Miġburin fis-Sigurtà tad-Dar
Aħna ninsabu f’pożizzjoni unika li niġbru flimkien lil Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu aktar minn qatt qabel skont il-pjan tal-Missier.
Il-President Russell M. Nelson, il-maħbub profeta tagħna, enfasizza b’mod profond li r-responsabbiltà unika tagħna hi li niġbru flimkien lil ulied imxerrda ta’ Iżrael u nħejju d-dinja għat-Tieni Miġja ta’ Ġesù Kristu.1 Il-Missier tal-ispirti tagħna jixtieq li wliedu jkunu miġburin fis-sigurtà tad-dar.
Il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet li jiġbor lil uliedu fis-sigurtà tad-dar tagħna fis-smewwiet mhuwiex ibbażat fuq xi suċċess dinji, status ekonomiku, livell ta’ edukazzjoni, razza, jew ġeneru tas-sess. Il-pjan tal-Missier hu bbażat fuq is-sewwa, il-ħarsien tal-kmandamenti tiegħu, u li nirċievu ordinanzi sagri u nonoraw il-patti li nagħmlu.2
Id-duttrina ispirata b’mod divin li aħna lkoll aħwa u “lkoll l-istess għal Alla” tenfasizza din il-ħidma kbira tal-ġabra. Din id-duttrina hi konsistenti ma’ dawk li jixtiequ verament li nies ta’ status ekonomiku u razzjali differenti jesperjenzaw ħajja aħjar. Aħna nfaħħru u ningħaqdu f’din it-tip ta’ ħidma. Barra minn hekk, aħna nixtiequ li wlied Alla kollha jersqu lejh u jirċievu l-barkiet eterni li Huwa joffri permezz tal-evanġelju tiegħu.3 Fid-daħla tad-Duttrina u Patti Huwa ddikjara, “Agħtu widen intom kollha li tinsabu ’l bogħod; u intom li tinsabu fil-gżejjer tal-baħar, isimgħuni lkoll flimkien.”4
Togħġobni li l-ewwel sentenza fid-Duttrina u Patti tinkludi “in-nies li jinsabu fil-“gżejjer tal-baħar.” Jien kelli tliet sejħiet speċifiċi biex inservi u ngħix fil-gżejjer tal-baħar. Jien servejt għall-ewwel darba bħala missjunarju żagħżugħ fil-Gżejjer Brittaniċi, it-tieni bħala Awtorità Ġenerali fil-Gżejjer Filippini, u mbagħad bħala President Reġjonali fil-Gżejjer tal-Paċifiku, li jinkludu bosta gżejjer tal-Polinesja.
Dawn it-tliet reġjuni kollha ġabru flimkien b’suċċess lill-fidili għall-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu. Il-missjunarji waslu għall-ewwel darba fil-Gżejjer Brittaniċi fl-1837. Dan seħħ sena biss wara li Joseph Smith iddedika t-Tempju ta’ Kirtland, li fih Mosè ta “l-imfietaħ tal-ġabra ta’ Iżrael mill-erba’ naħat tad-dinja, u t-tmexxija tal-għaxar tribujiet mill-art tat-tramuntana.”5 Is-suċċess bikri fil-Gżejjer Brittaniċi hu wieħed leġġendarju. Fis-sena 1851 aktar minn nofs il-membri tal-Knisja kienu konvertiti mgħammda li kienu jgħixu fil-Gżejjer Brittaniċi.6
Fl-1961, il-Presbiteru Gordon B. Hinckley żar u ta bidu għall-ħidma missjunarja full-time fil-Gżejjer Filippini. Dak iż-żmien kien hemm biss raġel wieħed Filippin li jħaddan is-Saċerdozju ta’ Melkisedek. Ħaġa tal-għaġeb, illum fil-Gżejjer Filippini hemm aktar minn 850,000 membru tal-Knisja. Jiena verament nammira l-poplu tal-Filippini; huma għandhom imħabba profonda u dejjiema lejn is-Salvatur.
