“Ma Jista’ Jkun Hawn Xejn Aktar Skwiżit u Ħelu mill-Hena li Ħassejt”
Li nindmu ta’ kuljum u li niġu għand Ġesù Kristu huwa l-mod kif nistgħu nesperjenzaw l-hena—hena li tisboq l-immaġinazzjoni tagħna.
Matul il-missjoni mortali tiegħu, is-Salvatur wera kompassjoni kbira għal ulied Alla kollha—speċjalment għal dawk li kienu qed ibatu jew ma baqgħux fis-sewwa. Meta ġie ikkritikat mill-Fariżej għax kien jitħallat mal-midinbin u jiekol magħhom, Ġesù wieġeb billi għallimhom tliet parabboli familjari.1 F’kull waħda minn dawn il-parabboli, Huwa enfasizza l-importanza li wieħed ifittex lil dawk li kienu tilfu t-triq, u l-hena li tinħass meta huma jirritornaw. Per eżempju, fil-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, Hu jgħid, “Fis-smewwiet ikun hemm aktar hena għal midneb wieħed li jindem.”2
Ix-xewqa tiegħi llum hija li nitkellem fuq ir-relazzjoni bejn l-hena u l-indiema—speċifikament, l-hena li tiġi meta aħna nindmu u s-sentimenti ta’ hena li nesperjenzaw hekk kif nistiednu lil oħrajn jiġu għand Kristu u jirċievu s-sagrifiċċju espjatorju tiegħu f’ħajjithom.
Aħna Maħluqin Ħalli Nkunu Nistgħu Jkollna l-Hena
Fl-iskrittura, il-kelma hena tipikament tfisser ħafna iktar minn mumenti li jgħaddu ta’ kuntentizza jew saħansitra sentimenti ta’ ferħ. F’dan il-kuntest, l-hena hija attribut divin, li tilħaq il-milja tagħha meta aħna nirritornaw biex ngħixu fil-preżenza ta’ Alla.3 Hija iktar profonda, edifikanti, dejjiema, u li kapaċi tbiddel il-ħajja minn kull pjaċir jew kumdità oħra li tista’ toffri din id-dinja.
Aħna maħluqin biex ikollna l-hena. Huwa d-destin maħsub tagħna bħala wlied Missier fis-Smewwiet li jħobbna. Huwa jrid jaqsam l-hena tiegħu magħna. Il-profeta Leħi għallem li l-pjan ta’ Alla għal bnedmin kollha hu “li jkunu jistgħu ikollhom l‑hena.”4 Peress li ngħixu f’dinja mitlufa, l-hena dejjiema jew l-hena ta’ dejjem spiss tidher bħala xi ħaġa li diffiċli niksbuha. Madanakollu, fil-vers propju ta’ wara, Leħi jkompli billi jispjega li “il-Messija [ġie biex] … jifdina mill-waqgħa.”5 Il-fidwa, permezz tas-Salvatur Ġesù Kristu, tagħmel l-hena possibbli.
Il-messaġġ tal-evanġelju huwa messaġġ ta’ tama, ta’ “aħbar tajba ta’ hena kbira,”6 u l-mezz li bih kulħadd jista’ jesperjenza l-paċi u okkażjonijiet ta’ hena f’din il-ħajja u jirċievi l-milja tal-hena fil-ħajja li jmiss.7
L-hena li qed nitkellmu dwarha hija don għal dawk li għandhom il-fidi, madanakollu ma tiġix b’xejn. L-hena mhijiex irħisa u lanqas ma tingħata kif ġieb u leħaq. Anzi, din inxtrat “bid-demm prezzjuż ta’ [Ġesù] Kristu.”8 Kieku kellna nifhmu tajjeb il-valur tal-hena vera u divina, ma naħsbuhiex darbtejn biex nissagrifikaw kull ġid materjali jew nagħmlu kwalunkwe bidla meħtieġa f’ħajjitna biex niksbuha.
