Konferenza Ġenerali
Qatt Toqgħod Lura Meta Jkollok Opportunità li Tagħti Xhieda ta’ Kristu
konferenza ġenerali April 2023


Qatt Toqgħod Lura Meta Jkollok Opportunità li Tagħti Xhieda ta’ Kristu

Il-vera hena tinsab fir-rieda tagħna li nersqu aktar qrib ta’ Kristu u naraw b’għajnejna.

Bħal-lum ħames snin ilu, aħna konna qed ngħollu jdejna biex insostnu lill-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, bħala l-President tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien―il-portavoċe tal-Mulej għal dan iż-żmien meraviljuż ta’ tkabbir u rivelazzjoni. Permezz tiegħu aħna rċevejna għadd kbir ta’ stediniet u ġejna mwiegħda barkiet glorjużi jekk aħna niċċentraw ħajjitna fuq is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Fl-2011, meta kont qed inservi ma’ żewġi bħala l-mexxej tal-missjoni fil-post meraviljuż ta’ Curitiba, il-Brażil, daqqli t-telefon tiegħi waqt li konna f’laqgħa. B’għaġġla biex ma jkomplix idoqq, jiena nnotajt li kien missieri. Jiena ħriġt malajr mil-laqgħa biex inwieġbu: “Aw Pà!”

Bla mistenni, leħnu kien mimli emozzjoni: “Isma’, Bonnie. Għandi xi ħaġa xi ngħidlek. Qaluli li għandi l-ALS.”

Ħassejt moħħi jitħawwad, “Żomm ftit! X’inhi l-ALS?”

Missieri beda jispjegali, “Moħħi jibqa’ tajjeb waqt li ġismi aktar ma jmur aktar jibda jiddgħajjef.”

Ħassejt id-dinja tinqaleb ta’ taħt fuq hekk kif bdejt nimmaġina l-implikazzjoni ta’ aħbar gravi bħal din. Iżda f’dak il-jum li ma nista’ ninsieh qatt, kienet l-aħħar sentenza li qalli li baqgħet għal dejjem f’qalbi. L-għażiż missieri qalli b’sens ta’ urġenza, “Bonnie, qatt toqgħod lura meta jkollok opportunità li tagħti xhieda ta’ Kristu.”

Jiena xtarrejt u tlabt dwar il-parir ta’ Missieri. Spiss staqsejt lili nnifsi jekk nafx verament xi jfisser li qatt ma noqgħod lura meta jkolli opportunità li nagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu.

Bħalek, jiena mhux l-ewwel darba li fl-ewwel Ħadd tax-xhar mort u qsamt ix-xhieda tiegħi ta’ Kristu. Ħafna drabi jiena tajt xhieda tal-veritajiet tal-evanġelju bħala parti minn xi lezzjoni. Jiena għallimt b’qawwa l-verità u ddikjarajt id-divinità ta’ Kristu bħala missjunarja.

Iva t-talba li għamilli ħassejtha personali ħafna! Bħallikieku kien qed jgħidli, “Bonnie, tħallix id-dinja taljenak! Ibqa’ leali lejn il-patti li għamilt mas-Salvatur. Fittex li tesperjenza l-barkiet tiegħu kull jum, u kun lesta li tixhed permezz tal-Ispirtu s-Santu dwar il-qawwa u l-preżenza tiegħu f’ħajtek!”

Aħna qed ngħixu f’dinja mitlufa, b’distrazzjonijiet li jwassluna biex nixħtu għajnejna u qlubna ’l isfel minflok ’il fuq lejn is-smewwiet. L-istess bħan-Nefiti f’ 3 Nefi 11, aħna neħtieġu lil Ġesù Kristu. Tistgħu timmaġinaw lilkom infuskom hemmhekk, fost in-nies li esperjenzaw daqstant taqlib u qerda? Kif taħsbu li tħossukom jekk tisimgħu l-istedina personali tal-Mulej:

“Qumu u ejjew lejja, ħalli tkunu tistgħu tmissu jdejkom ma’ ġenbi, kif ukoll tkunu tistgħu tħossu s-sinjali tal-imsiemer f’idejja u f’riġlejja, ħalli tkunu tistgħu tagħrfu li jiena … l-Alla ta’ Iżrael, u l-Alla tad-dinja kollha, u ġejt maqtul għad-dnubiet tad-dinja.

