Konferenza Ġenerali
It-Tagħlim ta’ Ġesù Kristu
konferenza ġenerali April 2023


It-Tagħlim ta’ Ġesù Kristu

Aħna ġejna mogħtija l-iskrittura biex tkun tista’ tidderiġina f’ħajjitna. Il-messaġġ tiegħi llum jikkonsisti minn selezzjoni ta’ kliem minn fomm is-Salvatur tagħna—Huwa x’qal.

Aħna nemmnu fi Kristu Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna nqimuh u nimxu wara t-tagħlim tiegħu li nsibu fl-iskrittura.

Qabel il-Waqgħa, Missierna fis-Smewwiet kellem direttament lil Adam u Eva. Wara, il-missier introduċa lill-Iben il-Waħdieni tiegħu, Ġesù Kristu, bħala s-Salvatur u l-Feddej tagħna u talabna biex “nisimgħuh.”1 Minn din id-direzzjoni nikkonkludu li l-kliem li nsibu fl-iskrittura li huwa mitkellem minn “Alla” jew mill-“Mulej” huwa kważi dejjem il-kliem ta’ Jaħweh, Sidna, Ġesù Kristu, imqajjem mill-imwiet.2

Aħna ġejna mogħtija l-iskrittura biex tkun tista’ tidderiġina f’ħajjitna. Kif għallimna l-profeta Nefi, aħna għandna “niffestiġġjaw permezz ta’ kliem Kristu; għax araw, kliem Kristu jgħidilna dak kollu li għandna nagħmlu.”3 Ħafna mill-iskrittura li titkellem dwar il-ministeri mortali ta’ Ġesù hija deskrizzjoni ta’ dak li Huwa għamel. Il-messaġġ tiegħi llum jikkonsisti minn selezzjoni ta’ kliem minn fomm is-Salvatur tagħna—Huwa x’ qal. Dan hu kliem li nsibu fit-Testment il-Ġdid (inkluż il-kliem miżjud b’mod ispirat minn Joseph Smith) u fil-Ktieb ta’ Mormon. Ħafna minn dawn is-selezzjonijiet jinsabu fis-segwenza li qalhom is-Salvatur tagħna.

“Tassew tassew ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla.”4

“Henjin … dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin bl-Ispirtu s-Santu.”5

“Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.”6

“Smajtu xi ntqal, La tagħmilx adulterju:

“Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.”7

“Smajtu x’intqal, Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.

“Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom;

“Biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.”8

“Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll.

“Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.”9

“Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha; iżda billi m’intomx tad-dinja, għax jien ħriġtkom mid-dinja, id-dinja tobgħodkom.”10

“Għalhekk, tfittxux il-ħwejjeġ ta’ din id-dinja iżda fittxu l-ewwel is-saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”11

“Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-liġi u l-profeti.”12

“Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin ta’ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa.

“Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw jiġbru għeneb mix-xewk, jew tin mill-għollieq?

“Hekk kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel.”13

“Mhux kull min jgħidli, Mulej, Mulej, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet.”14

“Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

“Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”15

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.

“U issa biex bniedem jerfa’ salibu, jeħtieġ jiċħad lilu nnifsu minn kull ħażen, u minn kull ġibda tad-dinja u jħares il-kmandamenti tiegħu.”16

“Għalhekk, araw li tiċħdu lid-dinja, u ssalvaw ruħkom; għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Xi prezz jista’ jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?”17

“Min irid jagħmel ir-rieda tiegħu jaf jekk dan it-tagħlim huwiex minn Alla jew jekk iniex ngħid xi ħaġa minn tiegħi.”18

“Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom.

“Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.”19

“Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.”20

“Qalilha Ġesù: Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix;

“U kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.”21

“[L-akbar kmandament fil-liġi huwa dan:] ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.

“Dan hu l-ewwel u l-akbar kmandament.

“U t-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.

“Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-liġi kollha u tal-profeti.”22

“Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.”23

“Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad, u lanqas titbeżża’.”24

“Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien.”25

“Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.”26

“Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu:

“Għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”27

Wara l-ministeru tiegħu fl-Art Imqaddsa, Ġesù Kristu deher lit-twajbin fil-kontinent Amerikan. Dan hu xi ftit mill-kliem li huwa qal hemmhekk:

“Araw, Jiena Ġesù Kristu, Bin Alla. Jiena ħloqt is-smewwiet u l-art, u kull ħaġa li tinsab fihom. Jien kont mal-Missier mill-bidu. Jiena ninsab fil-Missier, u l-Missier jinsab fija; u fija l-Missier igglorifika ismu.”28

“Jiena d-dawl u l-ħajja tad-dinja. Jiena l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem.

“U intom m’għandkomx toffruli aktar it-tixrid tad-demm; iva, is-sagrifiċċji tagħkom u s-sagrifiċċji tal-ħruq tagħkom għandhom jieqfu, għax jien mhu se naċċetta l-ebda sagrifiċċji u sagrifiċċji tal-ħruq li intom tagħmlu.

“U bħala sagrifiċċju għandkom toffruli qalb maqsuma u spirtu niedem. U min jiġi għandi b’qalb maqsuma u spirtu niedem, lilu jiena ngħammed bin-nar u bl-Ispirtu s-Santu. …

“Araw, jiena ġejt fid-dinja biex inwassal il-fidwa lid-dinja, biex insalva d-dinja mid-dnub.”29

“U għal darb’oħra ngħidilkom, jeħtieġ li tindmu, u titgħammdu f’ismi, u ssiru bħat-tfal ċkejknin, jew bl-ebda mod ma tirtu s-saltna ta’ Alla.”30

“Għalhekk nitlobkom sabiex tkunu perfetti sewwasew kif jiena jien, jew kif missierkom li hu fis-Smewwiet hu perfett.”31

“Tassew, tassew, ngħidilkom, jeħtieġ li tishru u titolbu dejjem, ma tmorrux tispiċċaw imġarrbin mix-xitan, u jeħodkom fil-jasar tiegħu.”32

“Għalhekk jeħtieġ li titolbu dejjem lill-Missier f’ismi.”33

“Għalhekk, dak kollu li intom tagħmlu, agħmluh f’ismi; għalhekk għandkom issemmu l-knisja għalija.”34

“Araw jiena tajtkom l-evanġelju tiegħi, u dan huwa l-evanġelju tiegħi li jiena tajtkom—li jiena ġejt fid-dinja sabiex nagħmel ir-rieda ta’ Missieri, għaliex kien Missieri li bagħatni.”

“U Missieri bagħatni sabiex nittella’ fuq is-salib; u wara li nittella’ fuq is-salib, inkun nista’ nressaq il-bnedmin kollha lejja … biex nagħmel ħaqq mill-għemejjel tagħhom, jekk ikunux tajbin jew jekk ikunux ħżiena.”35

“Issa dan huwa l-kmandament: Indmu, intom kollha minn truf id-dinja, u ejjew għandi u tgħammdu f’ismi, ħalli titqaddsu permezz tal-għotja tal-Ispirtu s-Santu, sabiex intom tieqfu mingħajr tebgħa quddiemi fl-aħħar jum.”36

Aħna nemmnu fi Kristu. Se nagħlaq b’dak li Huwa qal kif aħna nistgħu nkunu nafu u nimxu wara t-tagħlim tiegħu:

“Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom.”37

Jiena nafferma l-verità ta’ dan it-tagħlim f’isem Ġesù Kristu, ammen.