Sultan setgħan, għalkemm umli, fil-Ktieb ta’ Mormon fehem dan. “X’għandi nagħmel,” staqsa, “sabiex nitwieled minn Alla, u biex dan l-ispirtu ħażin jitqaċċat mill-qiegħ ta’ qalbi, u nirċievi l-Ispirtu tiegħu, sabiex inkun nista’ nimtela bil-hena … ? Ara, qal hu, jiena lest li nħalli l-ġid kollu tiegħi warajja, iva, lest nabbanduna s-saltna tiegħi, sabiex nirċievi din l-hena kbira.”9
Bħala tweġiba għall-mistoqsija tas-sultan, il-missjunarju Aaron qal, “Jekk din hija x‑xewqa tiegħek, jekk inti tindem mid‑dnubiet kollha tiegħek, u tmil quddiem Alla.”10 L-indiema hija t-triq għall-hena, 11 għaliex hija t-triq li twassal għand is-Salvatur Ġesù Kristu.12
Il-Hena Tiġi permezz ta’ Ndiema Sinċiera
Għal xi wħud, il-ħsieb li l-indiema hija t-triq għall-hena jista’ jidher kontradittorju. L-indiema, kultant, tista’ tkun ta’ wġigħ u diffiċli. Teħtieġ li nammettu li xi wħud mill-ħsibijiet u azzjonijiet tagħna—saħansitra xi twemmin tagħna—kienu ħżiena. L-indiema titlob minna wkoll bidla, li, xi drabi, taf toħloq skumdità. Iżda l-hena u l-kumdità mhumiex l-istess ħaġa. Id-dnub—inkluż id-dnub tal-kompjaċenza—jillimita l-hena tagħna.
Kif jgħid is-Salmista, “Filgħaxija jidħol il-biki, filgħodu jidwi l-għajjat ta’ hena.”13 Hekk kif nindmu minn dnubietna, jenħtieġ niffukaw fuq l-hena kbira li tiġi wara. L-iljieli jafu jidhru twal, imma l-jum fl-aħħar jisbaħ, u mbagħad għiduli l-ġmiel tal-paċi u l-hena tal-għaġeb li nħossu hekk kif l-Espjazzjoni tas-Salvatur teħlisna mid-dnub u mit-tbatija.
Ma Jista’ Jkun Hawn Xejn Aktar Skwiżit u Ħelu
Ikkonsidraw l-esperjenza ta’ Alma fil-Ktieb ta’ Mormon. Huwa kien “ittorturat minn turment etern,” u ruħu kienet “imħarbta” minħabba dnunbietu. Iżda ġaladarba huwa dar lejn is-Salvatur għall-ħniena, hu “ma seta’ bl-ebda mod jiftakar l-uġigħ [tiegħu].”14
“O, dik hena!,” seħaq, “u x’dawl tal-għaġeb jiena rajt quddiemi; tassew, … ma jista’ jkun hawn xejn aktar skwiżit u aktar ħelu mill-hena tiegħi.”15
Din hija t-tip ta’ hena disponibbli għal dawk li jiġu għand Ġesù Kristu permezz tal-indiema.16 Kif għallem il-President Russell M. Nelson:
“L-indiema tiftaħ l-aċċess tagħna għall-qawwa tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. …
“Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li ninbidlu! Aħna nħallu lis-Salvatur jittrasformana fl-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Aħna nagħżlu li nikbru spiritwalment u nirċievu l-hena—l-hena tal-fidwa fih. Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li nsiru nixbhu aktar lil Ġesù Kristu!”17
L-indiema ġġib l-hena għaliex hija tħejjilna qalbna biex nirċievu l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. Li timtela bl-Ispirtu s-Santu jfisser li tkun mimli bl-hena. Li tkun mimli bl-hena ifisser li timtela bl-Ispirtu s-Santu.18 L-hena tagħna tiżdied meta ta’ kuljum naħdmu biex inġibu lill-Ispirtu f’ħajjitna. Kif mgħallmin mill-profeta Mormon: “Madanakollu kienu spiss isumu u jitolbu, u tqawwew iktar u iktar fl-umiltà tagħhom, u ssudaw iktar u iktar fil-fidi [tagħhom] fi [Kristu], sa ma mlew lil ruħhom bil-hena u l-faraġ.”19 Lil kull min jistinka biex jimxi warajh, il-Mulej iwiegħed, “jiena nagħtikom … l-Ispirtu tiegħi, li jdawwal moħħkom, li jimla ruħkom bl-hena.”20
L-Hena meta Ngħinu lil Ħaddieħor Jindem
Wara li nkunu ħassejna l-hena li tiġi minn indiema sinċiera, b’mod naturali aħna nkunu nixtiequ naqsmu l-hena tagħna ma’ oħrajn. U meta nagħmlu dan, l-hena tagħna timmultiplika ruħha. Dan hu sewwasew dak li ġara lil Alma.