Forsi anqas magħrufa hija l-ħidma missjunarja kontinwa fil-Gżejjer tal-Polinesja. Din bdiet fl-1844 meta Addison Pratt wasal f’dik li llum tissejjaħ il-Polinesja Franċiża.7 Bosta nies mill-Polinesja diġà kienu jemmnu fil-familji eterni u kienu jaċċettaw lil Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tagħhom. Illum kważi 25 fil-mija tan-nies tal-Polinesja, fil-Gżejjer tal-Polinesja, huma membri tal-Knisja.8
Darba qgħadt nisma’ waħda tfajla ta’ 17-il sena fuq gżira mbiegħda fit-Taħiti li kienu membru tas-seba’ ġenerazzjoni. Hija bdiet tagħti ġieħ lill-antenati tagħha li kienu kkonvertew fl-1845 ġewwa Tubuai, sentejn qabel il-membri bikrin tal-Knisja waslu fil-Wied ta’ Salt Lake.9
Id-duttrina hija waħda ċara li se jkun hemm żmien u staġun fejn in-nies kollha se jkollhom ċans jirċievu u jwieġbu għall-messaġġ tal-evanġelju. Dawn l-eżempji huma biss parti minn stampa ħafna akbar. Il-President Nelson bla heda enfasizza li l-ġabra ta’ Iżrael hija “l-akbar sfida, … kawża, u … ħidma fid-dinja llum.”10
Saż-żmien li fih seħħet ir-Restawrazzjoni tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu, inkluż il-miġja tal-Ktieb ta’ Mormon u r-rivelazzjoni u l-imfietaħ tas-saċerdozju mogħtija lill-Profeta Joseph Smith, il-fehma tal-ġabra ta’ Iżrael kienet waħda frammentata u limitata.11
L-isem distintiv “Iżrael” kien it-titlu mogħti lil Ġakobb.12 Spiċċa beda jirrappreżenta lin-nisel ta’ Abraham permezz ta’ Iżakk u Ġakobb. Il-wegħda u l-patt oriġinali lil Missierna Abraham insibuh f’ Abraham 2:9–10, li parti minnu tgħid:
“U nagħmel minnek ġens kbir., …
“U jiena nbierek il-ġnus kollha permezz ta’ ismek; għax dawk kollha li jirċievu dan l-Evanġelju se jibdew jissemmew għalik, u se jkunu meqjusa bħala nislek, u sejrin iqumu u lilek ibierku, bħala missierhom.”
Waqt il-Kunsill fis-Smewwiet fl-eżistenza primortali, il-pjan tas-salvazzjoni ġie diskuss u sostnut. Kien jinkludi fih ċert liġijiet u ordinanzi tas-saċerdozju mwaqqfa qabel il-ħolqien tad-dinja u li huma marbutin mal-ġabra.13 Jinkludu wkoll il-prinċipju prevalenti tal-volontà.
Wara diversi sekli bħala poplu b’saħħtu, inkluż is-saltna ta’ Sawl, ta’ David, u ta’ Salamun, Iżrael inqasam. It-tribù ta’ Ġuda u parti mit-tribù ta’ Benjamin saru s-saltna ta’ Ġuda. Il-bqija, li huma identifikati bħala l-għaxar tribujiet, saru s-saltna ta’ Iżrael.14 Wara 200 sena ta’ eżistenza separata, l-ewwel tixrid ta’ Iżrael seħħ fis-sena 721 QK meta l-għaxar tribujiet ta’ Iżrael ittieħdu fil-jasar mis-sultan tal-Assirja.15 Wara huma marru lejn il-pajjiżi tat-tramuntana.16
Fis-sena 600 QK fil-bidu tal-Ktieb ta’ Mormon, Leħi il-Missier mexxa kolonja ta’ Iżraelin lejn l-Ameriki. Leħi fehem it-tixrid ta’ Iżrael li hu kien jagħmel parti minnu. Huwa ġie kkwotat minn Nefi li qal li d-dar ta’ Iżrael “għandha tiġi mqabbla ma’ siġra taż-żebbuġ, li l-friegħi tagħha sejrin jitqaċċtu u se jinxterdu ma’ wiċċ l-art kollha.”17
F’dik li tissejjaħ bħala d-Dinja l-Ġdida, l-istorja tan-Nefiti u l-Lamaniti kif insibuha fil-Ktieb ta’ Mormon tintemm bejn wieħed u ieħor fis-sena 400 WK. In-nisel ta’ Leħi l-Missier jinsab mifrux mal-Ameriki kollha.18
Dan hu deskritt b’mod ċar minn Mormon f’ 3 Nefi 5:20, fejn naqraw: “Jiena Mormon, u jiena dixxendenti pur ta’ Leħi. Jiena verament għandi għalfejn imbierek lil Alla tiegħi u lis-Salvatur tiegħi Ġesù Kristu, li huwa ħareġ lil missirijietna mill-art ta’ Ġerusalemm.”19
Huwa ċar li l-qofol tal-istorja kronoloġika ta’ Iżrael huwa t-twelid, il-messaġġ, il-ministeru, u l-missjoni tal-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.20
Wara l-mewt u l-Qawmien mill-imwiet tas-Salvatur, li bidlu n-natura tal-eternità, seħħ it-tieni tixrid mill-aktar magħruf ta’ Ġuda bejn is-sena 70 WK u 135 WK, kaġun tal-oppressjoni u l-persekuzzjoni Rumana, fejn il-Lhud spiċċaw tferrxu mad-dinja li kienu jafu biha dak iż-żmien.
