Hu Seta’ Jfejjaqni!
Il-fejqan u l-qawwa feddejja tas-Salvatur tapplika għall-iżbalji aċċidentali, għad-deċiżjonijiet ħżiena, għall-isfidi, u l-provi tagħna ta’ kull tip—kif ukoll għal dnubietna.
Moroni jwiegħed li jekk aħna naqraw il-Ktieb ta’ Mormon u mbagħad nistaqsu ’l Alla l-Missier Etern, b’qalb sinċiera, b’intenzjoni ġenwina, b’fidi fi Kristu jekk huwiex veru, Alla jurina l-verità tiegħu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.1 Miljuni ta’ nies applikaw din il-wegħda u kisbu xhieda assiguranti tar-Restawrazzjoni tal-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.
Moroni jħeġġiġna, biex hekk kif naqraw il-Ktieb ta’ Mormon, “niftakru kemm kien ħanin il-Mulej ma’ wlied il-bnedmin, mill-ħolqien ta’ Adam sewwasew sa daż-żmien, … u nixtarruh f’qalbna.”2 L-istejjer u t-tagħlim fil-Ktieb ta’ Mormon ifakkruna u jixhdu magħna dwar l-imħabba, il-kompassjoni, u l-ħniena tas-Salvatur.
Missieri miet f’April tal-2013. Hekk kif kont qed inħejji biex nitkellem fil-funeral tiegħu, intbaħt kemm kont imbierek li kont naf u kont ngħożż il-passaġġi favoriti tiegħu mill-iskrittura. Huwa kien jaqsamhom magħna meta konna nitaqgħu bħala familja, u hu kien jaqrahom miegħi meta kont neħtieġ xi parir, gwida, jew insaħħaħ il-fidi tiegħi. Jien smajtu jikkwotahom f’xi diskorsi u assenjazzjonijiet li kien ikollu. Jien mhux biss kont nafhom iżda għadni niftakar kif kien leħnu kif ukoll is-sentimenti spiritwali li ħassejt hekk kif jien jaqsamhom magħna. Minħabba li kien jaqsam magħna l-iskrittura u s-sentimenti tiegħu, missieri għenni nibni pedament sod ta’ fidi fil-Mulej Ġesù Kristu.
Missieri partikolarment kien jogħġbu ħafna r-rakkont taż-żjara tas-Salvatur fost il-poplu ta’ Nefi.3 Dan ir-rakkont sagru jitkellem dwar il-Mulej Ġesù Kristu mqajjem mill-imwiet u eżaltat. Huwa xorob mill-kalċi morr u bata kull tip ta’ tbatija biex aħna ma nbatux jekk aħna nindmu.4 Huwa żar id-dinja tal-ispirti u organizza x-xandir tal-evanġelju hemmhekk.5 Huwa qam mill-imwiet, u Huwa kien mal-Missier u rċieva mingħandu kmandamenti biex jaqsam l-iskrittura man-Nefiti li twassal biex tbierek ġenerazzjonijiet futuri.6 Hu ġie eżaltat u kien mimli bil-qawwa u l-kapaċità eterni tiegħu kollha. Aħna nistgħu nitgħallmu minn kull dettall ta’ tagħmilu.
F’ 3 Nefi 11, naqraw kif is-Salvatur niżel mis-smewwiet biex jgħallem lin-Nefiti li Huwa kien Ġesù Kristu, dak li l-profeti xehdu li kellu jiġi fid-dinja. Huwa ddikjara li Hu kien id-Dawl tad-Dinja u li Huwa gglorifika lill-Missier hekk kif ħa fuqu d-dnubiet tad-dinja. Huwa stieden lin-nies biex imorru u jmissu b’idejhom ġenbu u jħossu l-marki tal-imsiemer li kellu f’idejh u f’riġejh. Huwa riedhom ikunu jafu li Hu kien l-Alla ta’ Iżrael li ġie maqtul għad-dnubiet tad-dinja. In-nies wieġbu b’ferħ, u marru lkoll wieħed wieħed sakemm huma kollha missew u ħassew li verament kien Hu, Dak li l-profeti kitbu li kellu jiġi.7
Ġesù għallem lin-Nefiti dwar l-importanza tal-indiema, dwar li wieħed isir bħat-tfal iż-żgħar, u dwar il-ħtieġa li wieħed jitgħammed minn xi ħadd li għandu l-awtorità tiegħu. Huwa mbagħad għallem ħafna mid-duttrina li qed nistudjaw din is-sena fit-Testment il-Ġdid.
