kollha:

“Ara, huwa jibgħat stedina lill- bnedmin kollha, għaliex dirgħajn il-ħniena huma lesti biex jilqgħuhom, u jgħid: Indmu, u jien nilqagħkom.

“… Ejjew għandi u intom tieklu mill-frott tas-siġra tal-ħajja; iva, intom tieklu u tixorbu mill-ħobż u l-ilma tal-ħajja b’xejn.”29

Nenfasizza l-komprensività assoluta tal-appell tas-Salvatur. Huwa għandu xewqa li jbierek bil-grazzja u l-ħniena tiegħu lil kull persuna li qed tgħix bħalissa, li qatt għexet, u li qatt trid tgħix fuq din l-art.

Xi membri tal-Knisja jaċċettaw bħala verità d-duttrina, il-prinċipji, u t-testimonjanzi mxandra ripetutament minn quddiem dan il-pulptu fiċ-Ċentru għall-Konferenza u fil-kongregazzjonijiet lokali madwar id-dinja—u madankollu jafu jsibuha diffiċli jemmnu li dawn il-veritajiet eterni japplikaw speċifikament għal ħajjithom u għaċ-ċirkustanzi tagħhom. Huma jemmnu b’sinċerità u jservu b’sens ta’ dover, iżda r-rabta tal-patti tagħhom mal-Missier u I-Iben il-Feddej tiegħu għadha ma saritx realtà ħajja u trasformanti f’ħajjithom.

Inwegħidkom li permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, intom tistgħu tkunu tafu u tħossu l-veritajiet tal-evanġelju li jiena ppruvajt niddeskrivi għalikom—individwalment u personalment.

Jiena nixhed b’ferħ li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej kollu mħabba u ħaj tagħna. Jekk aħna nibqgħu fih, Hu jibqa’ fina.30 U hekk kif aħna nimxu fih u miegħu, aħna nkunu mberkin biex nipproduċu ħafna frott. Dan nixhdu fl-isem sagru tal-Mulej Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara Ġenesi 5:18–24; Doctrine and Covenants 107:48–57; Moses 6–7.

  2. Moses 6:27.

  3. Moses 6:31.

  4. Moses 6:32, 34; enfażi miżjuda.

  5. Ara Ġwanni 15:4–9.

  6. Jeffrey R. Holland, “Abide in Me,” Liahona, Mejju 2004, 32.

  7. Ara Ġwanni 15:10.

  8. Ara Mattew 11:29–30.

  9. Ara Ħelaman 5:12.

  10. Ara 3 Nefi 27:14-15.

  11. Ara 2 Nefi 32:3.

  12. Moroni 4:3; 5:2.

  13. Ara Mosija 2:17.

  14. Ġwanni 15:10.

  15. Alma 33:22.

  16. Alma 33:23; enfażi miżjuda.

  17. Ara Alma 26:13.

  18. Jiena spjegajt dan il-prinċipju waqt devozzjonali fl-2017:

    “Alma … ‘beda jxandar il-kelma ta’ Alla lin-nies, billi jidħol fis-sinagogi tagħhom, u fi djarhom; iva, u huwa xandar ukoll il-kelma fit-triqat tagħhom’ [Alma 32:1; enfażi miżjuda]. Hu qabbel ukoll il-kelma ta’ Alla ma’ żerriegħa.

    “Issa, jekk tagħtu lok, li żerriegħa tinżera’ ġewwa qalbkom, araw, jekk hi tkun żerriegħa vera, jew żerriegħa tajba, jekk ma tarmuhiex ’il barra permezz tan-nuqqas ta’ fidi tagħkom, jekk ma tirreżistux l-Ispirtu tal-Mulej, araw, hi tibda tespandi ġewwa fikom; u meta tħossuha tespandi fikom, intom tibdew tgħidu lilkom infuskom—bilfors li din żerriegħa tajba, jew li l-kelma hija tajba, għaliex bdiet tkabbar ruħi; iva, bdiet iddawwal l-għarfien tiegħi, iva, bdiet tkun delizzjuża għalija’ [Alma 32:28; enfażi miżjuda].

    “Interessanti l-fatt, żerriegħa tajba ssir siġra hekk kif hi tiġi mħawwla fil-qalb u tibda tespandi, tinbet, u tikber.

    “U araw, hekk kif is-siġra tibda tikber, intom tgħidu: Ejjew immantnuha b’reqqa kbira, biex hija trabbi l-għeruq, ħalli tkun tista’ tikber, u tagħtina l-frott . U issa araw, jekk intom tmantnuha b’reqqa kbir hija trabbi l-għeruq, u tikber, tipproduċi l-frott.