“Din hi l-glorja tiegħi,” huwa qal, “li forsi nista’ nkun strument f’idejn Alla biex inwassal xi ruħ lejn l-indiema; u din hi l-hena tiegħi.
“U araw, meta jien nara lil ħafna minn ħuti jindmu verament, u jersqu lejn il-Mulej Alla tagħhom, hemmhekk ruħi timtela bil-hena; hemmhekk jiena niftakar f’dak li l-Mulej għamel miegħi, … tassew, hemmhekk niftakar fid-driegħ tal‑ħniena tiegħu li huwa estenda lejja.”21
Li ngħinu lil ħaddieħor jindem hija espressjoni naturali ta’ gratitudni lejn is-Salvatur, u huwa sors ta’ hena kbir. Il-Mulej wiegħed:
“U jekk għandu jkun li intom … tressqu, imqar ruħ waħda lejja, kemm sa tkun kbira l-hena tagħkom miegħu fis-saltna ta’ Missieri!”
“U issa, jekk l-hena tagħkom tkun kbira minħabba ruħ waħda li intom tressqu lejja … , kemm tkun akbar l-hena tagħkom jekk tressqu lejja ħafna erwieħ!”22
Kemm Hija Kbira l-Hena Tiegħu fir-Ruħ li Tindem
Insibha tgħinni meta nipprova nimmaġina l-hena li s-Salvatur iħoss kull darba li nirċievu l-barkiet tas-sagrifiċċju espjatorju f’ħajjitna.23 Kif ikkwotat mill-President Nelson,24 l-Appostlu Pawlu fl-ittra tiegħu lil-Lhud qasam magħna din l-idea ħelwa: “ejjew inwarrbu … kull dnub li malajr ifixkilna, u … inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib … u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.”25 Aħna ta’ spiss nitkellmu dwar l-uġigħ u t-tbatija tal-Ġetsemani u l-Kalvarju, imma rari nitkellmu dwar l-hena kbira li s-Salvatur żgur li antiċipa hekk kif offra ħajtu għalina. Evidentament, l-uġigħ tiegħu u t-tbatija tiegħu kienu għalina, sabiex inkunu nistgħu nesperjenzaw l-hena li nħossu meta nirritornaw miegħu fil-preżenza ta’ Alla.
Wara li għallem il-poplu fl-Amerka tal-qedem, is-Salvatur esprima l-imħabba kbira tiegħu għalihom billi qal:
“Issa, araw, l-hena tiegħi hija kbira, saħansitra sal-milja tagħha, minħabba fikom … ; tassew, u saħansitra l-Missier jithenna, u l-istess l-anġli qaddisa kollha. …
“… Fikom għandi [il-] milja tal-hena.”26
Ejjew għand Kristu u Iksbu l-Hena Tiegħu
Ħuti, nikkonkludi billi naqsam magħkom ix-xhieda personali tiegħi, li jiena nqisha bħala don sagru. Jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tad-dinja. Jien naf li huwa jħobbna lkoll. Il-konċentrazzjoni unika tiegħu, “il-ħidma u l-glorja” tiegħu,27 hija li jgħinna nirċievu milja ta’ hena fih. Jiena xhud personali li li nindmu ta’ kuljum u niġu għand Ġesù Kristu huwa l-mod kif nistgħu nesperjenzaw l-hena—hena li tisboq l-immaġinazzjoni tagħna.28 Hu għalhekk li qegħdin hawn fid-dinja. Huwa għalhekk li Alla ħejja l-pjan kbir tiegħu ta’ kuntentizza għalina. Ġesù Kristu huwa verament “it-triq, il-verità, u l-ħajja”29 u l-uniku “isem mogħti taħt is-smewwiet li permezz tiegħu il-bniedem jista’ jsalva fis-saltna ta’ Alla.”30 Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.