Insibu s-Sliem Personali
Nitlob li intom ssibu s-sliem, tgħinu lil ħaddieħor isibu, u hu jgħaddih lil ħaddieħor.
Għeżież ħuti, aħna ġejna mberkin permezz tat-tagħlim ispirat u l-mużika mill-isbaħ li daħlu f’qalbna f’din is-sessjoni tal-ftuħ tal-konferenza ġenerali. Aħna nirringrazzjawkom għall-parteċipazzjoni u għall-fidi tagħkom.
Illum se nitkellem dwar dak li tgħallimt dwar il-miraklu li nsibu s-sliem personali, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza. Is-Salvatur jaf li l-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet jixtiequ li jkollhom is-sliem, u Hu qal li jista’ jwasslilna dan. Tiftakru l-kliem ta’ Ġesù Kristu kif insibuh fil-ktieb ta’ Ġwanni: “Is-sliem jiena nħallilkom: “Is-sliem tiegħi nagħtikom; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad, u lanqas titbeżża’.”1
Dak li jrid ifisser bi sliem u kif jista’ jwasslilna dan hu żvelat permezz taċ-ċirkustanzi ta’ dawk li semgħuh jitkellem dak il-kliem. Isimgħu r-rakkont fi Ġwanni tal-kulminu tal-ministeru ta’ Kristu. Forzi ħorox tal-ħażen kienu qed jippruvaw iwaqqfuh u fi żmien qasir anke lid-dixxipli tiegħu.
Dan hu kliem is-Salvatur:
“Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.
“U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem;
“L-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom.
“Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom.
“Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu.
“F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom.
Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.
“Ġuda - l-ieħor, mhux l-Iskarjota - qal lil Ġesù: Mulej, din kif inhi li inti se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja?
“Ġesù wieġbu: Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
“Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.
“Għidtilkom dan meta għadni magħkom.
“Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom.
“Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad, u lanqas titbeżża’.”2
Minn dan it-tagħlim tas-Salvatur jiena tgħallimt mill-inqas ħames veritajiet.
L-ewwel, ir-rigal tas-sliem jingħata wara li jkollna l-fidi li nħarsu l-kmandamenti tiegħu. Aħna li aħna membri tal-patt tal-Knisja tal-Mulej, aħna diġà wegħedna li sejrin inkunu ubbidjenti.
It-tieni, l-Ispirtu s-Santu se jiġi u jgħammar magħna. Il-Mulej jgħid li, hekk kif aħna nibqgħu fidili, l-Ispirtu s-Santu jibqa’ jgħammar magħna. Din hi l-wegħda li nsibu fit-talba sagramentali li l-Ispirtu s-Santu jkun is-sieħeb tagħna u li aħna nħossu, f’qalbna u f’moħħna, il-faraġ tiegħu.
It-tielet, is-Salvatur iwiegħed li hekk kif aħna nżommu l-patti tagħna, aħna nistgħu nħossu l-imħabba tal-Missier u l-Iben għal xulxin u għalina. Fil-ħajja mortali tagħna aħna nistgħu nħossu l-qrubija tagħhom, l-istess kif se nagħmlu meta nkunu mberkin li ngħixu magħhom għal dejjem.
Ir-raba’, il-ħarsien tal-kmandamenti tal-Mulej jeħtieġ ferm aktar mill-ubbidjenza. Aħna għandna nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, bis-setgħa tagħna kollha, b’moħħna kollu u bil-qawwa tagħna kollha.”3
Dawk li ma jħobbuhx ma jħarsux il-kmandamenti tiegħu. U lanqas ma jkollhom ir-rigal tas-sliem f’din il-ħajja u fil-ħajja li jmiss.
Il-ħames, hija ovvja li l-Mulej ħabbna biżżejjed li ħallas il-prezz għal dnubietna ħalli aħna nkunu nistgħu—permezz tal-fidi tagħna fih u l-indiema tagħna, permezz tal-effett tal-Espjazzjoni tiegħu—niksbu r-rigal tas-sliem li “jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem,”4 f’din il-ħajja u miegħu fl-eternità.
Xi wħud minnkom, forsi anke ħafna minnkom, m’intomx tħossu fikom is-sliem li wiegħed il-Mulej. Jista’ jkun li tlabtu għas-sliem personali u l-faraġ spiritwali. Madankollu jista’ jkun li tħossu li s-smewwiet mhumiex qed jisimgħu t-talb tagħkom biex ikollkom is-sliem.
Hemm għadu ta’ ruħkom li ma jridx li intom, u dawk li tħobbu, ssibu s-sliem. Huwa ma jistax igawdiha. Huwa qed jaħdem biex jipprevjeni lilkom milli saħansitra ikollkom ix-xewqa li ssibu s-sliem li s-Salvatur u Missierna fis-Smewwiet jixtiequkom li jkollkom.
L-isforzi ta’ Satana biex jiżra’ l-mibegħda u t-tilwim madwarna jidhru li qed jikbru. Nistgħu naraw evidenza ta’ dan fost il-ġnus u fl-ibliet, fir-reġjuni, fil-midja elettronika, u madwar id-dinja.