F’ 3 Nefi 17, aħna naqraw li Ġesù qal lin-nies li kien wasallu ż-żmien biex Hu jmur ħdejn il-Missier u biex juri wkoll lilu nnifsu lit-tribujiet mitlufa ta’ Iżrael.8 Hekk kif Huwa xeħet għajnejh fuq il-miġemgħa, Hu seta’ jara li huma kienu bid-dmugħ f’għajnejhom, iħarsu dritt lejh bħallikieku jridu jitolbuh jibqa’ ftit ieħor magħhom.9
It-tweġiba tas-Salvatur lin-Nefiti kienet kemm kommoventi kif ukoll istruttiva. Huwa qal, “Araw, jiena mimli kompassjoni għalikom.”10
Jien nemmen li l-kompassjoni tiegħu kienet aktar milli rispons għad-dmugħ tal-poplu. Jidher li Hu seta’ jarahom permezz tal-għajnejn tas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu. Huwa ra kull uġigħ, tbatija, u tiġrib tagħhom. Huwa ra l-mard tagħhom. Huwa ra d-dgħufijiet tagħhom, u Hu kien jaf mit-tbatija doloruża tiegħu fil-Ġetsemani u fuq il-Golgota kif seta’ jwasslilhom is-serħan fit-tbatija tagħhom.11
Bl-istess mod, meta s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, iħares lejna, Huwa jara u jifhem l-uġigħ u t-toqol ta’ dnubietna. Huwa jara l-vizzji u l-isfidi tagħna. Huwa jara t-taqbid u l-hemm tagħna ta’ kull għamla—u Huwa mimli bil-kompassjoni lejna.
Wara naqraw dwar l-istedina grazzjuża tiegħu lin-Nefiti: “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ġibuhom hawn. Hemm min hu magħtub, jew agħma jew zopp jew imġiddem jew mifluġ jew li hu trux jew li qed isofri b’ xi mod? Ġibuhom hawn u jien infejjaqhom, għax jien għandi kompassjoni għalikom; jiena kollni ħniena.”12
U n-nies ġew “ma’ dawk kollha li b’xi mod kienu morda; u hu fejjaqhom ilkoll hekk kif ittieħdu quddiemu.”13
Fl-1990 aħna konna qed noqogħdu fil-belt żgħira ta’ Sale, ġo Victoria, l-Awstralja. Aħna konna ferħanin li konna attivi bl-impenji tagħna tal-familja, tal-Knisja, u tax-xogħol. Fil-jum tas-Sibt sabiħ u sajfi ftit qabel il-Milied, iddeċidejna li mmorru nżuru xi ftit ġonna u xi bajja favorita tagħna. Wara li għaddejnieha ngawdu l-jum nilagħbu bħala familja, aħna tlajna lkoll fil-karozza u erħejnielha lejn id-dar. Waqt li kont qed insuq, jien għal mument marret għajni bija u kkawżajt aċċident gravi. Wara ftit tal-ħin ta’ rikupru, jien ħarist madwar il-karozza. Marti, Maxine, kienet kisret waħda sew saqajha u bdiet issib diffikultà tieħu n-nifs. Kellha ksur fil-isternu tagħha. It-tlett ibniet tagħna kellhom fuqhom xokk kbir iżda nirringrazzja ’l Alla dehru li ma kellhom xejn kbir. Kienu korrew ħafif. Iżda t-tifel tagħna ta’ ħames xhur kien mitluf minn sensih.