    “‘Iżda jekk ma teħdux ħsieb is-siġra, u ma tarawx li tmantnuha, araw hija ma trabbi l-ebda għeruq; u meta tiġi s-sħana tax-xemx u taħraqha, peress li m’għandha l-ebda għeruq hija tidbiel, u intom taqilgħuha u tarmuha.

    “‘Issa, dan ma jseħħx għax iż-żerriegħa ma kenitx tajba, lanqas għax frottha ma kienx se jkun ta’ min tixiequ; iżda dan iseħħ għax l-art tagħkom hi ħawlija, u intom ma ħadtux ħsieb is-siġra, għalhekk minnha ma jistax ikollkom frott.

    U b’hekk, jekk intom ma teħdux ħsieb il-kelma, u ma tistennewx frottha b’għajn ta’ fidi, intom qatt ma tkunu tistgħu taqtgħu mill-frott tas-siġra tal-ħajja.

    “‘Iżda jekk intom tieħdu ħsieb il-kelma, iva, tieħdu ħsieb is-siġra hekk kif tibda tikber, permezz tal-fidi tagħkom b’tant diliġenza u sabar, u tistennew frottha bil-ħerqa, hija tinbet; u araw hija ssir siġra li tibqa’ tikber u twassal għall-ħajja ta’ dejjem’ [Alma 32:37–41; enfażi miżjuda].

    “… Il-ħaġa ċentrali fil-ħolma ta’ Leħi hija s-siġra tal-ħajja—rappreżentazzjoni ta’ ‘l-imħabba ta’ Alla’ [1 Nefi 11:21–22].

    “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem’ [Ġwanni 3:16].

    “It-twelid, il-ħajja, u s-sagrifiċċju espjatorju ta’ Ġesù Kristu huma l-akbar manifestazzjoni tal-imħabba ta’ Alla għal uliedu Kif xehed Nefi, din l-imħabba kienet ‘l-aktar ħaġa mixtieqa fost kull ħaġa oħra’ u ‘l-aktar hienja għar-ruħ’ [1 Nefi 11:22–23; ara wkoll 1 Nefi 8:12, 15]. Kapitlu 11 ta’ 1 Nefi jippreżenta deskrizzjoni dettaljata tas-siġra tal-ħajja bħala simbolu għall-ħajja, l-ministeru, u s-sagrifiċċju tas-Salvatur—‘il-kondixxendenza ta’ Alla’ [1 Nefi 11:16]. Is-siġra tista’ tiġi kkunsidrata bħala rappreżentazzjoni ta’ Kristu.

    “Mod kif nistgħu nħarsu lejn il-frott fis-siġra huwa bħala simbolu għall-barkiet tal-Espjazzjoni tas-Salvatur. Il-frott deskritt bħala ‘ta’ min jixtiequ biex tkun kuntent’ [1 Nefi 8:10] u jipproduċi hena kbira u x-xewqa li naqsmu dik l-hena ma’ ħaddieħor.

    “Sinifikanti l-fatt li t-tema dominanti tal-Ktieb ta’ Mormon, l-istedina lil kulħadd biex jersaq lejn Kristu [ara Moroni 10:32], hija mill-aktar importanti fid-dehra ta’ Leħi [ara 1 Nefi 8:19]” (“The Power of His Word Which Is in Us” [indirizz mogħti waqt seminar għall-mexxejja tal-missjoni ġodda, 27 ta’ Ġunju, 2017], 4–5).

  19. Ara 2 Korintin 3:3.

  20. 2 Korintin 5:17.

  21. L-analoġija ta’ Alma tgħallimna li x-xewqa li nemmnu tiżra’ ż-żerriegħa ġewwa qalbna, li nieħdu ħsieb taż-żerriegħa permezz tal-fidi tagħna iwassal biex tinbet is-siġra tal-ħajja, u li nieħdu ħsieb is-siġra jwassalna biex ikollna l-frott tas-siġra, li hu “aktar ħelu minn kull ħaġa ħelwa” (Alma 32:42) u huwa “l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla” (1 Nefi 15:36).

  22. Alma 5:14.

  23. Moses 6:34; enfażi miżjuda.

  24. Kolossin 2:6.

  25. 1 Ġwanni 2:3–6; enfażi miżjuda.

  26. Luqa 18:22.

  27. Moses 1:39.

  28. Ara Doctrine and Covenants 19:23.

  29. Alma 5:33–34; enfażi miżjuda.

  30. Ara Ġwanni 15:5.