Madankollu għandna għalfejn inkunu ottimisti: dan għaliex id-Dawl ta’ Kristu jitpoġġa ġewwa kull tarbija tat-twelid. Ma’ dan ir-rigal universali niksbu wkoll sens ta’ x’inhu sewwa, xewqa li nħobbu u li nkunu maħbubin. Hemm sens imnissel ta’ ġustizzja u verità fl-ulied kollha ta’ Alla hekk kif huma jiġu f’din il-ħajja mortali.
L-ottimiżmu tagħna għas-sliem personali għal dawk it-tfal jiddependi min-nies li jieħdu ħsiebhom. Jekk dawk li jrabbuhom u jservuhom ħadmu biex jirċievu r-rigal tas-sliem mingħand is-Salvatur, permezz tal-eżempju u l-isforz personali tagħhom, huma jinkuraġġixxu l-fidi tat-tfal biex huma jikkwalifikaw għar-rigal divin tas-sliem.
Dan hu dak li twiegħed l-iskrittura: “Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.”5 Jeħtieġ li dak li ġie fdat bil-kura u t-trobbija tat-tfal ikun denn tar-rigal tas-sliem.
Sfortunatament, aħna lkoll stajna nħossu l-uġigħ meta tfal imrobbija minn ġenituri mhux ispirati—xi kultant ġenitur wieħed biss—jagħżlu, wara ħajja ta’ fidi u sliem, li jaqbdu t-triq tan-niket.
Anke meta jiġi fis-seħħ dan in-niket, jien xorta nibqa’ ottimist minħabba rigal ieħor mingħand il-Mulej. Li huwa dan: li Huwa jqajjem bosta nies li jġibu s-sliem fost id-dixxipli fidili tiegħu. Huma ħassew is-sliem u l-imħabba ta’ Alla. Huma għandhom l-Ispirtu s-Santu f’qalbhom, u l-Mulej jista’ jiggwidahom biex huma jilħqu lin-nagħaġ li jinsabu jiġġerrew.
Jien rajt dan tul ħajti madwar id-dinja kollha. Intom ukoll rajtu dan iseħħ. Xi kultant, meta tkunu qed tiġu wżati biex issalvaw lil ħaddieħor, tafu taħsbu li qed tagħmlu dan b’kumbinazzjoni.
Darba, jien staqsejt lil xi ħadd li kont iltqajt magħha waqt vjaġġ, “Ma tgħidlix xi ħaġa dwar il-familja tiegħek, hux?” Il-konverżazzjoni wasslitni biex nitlobha biex nara ritratt ta’ bintha li kienet adulta, li qalet li kienet għaddejja minn żmien diffiċi. Laqtitni ferm it-tjubija fuq wiċċ dik it-tifla fir-ritratt. Ħassejt li kelli nitlobha l-indirizz tal-imejl tagħha. F’dak iż-żmien partikolari bintha kienet tħossha mitlufa u bdiet tiddubita jekk Alla kellux xi messaġġ għaliha. Huwa kellu. Kien dan: “Il-Mulej iħobbok. Dejjem ħabbek. Il-Mulej iridek terġa’ lura. Il-barkiet imwiegħda tiegħu għadhom jistennewk.”
Membri madwar il-Knisja ħassew ir-rigal tal-Mulej tas-sliem personali. Huwa qiegħed iħeġġeġ lil kulħadd biex jgħin lil oħrajn ikollhom l-istess opportunitajiet li jersqu lejh u jikkwalifikaw huma stess għal dak l-istess sliem. Huma, min-naħa tagħhom, jagħżlu li jfittxu li jiksbu l-ispirazzjoni biex ikunu kif jistgħu jgħaddu dak ir-rigal lil ħaddieħor.
Il-ġenerazzjoni li għadha tielgħa ssir hija stess dik li trawwem lill-ġenerazzjoni ta’ warajha. L-effett multiplikatur jipproduċi miraklu. Maż-żmien jinfirex u jikber, u s-saltna tal-Mulej fid-dinja tkun imħejjija u lesta biex tilqgħu bl-għajjat tal-hosanna. U jkun hawn is-sliem fid-dinja.
Jien naqsam ix-xhieda ċerta tiegħi li s-Salvatur jgħix u li Hu jmexxi din il-Knisja. Jiena ħassejt imħabbtu f’ħajti u l-imħabba u l-preokkupazzjoni tiegħu għall-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet. L-istedina tas-Salvatur li mmorru għandu hija offerta ta’ sliem.
Il-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ħaj ta’ Alla fid-dinja kollha. Huwa qal, “Jien nagħtikom l-assigurazzjoni tiegħi li minkejja l-kundizzjoni tad-dinja u ċ-ċirkustanzi personali tagħkom, intom tistgħu tiffaċċjaw il-futur b’ottimiżmu u hena.”6
Nesprimi l-imħabba tiegħi lejkom. Il-fidi kbira u l-imħabba tagħkom qed jilħqu lin-nies u qed jippermettu lill-Mulej li jibdel il-qlub u b’riżultat ta’ dan huma jiksbu fihom ix-xewqa li noffru lil ħaddieħor ir-rigal tas-sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem.
Nitlob li intom ssibu s-sliem, tgħinu lil ħaddieħor isibu, u hu jgħaddih lil ħaddieħor. Se jkun hawn elf sena meraviljużi ta’ sliem meta l-Mulej jerġa’ jiġi. Jiena nixhed dan b’ferħ f’isem Ġesù Kristu, ammen.