Iffokaw fuq Ġesù Kristu
Il-Mulej Ġesù Kristu huwa s-soluzzjoni għall-problemi tagħna, iżda jeħtieġ ngħollu ’l fuq għajnejna u ħarsitna biex narawh.
Missieri kien jgħidli, “Toqgħodx tiffoka wisq fuq il-problemi tiegħek li tispiċċa ma tarax is-soluzzjoni.”
Jien nixhed li l-Mulej Ġesù Kristu huwa s-soluzzjoni anke tal-aktar problemi diffiċli tagħna. Speċifikament, Hu għeleb erba’ problemi li aħna lkoll niffaċċjaw u li ħadd minna ma jista’ jsolvi waħdu:
-
L-ewwel problema hija l-mewt fiżika. Nistgħu forsi ntawlu xi ftit dil-ħajja jew ninjoraw il-mewt, iżda ma nistgħux negħlbuha weħidna. Ġesù Kristu, madankollu, għeleb il-mewt għalina, u b’konsegwenza ta’ dan, xi darba aħna lkoll nistgħu nqumu mill-mewt.1
-
It-tieni problema tinkludi l-hemm, l-esperjenzi diffiċli, in-niket, l-uġigħ, u l-inġustizzja ta’ din id-dinja. Ġesù Kristu għeleb dan kollu. Għal dawk kollha li jagħmlu li jistgħu biex jimxu warajh, għad jasal il-jum meta Hu sejjer “jixxottalna kull demgħa” u jsewwi kull inġustizzja.2 Intant, Huwa jista’ jagħtina l-qawwa li ngħaddu mill-isfidi tagħna b’kunfidenza, bi tbissima, u b’paċi.3
-
It-tielet problema hija l-mewt spiritwali riżultat tad-dnub. Ġesù Kristu għeleb din il-problema billi minn rajh “għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu.”4 Grazzi għas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, aħna nistgħu niġu meħlusin minn dnubietna jekk ikollna l-fidi fis-Salvatur, nindmu b’sinċerità, naċċettaw il-patt li l-Missier joffrilna permezz ta’ ordinanzi essenzjali bħall-magħmudija, u li nibqgħu sħaħ sal-aħħar.5
-
Ir-raba’ problema hija n-natura limitata u imperfetta tagħna. Ġesù Kristu għandu s-soluzzjoni għal din il-problema wkoll. Huwa mhux sempliċiment iħassar l-iżbalji tagħna u jerġa’ jagħtina lura l-innoċenza. Hu jista’ jwettaq “bidla qawwija f’ … qalbna, fejn ma jkollniex aktar dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażen, iżda li nagħmlu kontinwament it-tajjeb.”6 Aħna nistgħu nipperfezzjonaw irwieħna permezz tal-grazzja ta’ Kristu u xi darba nsiru bħalu.7
Sfortunatament, kemm-il darba aħna nikkonċentraw wisq fuq il-problemi tagħna li ma nibqgħux niffokaw fuq is-soluzzjoni, is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Kif nistgħu nevitaw dak l-iżball? Nemmen li t-tweġiba tinsab fil-patti li aħna mistiedna nagħmlu miegħu u ma’ Missierna fis-Smewwiet.
Niffokaw fuq Ġesù Kristu permezz tal-Patti
Il-patti tagħna jgħinuna niffokaw l-attenzjoni tagħna, ħsibijietna, u għemilna fuq Kristu. Hekk kif aħna “nibqgħu fidili għall-patti li għamilna,” aħna nistgħu b’aktar faċilità nidentifikaw “il-ħwejjeġ ta’ did-dinja” li jeħtieġ li “npoġġu fil-ġenb” u għandna nfittxu b’ħerqa “ħwejjeġ ta’ dinja aħjar.”8
Dan hu dak li għamlu n-nies ta’ Għammon fil-Ktieb ta’ Mormon. Hekk kif huma tgħallmu dwar Ġesù Kristu u bdew jiffokaw ħajjithom fuqu, huma għarfu li huma kellhom jidfnu l-armi tagħhom tal-gwerra u jsiru għal kollox onesti u “magħrufin għall-ħeġġa kbira tagħhom lejn Alla.”9
Il-patt ikompli jħeġġiġna biex nimxu wara dak kollu li jistieden l-influwenza tal-Ispirtu u niċħdu dak kollu li jbiegħdu minna—“Għax aħna nafu li jekk aħna nistgħu nkunu denji tal-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, inkunu wkoll denji li ngħixu fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet u ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.”10 Dan ifisser li jista’ jkollna l-bżonn li nibdlu l-lingwaġġ tagħna u nużaw lingwaġġ aktar ħelu. Dan jaf ifisser li nibdlu drawwiet spiritwalment xejn tajbin ma’ drawwiet li jsaħħu r-relazzjoni tagħna mal-Mulej, bħat-talb u l-istudju tal-iskrittura ta’ kuljum, kemm dawk individwali kif ukoll mal-familja tagħna.