Il-President Nelson għallem, “Il-Ktieb ta’ Mormon ġie fostna bħala sinjal li l-Mulej ta bidu għall-ġabra ta’ wlied il-patt.”21 B’hekk, il-Ktieb ta’ Mormon, tradott mill-Profeta Joseph Smith permezz tad-don u l-qawwa ta’ Alla, huwa indirizzat lejn nisel Leħi, lejn l-ulied imxerrda ta’ Iżrael, u lejn il-Ġentili li huma adottati fit-tribujiet ta’ Iżrael. L-intestatura tal-kapitlu għal 1 Nefi 22 tgħid f’parti minnha, “Iżrael se jinxtered ma’ wiċċ l-art kollha—Il-Ġentili sejrin ireddgħu lil Iżrael u jitimgħuh l-evanġelju fl-aħħar żminijiet.” Il- paġna tat-titlu tal-Ktieb ta’ Mormon tgħid li wieħed mill-għanijiet tal-ktieb hu li “jikkonvinċi lil-Lhud u lill-Ġentili li Ġesù hu l-Kristu.” Bir-Restawrazzjoni u l-Ktieb ta’ Mormon, il-kunċett tal-ġabra ta’ Iżrael ġie estiż bil-kbir.22
Dawk li jaċċettaw l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu irrispettivament min-nisel tagħhom isiru parti mill-ġabra ta’ Iżrael.23 Permezz ta’ dik il-ġabra u l-għadd kbir ta’ tempji mibnija u mħabbra, aħna ninsabu f’pożizzjoni unika li niġbru flimkien lil Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu aktar minn qatt qabel skont il-pjan tal-Missier.
Il-President Spencer W. Kimball, meta kien qed jitkellem dwar il-ġabra litterali ta’ Iżrael, iddikjara: “Issa, il-ġabra ta’ Iżrael tikkonsisti f’li wieħed jingħaqad mal-vera knisja u … li jagħraf l-għarfien tal-veru Alla. … Kull persuna, għalhekk, li aċċettat l-evanġelju rrestawrat, u li issa qed tara li tqim lill-Mulej bil-lingwa tagħha flimkien mal-Qaddisin fil-ġens fejn toqgħod hija f’konforma mal-liġi tal-ġabra ta’ Iżrael u hija werrieta tal-barkiet kollha mwiegħda lill-Qaddisin fl-dawn l-aħħar żminijiet.”24
“Illum il-ġabra ta’ Iżrael tinvolvi l-konverżjoni.”25
Kif nistgħu narawha permezz ta’ lenti ċara, il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien għandhom il-privileġġ kbir li jħobbu, jixxerjaw, jistiednu, u jgħinu jiġbru flimkien lil ulied Iżrael, biex huma jirċievu l-milja tal-barkiet tal-patt tal-Mulej. Dawn jinkludu lill-Afrikani u l-Ewropej, lill-Amerikani t’Isfel u ta’ Fuq, l-Asjatiċi, l-Awstraljani, u lil dawk fil-gżejjer tal-baħar. “Għax verament li leħen il-Mulej jinsab isejjaħ lil kulħadd.”26 “Din il-ġabra se tkompli sakemm it-twajbin jinġabru flimkien fil-ġemgħat tal-Qaddisin fil-ġnus tad-dinja.”27
Ħadd ma tkellem b’mod dirett dwar il-ġabra aktar mill-President Nelson: “Kull darba li tagħmlu xi ħaġa li tgħin lil xi ħadd—fuq naħa jew oħra tal-velu—li tagħmlu pass lejn li twettqu l-patti ma’ Alla u tirċievu l-ordinanzi essenzjali tal-magħmudija u tat-tempju, tkunu qed tgħinu fil-ġabra ta’ Iżrael. Sewwasew hu dan li tkunu qed tagħmlu.”28
Fejn tinsab il-Knisja Illum? Fit-62 sena minn meta jiena bdejt inservi missjoni fl-1960, in-numru ta’ missjunarji full-time iservu għal sejħa li saritilhom mill-profeta kiber minn 7,683 għal 62,544. In-numru ta’ missjonijiet kiber minn 58 għal 411. In-numru ta’ membri kiber minn bejn wieħed u ieħor 1,700,000 għal bejn wieħed u ieħor 17-il miljun.