“U l-miġemgħa marret … wieħed wieħed … u raw b’għajnejhom u ħassew b’idejhom, u saru jafu … u raw huma stess.”1

Dawn in-Nefiti marru ħdejh bil-ħerqa biex imissu jdejhom ma’ ġenbu u jħossu s-sinjali tal-imsiemer f’idejh u f’riġlejh, ħalli jkunu jistgħu jixhdu huma stess li dak kien il-Kristu. Bl-istess mod, bosta nies fidili li studjajna dwarhom fit-Testment il-Ġdid din is-sena stennew b’ħerqa l-miġja ta’ Kristu. Imbagħad huma ħallew l-għelieqi, il-bankijiet tax-xogħol, u l-imwejjed tal-ikel tagħhom u marru jimxu warajh, bdew irossu fuqu, u poġġew bilqiegħda miegħu. Aħna ħerqanin bħalhom li aħna wkoll nixhdu bħall-miġemgħa li naqraw dwarha fl-iskrittura? U l-barkiet li aħna nfittxu neħtiġuhom anqas minnhom?

Meta Kristu stieden Huwa stess lin-Nefiti biex imorru ħdejh, l-istedina tiegħu ma kenitx biex jibqgħu ’l bogħod minnu u joqogħdu jħarsu lejn, iżda biex imissuh, biex iħossu huma stess ir-realtà tas-Salvatur tal-umanità. Kif nistgħu nersqu qrib tiegħu biżżejjed li niksbu xhieda personali ta’ Ġesù Kristu? Dan jaf hu parti minn dak li missieri kien qed jipprova jgħallimni. Waqt li aħna nafu ma ninsabux qrib fiżikament ta’ Kristu daqs dawk li mxew miegħu waqt il-ministeru tiegħu fid-dinja, permezz tal-Ispirtu s-Santu aħna nistgħu nesperjenzaw il-qawwa tiegħu kull jum! Kemm neħtieġu!

It-tfajliet madwar id-dinja għallmuni ferm dwar kif nista’ nfittex lil Kristu u nikseb xhieda personali tiegħu kuljum. Ipprmettuli naqsam magħkom l-għerf ta’ tnejn minnhom:

Livvy ilha tul ħajjitha kollha ssegwi l-konferenza ġenerali. Fil-fatt, fid-dar tagħha hija tradizzjoni li bħala familja jsegwu l-ħames sessjonijiet sħaħ. Fil-passat, il-konferenza għal Livvy kienet tfisser li toqgħod tħarbex xi ħaġa fuq xi karta jew li minn ħin għall-ieħor tibda’ tmur għajnha biha. Iżda din l-aħħar konferenza ġenerali ta’ Ottubru kienet storja differenti. Kienet għaliha personali.

Din id-darba, Livvy iddeċidiet li tieħu sehem b’mod attiv. Hija tfiet in-notifiki fuq il-mowbajl tagħha u bdiet tieħu n-noti dwar is-suġġerimenti tal-Ispirtu. Hija ħassitha timmeravilja ruħha hekk kif ħasset ċertu affarijiet speċifiċi li Alla riedha tisma’ u tagħmel. Din id-deċiżjoni għamlet differenza f’ħajjitha kważi b’mod immedjat.

Ftit jiem wara, sħabha stednuha biex tmur tara magħhom film li ma kienx xieraq. Hija tgħid, “Jien ħassejt il-kliem u l-ispirtu tal-konferenza jerġa’ lura f’qalbi, u jien wasalt biex ma lqajtx l-istedina tagħhom.” Hi kellha wkoll il-kuraġġ li taqsam it-testimonjanza tagħha dwar is-Salvatur fil-qasam tagħha.

Wara dawn il-ġrajjiet, hija ddikjarat, “L-aktar ħaġa tal-għaġeb kienet li meta jiena smajt lili nnifsi nixhed li Ġesù hu l-Kristu, ħassejt l-Ispirtu s-Santu jikkonferma dan miegħi għal darb’oħra.”

Livvy ma ħaditx it-tmiem il-ġimgħa tal-konferenza b’mod leġġer; hija daħlet għaliha bis-serjetà, b’ruħha u ġisimha, u hemmhekk sabet lis-Salvatur.

U mbagħad, hemm Maddy. Meta l-familja tagħha ma baqgħux jattendu l-knisja, Maddy tħawdet u ma kenitx ċerta x’kienet se tagħmel. Hija ntebħet li kien hemm xi ħaġa sinifikanti li kienet nieqsa. Għalekk, meta kellha 13, Maddy bdiet tattendi l-knisja weħidha. Minkejja li tkun weħidha xi kultant kienet ħaġa diffiċli u skomda, hi kienet taf li fil-knisja setgħet issib lis-Salvatur u riedet tkun hemm fejn kien Hu. Hija qalt, “Fil-knisja, ruħi ħassitha qisha qiegħda d-dar.”

Maddy għamlet il-qalb minħabba l-fatt li l-familja tagħha kienet ġiet issiġillata flimkien għal dejjem. Hija bdiet tieħu magħha l-knisja lil ħutha s-subien iżgħar minnha u bdiet tistudja l-iskrittura magħhom id-dar. Eventwalment ommha bdiet tmur magħhom. Maddy qalet lil ommha dwar ix-xewqa tagħha li sservi missjoni u staqsiet jekk ommha setgħetx tħejji lilha nnifisha biex tmur magħha t-tempju.