Il-President Russell M. Nelson qal li “kull persuna li tagħmel il-patti fil-fonti tal-magħmudija u fit-tempji—u tħarishom—għandna aċċess akbar għall-qawwa ta’ Ġesù Kristu. …
“Il-premju talli nħarsu l-patti ma’ Alla huwa qawwa divina—qawwa li ssaħħaħna sabiex inkunu nistgħu nikkumbattu aħjar l-isfidi, it-tiġrib, u l-uġigħ il-qalb tagħna.”11
Li kull nhar ta’ Ħadd waqt is-sagrament aħna nġeddu l-patti tagħna hija opportunità kbira biex neżaminaw lilna nfusna12 u nerġgħu niffokaw ħajjitna mill-ġdid fuq Ġesù Kristu. Billi nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nkunu qed niddikjaraw li “dejjem niftakru fih.”13 Il-kelma dejjem hi mill-aktar sinifikanti. Turi l-influwenza tas-Salvatur f’kull parti ta’ ħajjitna. Aħna ma niftakruhx biss fil-knisja jew waqt it-talb tagħna ta’ filgħodu jew waqt li nkunu fi żmien ta’ nkwiet biss u jeħtieġ li nagħmlu xi ħaġa.
Verament li xi kultant naljenaw ruħna. Ninsew. Nitilfu l-attenzjoni tagħna. Iżda li nġeddu l-patti tagħna ifisser li aħna rridu dejjem niftakru fis-Salvatur, li nippruvaw nagħmlu dan tul il-ġimgħa, u li l-ġimgħa d-dieħla nerġgħu nirrikommettu ruħna u niffokaw fuqu għal darb’oħra fuq il-mejda tas-sagrament.
Niffokaw fuq Ġesù Kristu fi Djarna
M’hemmx dubju, li niffokaw fuq Ġesù Kristu jfisser ferm aktar milli nagħmlu dan f’jum il-Ħadd, f’attività tal-knisja. Meta l-President Nelson introduċa Come, Follow Me fl-2018, huwa qal, “Wasal iż-żmien għal Knisja ċċentrata madwar id-dar.”14 Hu qal li għandna “nittrasformaw darna f’santwarju ta’ fidi” u “ċentru ta’ tagħlim tal-evanġelju.” U hu wegħidna erba’ wegħdiet mill-isbaħ jekk nagħmlu dan.15
L-ewwel wegħda: “Jiem il-Mulejtagħkom verament ikunu l-għaxqa tagħkom.” Isir jum li fih nersqu aktar qrib is-Salvatur tagħna. Kif qalet waħda tfajla mill-Peru, “Jum il-Mulej huwa l-jum li fih nikseb l-aktar tweġibiet mingħand il-Mulej.”
It-tieni wegħda: “It-tfaltagħkom ikollhom ħerqa kbira biex jitgħallmu u jgħixu t-tagħlim tas-Salvatur.” Għal din ir-raġuni, “aħna nitkellmu dwar Kristu, nifirħu fi Kristu, u nxandru lil Kristu, … sabiex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għal maħfra ta’ dnubiethom.”16
Aħna nagħmlu dan biex xi darba, meta t-tifel tagħna jmur għax-xogħol jew imur jimxi qalb il-muntanji jew jikkaċċja l-annimali fil-foresta, kif għamel Enos, huwa jiftakar x’għallimnieh aħna dwar Kristu u dwar l-hena li wieħed jgħix l-evanġelju. U min jaf? Dan jaf ikun il-jum meta hu finalment iħoss fih il-ġuħ spiritwali li jwasslu biex idur lejn Ġesù Kristu ħalli jkun jista’ jisma’ leħen il-Mulej jgħidlu, “Dnubietek maħfura, u inti se tkun imbierek.”17
It-tielet wegħda: “L-influwenza tal-avversarju fil-ħajja tagħkom u fid-dar tagħkom tonqos.” Għalfejn? Għax aktar ma niffokaw fuq Ġesù Kristu, aktar id-dnub jitlef l-attrazzjoni tiegħu.18 Hekk kif djarna jimtlew bid-dawl tas-Salvatur, ikun hemm anqas u anqas spazju għad-dalma tal-avversarju.