Fost l-istress u l-konfużjoni ta’ dik ix-xena tal-aċċident, it-tifla l-kbira tagħna, Kate, li kellha 11-il sena qabel b’urġenza, “Pà, jeħtieġ tagħti barka lil Jarom.” Bi ftit ta’ diffikultà, jien u wliedi l-bniet irnexxielna noħorġu mill-karozza. Maxine ma setgħetx tiċċaqlaq. Jiena erfajt b’attenzjoni lil Jarom; imbagħad waqt li kont mindud mal-art, poġġejtu bil-mod fuq sidri u tajtu barka tas-saċerdozju. Sal-ħin li waslet l-ambulanza, xi 40 minuta wara, Ġarom kien ġie f’sensih.
Din il-lejla, ħallejt tliet membri tal-familja warajja fl-isptar u qbadt taksi lejn id-dar flimkien ma’ tnejn minn uliedi l-bniet. Tul dak il-lejl twil, jiena tlabt bil-ħerqa lil Missierna fis-Smewwiet biex il-membri tal-familja tiegħi u dawk li weġġgħu fil-vettura l-oħra jirkupraw. Grazzi għall-ħniena t’Alla, it-talb tiegħi u dak offrut b’mod ferventi minn ħafna oħrajn ġie mismugħ. Ilkoll maż-żmien fiequ, barka mill-aktar kbira u ħniena mill-aktar ħelwa.
Iva, jien komplejt inħoss fija sentiment profond ta’ ħtija u rimors talli kont ikkawżajt aċċident daqshekk terribbli. Kont nispiċċa nqum matul il-lejl u nerġa’ ngħix mill-ġdid dawk il-ġrajjiet orribbli. Għal snin sħaħ bdejt insibha diffiċli naħfer lili nnifsi u nsib il-paċi. Imbagħad, bħala mexxej tas-saċerdozju, waqt li kont qed nassisti lil ħaddieħor jindem u ngħinhom iħossu l-kompassjoni, il-ħniena, u l-imħabba tas-Salvatur, irrealizzajt li Hu seta’ jfejjaq lili.
Il-fejqan u l-qawwa feddejja tas-Salvatur tapplika għall-iżbalji aċċidentali, għad-deċiżjonijiet ħżiena, għall-isfidi, u l-provi tagħna ta’ kull tip—kif ukoll għal dnubietna. Hekk kif jiena dort lejh, is-sentimenti tiegħi ta’ ħtija u rimors ftit ftit inbidlu f’sentimenti ta’ paċi u mistrieħ.
Il-President Russell M. Nelson għallem: “Meta s-Salvatur ħallas il-prezz għall-umanità kollha, Hu fetaħ triq biex dawk li jimxu warajh ikun jista’ jkollhom aċċess għall-fejqan, għall-qawwa setgħana u feddejja tiegħu. Dawn il-privileġġi spiritwali huma disponibbli għal dawk kollha li jfittxu li jisimgħuh u jimxu warajh.”14
Ħuti, kemm jekk intom qed iġġorru t-toqol ta’ xi dnub li għadkom ma ħlistux minnu, kemm jekk qed tbatu għax ma tistgħux tinsew xi offiża li twettqet kontrikom snin ilu, jew qed issibuha diffiċli taħfru lilkom infuskom għal xi żball aċċidentali, intom għandkom aċċess għall-qawwa li tfejjaq u tifdi tas-Salvatur Ġesù Kristu.
Jiena nixhed li Huwa jgħix. Huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Huwa jħobbna. Huwa għandu kompassjoni lejna, Huwa mimli ħniena, u Huwa jista’ jfejjaqkom. F’isem Ġesù Kristu, ammen.