Illum Maddy tinsab fiċ-ĊTM. Hija qed isservi. Hija xhieda ta’ Kristu. L-eżempju tagħha għen sabiex il-ġenituri tagħha t-tnejn jerġgħu lura lejn it-tempju u lura lejn Kristu.

Bħal Livvy u Maddy, hekk kif nagħżlu li nfittxu lil Kristu, l-Ispirtu jagħti xhieda tiegħu f’sitwazzjonijiet mill-aktar diversi. Dawn ix-xhieda tal-Ispirtu jseħħu hekk kif aħna nsumu, nitolbu, nistennew, u nibqgħu mexjin ’il quddiem. Aħna nersqu aktar qrib Kristu hekk kif mmorru nqimu ta’ spiss fit-tempju, nindmu ta’ kuljum, nistudjaw l-iskrittura, nattendu l-knisja u s-seminarju, nixtarru dwar il-barkiet patrijarkali tagħna, nirċievu l-ordinanzi b’mod denn, u nonoraw il-patti sagri. Dan kollu jistieden l-Ispirtu biex idawwal moħħna, u jagħtuna paċi u protezzjoni akbar. Iżda aħna qegħdin nonorawhom bħala opportunitajiet sagri biex nixhdu dwar Kristu?

Jiena mort it-tempju bosta drabi, iżda kull darba li jiena nqim fid-dar tal-Mulej, inħossni ninbidel. Xi kultant meta nkun qed insum, jispiċċa jaqbadni aktar ġuħ, iżda drabi oħra, jiena inmantni lili nnifsi permezz tal-Ispirtu permezz ta’ xi għan partikolari. Mhux l-ewwel darba li spiċċajt nitlob b’tali mod li nibda nirrepeti l-istess kliem, iżda jiena mort quddiemu wkoll ħerqana biex nirċievi pariri mingħand il-Mulej permezz tat-talb.

Aħna nsibu l-qawwa meta dawn id-drawwiet qaddisa nħarsu lejhom anqas bħala xi ħaġa li jeħtieġ li nagħmlu u aktar bħala xhieda. Il-proċess ikun wieħed gradwali iżda narawh jikber permezz tal-parteċipazzjoni attiva u ta’ kuljum tagħna u tal-esperjenzi determinanti li jkollna ma’ Kristu. Hekk kif b’mod konsistenti naġixxu skont it-tagħlim tiegħu, aħna niksbu testimonjanza tiegħu; aħna nibnu relazzjoni miegħu u ma’ Missierna fis-Smewwiet. Aħna nibdew insiru bħalhom.

L-avversarju tant joħolqilna storbju li jaf ikun diffiċli li nisimgħu leħen il-Mulej. L-istorbju fid-dinja tagħna, fl-isfidi tagħna, u fiċ-ċirkustanzi tagħna ma jonqosx, iżda aħna nistgħu u jeħtieġ li nkunu bil-ġuħ u għatxana għall-ħwejjeġ ta’ Kristu biex “nisimgħuh” b’aktar ċarezza.2 Jeħtieġ li noħolqu memorja b’saħħitha ta’ dixxipulat u testimonjanza li twassalna biex niffokaw kuljum fuq id-dipendenza tagħna fuq is-Salvatur tagħna.

Missieri ilu aktar minn 11 snin li ħalliena, iżda kliemu jibqa’ ħaj miegħi. “Bonnie, qatt toqgħod lura meta jkollok opportunità li tagħti xhieda ta’ Kristu.” Nistedinkom biex tingħaqdu miegħi u taċċettaw l-istedina tiegħu. Fittxu lil Kristu kullimkien―inwegħidkom li hemm ikun jinsab!3 Il-vera hena tinsab fir-rieda tagħna li nersqu aktar qrib ta’ Kristu u naraw b’għajnejna.

Aħna nafu li fl-aħħar żminijiet, “kull irkoppa tmil u kull ilsien jistqarr” li Ġesù hu l-Kristu.4 Nitlob li din ix-xhieda ssir esperjenza normali u naturali għalina issa—li aħna nieħdu kull opportunità biex bil-ferħ nixhdu li: Ġesù Kristu jgħix!

O, kemm inħobbu. Kemm aħna grati għall-Espjazzjoni infinita tiegħu, li, “għamlitha possibli li aħna lkoll niksbu l-ħajja eterna u l-immortalità.”5 Jiena nixhed dwar it-tjubija u l-glorja kbira tiegħu fl-isem tiegħu mill-aktar sagru, l-istess Ġesù Kristu, ammen.