Il-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt temporanju fuq uħud mill-opportunitajiet tagħna li naqsmu l-evanġelju. Ipprovdiet ukoll esperjenza biex aħna nużaw teknoloġija ġdida, li se tkompli ttejjeb ferm aktar il-ġabra. Aħna grati li l-membri u l-missjunarji issa jinsabu jespandu l-ħidma biex niġbru flimkien lil ulied imxerrda ta’ Iżrael. It-tkabbir qed ikompli ma’ kullimkien, speċjalment fl-Amerika t’Isfel u fl-Afrika. Aħna napprezzaw ukoll li daqstant nies minn madwar id-dinja wieġbu għall-istedina importanti tal-President Nelson għal aktar servizz missjunarju. Madankollu, l-impenn tagħna li nħobbu, nixxerjaw, u nistiednu jista’ jikber ferm aktar.
Parti essenzjali ta’ din il-ħidma missjunarja hi li l-membri individwali nsiru eżempju ta’ dawl li jiggwida29 noqogħdu fejn noqogħdu.30 Aħna ma nistgħux noqogħdu nibdlu l-kuluri. L-eżempju Kristjan tagħna ta’ tjubija, sewwa, kuntentizza, u mħabba sinċiera lejn kull persuna jista’ joħloq mhux biss dawl li jista’ jkun ta’ gwida għalihom iżda wkoll għarfien li jistgħu jsibu port kenn fl-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.
Jekk jogħġobkom ifhmu li nistgħu niksbu barkiet meraviljużi meta aħna naqsmu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. L-iskrittura titkellem dwar l-hena u l-paċi, il-maħfra tad-dnubiet, il-protezzjoni mit-tiġrib, u l-qawwa ta’ sosteniment mingħand Alla.31 Jekk inħarsu lil hinn minn dil-ħajja mortali, aħna nkunu lesti biex naqsmu l-evanġelju m’ dawk li jinsabu “fid-dalma u fil-jasar tad-dnub fid-dinja kbira tal-ispirti tal-mejtin.”32
It-talba speċifika tiegħi llum hi biex kull tifel u tifla, kull żagħżugħ u żagħżugħa, kull familja u kworum, kull Soċjetà tal-Għajnuna, u kull klassi jagħtu ħarsa lejn kif aħna individwalment u kollettivament naċċettaw il-parir drammatiku li ngħinu fil-ġabra ta’ Iżrael li għamlilna l-Mulej u l-maħbub profeta tagħna.
Aħna nirrispettaw il-volontà. F’din id-dinja sekulari, ħafna mhumiex se jwieġbu u jipparteċipaw fil-ġabra ta’ Iżrael. Iżda huma ħafna li se jaċċettaw, u l-Mulej jistenna lil dawk li rċevew l-evanġelju tiegħu biex b’urġenza jippruvaw ikunu eżempju ta’ dawl li jiggwida u li jgħin lil ħaddieħor jersaq lejn Alla. Dan iwassal biex ħutna madwar id-dinja jgawdu l-barkiet u l-ordinanzi divini tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu u jkunu miġburin fis-sigurtà tad-dar.
Jien naqsam ix-xhieda ċerta u appostolika tiegħi dwar id-divinità tal-pjan ta’ Ġesù Kristu u ta’ Missierna fis-Smewwiet għalina f’isem Ġesù Krtistu, Ammen.