Ir-raba’ wegħda: “It-tibdil li jseħħ fil-familja tagħkom ikun wieħed drammatiku u li jsostnikom.” Għalfejn? Għax il-bidla li jwasslilna Ġesù Kristu hija “bidla qawwija.”19 Huwa jibdel l-istess natura tagħna; aħna nsiru “ħlejjaq ġodda.”20 Aħna gradwalment insiru aktar bħas-Salvatur, mimlijin bl-imħabba safja tiegħu lejn l-ulied kollha ta’ Alla.
Min ma jridx li f’ħajtu u f’ħajjet familtu jikseb dawn il-wegħdiet? X’jeħtieġ nagħmlu biex niksbuhom? It-tweġiba hi li nittrasformaw darna f’santwarju ta’ fidi u ċentru ta’ tagħlim tal-evanġelju. U kif nistgħu nagħmlu dan? Billi niffokaw fuq Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu, nagħmluhom iċ-ċentru tal-ħajja tal-familja tagħna, l-aktar influwenza importanti f’darna.
Tippermettuli nissuġġerixxi li tibdew billi tagħmlu kliem Kristu, kif jinstab fl-iskrittura, xi ħaġa ta’ kuljum f’ħajjitkom? M’hemm l-ebda formula preskritta għal studju perfett tal-iskrittura. Tafu tagħmlu 5 minuti jew 10 kuljum—jew aktar jekk tistgħu. Jaf ikun kapitlu jew xi ftit versi kuljum. Xi familji jippreferu jistudjaw filgħodu qabel jitilqu għall-iskola jew għax-xogħol. Oħrajn jippreferu jaqraw billejl qabel jorqdu. Xi koppji żgħażagħ qaluli li huma jistudjaw individwalment fi triqthom lejn ix-xogħol u mbagħad jaqsmu l-ideat tagħhom bejniethom permezz ta’ xi messaġġ, ħalli l-kummenti u d-diskussjonijiet tagħhom ikunu rreġistrati.
Come, Follow Me jipprovdilna bosta suġġerimenti dwar attivitajiet u riżorsi li jistgħu jgħinu lill-individwi u lill-familji jitgħallmu l-prinċipji tal-evanġelju mill-iskrittura. Il-vidjos tal-Bibbja u l-vidjos tal-Ktieb ta’ Mormon huma wkoll għodda li tagħmel l-iskrittura aktar aċċessibbli għall-familja tagħkom. Iż-żgħażagħ u t-tfal ħafna drabi jispiraw ruħhom mill-istejjer memorabbli li hemm fl-iskrittura. Dawn l-istejjer, u l-prinċipji tal-evanġelju li jgħallmuna, jibqgħu ma’ wliedkom, bħallikieku huma xi ħbieb ta’ min jafda fihom, meta jkunu jeħtieġu eżempji tajba ta’ servizz, virtù, ubbidjenza, sabar, perseveranza, rivelazzjoni personali, karità, umiltà, u fidi f’Ġesù Kristu. Maż-żmien, il-konsistenza tagħkom fil-manteniment permezz tal-kelma ta’ Alla jgħin lil uliedkom jersqu dejjem aktar qrib tas-Salvatur. Huma jsiru jafuh aktar minn qatt qabel.
Il-Mulej Ġesù Kristu jgħix illum. Huwa jista’ jkun preżenza attiva u ta’ kuljum f’ħajjitna. Huwa s-soluzzjoni għall-problemi tagħna, iżda jeħtieġ ngħollu l’ fuq għajnejna u ħarsitna biex narawh. Huwa qal, “Ħares lejja f’kull ħsieb; tiddubitax, tibżax.”21 Hekk kif niffokaw fuqu u fuq Missierna fis-Smewwiet, nagħmlu u nħarsu l-patti li nagħmlu magħhom, u nagħmluhom l-aktar influwenza importanti fi djarna u fil-familja tagħna, aħna nsiru t-tip ta’ nies li tkellem dwarhom il-President Nelson: “Nies kapaċi, lesti, u denji li jirċievu lill-Mulej meta Hu jerġa’ jiġi, nies li għażlu diġà lil Ġesù Kristu u mhux lil din id-dinja mitlufa, nies li jithennew fil-volontà tagħhom li jgħixu l-liġijiet ogħla, u aktar qaddisa ta’ Ġesù Kristu.”22 F’isem Ġesù Kristu, ammen.