Konferenza Ġenerali
Dixxipli tal-Prinċep tal-Paċi
konferenza ġenerali April 2023


Dixxipli tal-Prinċep tal-Paċi

Hekk kif nagħmlu li nistgħu biex niżviluppaw kwalitajiet bħal tas-Salvatur, aħna nistgħu insiru strument tal-paċi tiegħu fid-dinja.

Biex iġib fis-seħħ il-profezija mogħtija lil Żakkarija,1 Ġesù daħal b’mod trijonfanti fil-Belt Imqaddsa riekeb ħmara, li fil-letteratura kienet ikkunsidrata bħala “simbolu antik tal-ħajja rjali,”2 xierqa bla dubju għas-Sultan tas-slaten u l-Prinċep tal-Paċi.3 Hu kien imdawwar b’miġemgħa ta’ dixxipli mill-aktar ferħana, li ferrxu lbieshom, il-weraq tal-palm, u weraq ieħor tul it-triq minn fejn għadda Ġesù. Huma bdew ifaħħru lil Alla, u b’leħen għoli jgħidu, “Mbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej! Sliem fis-sema, u glorja fl-ogħla tas-smewwiet.”4 U għal darb’oħra, “Hosanna lil Bin David: Mbierek min ġej f’isem il-Mulej; Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet.”5 Il-ġrajja majestuża, li niċċelebraw f’dan il-jum magħrufa bħala Ħadd il-Palm, kienet preludju ta’ ferħ għall-ġrajjiet dolorużi li kienu se jseħħu matul dik il-ġimgħa kritika li rat il-qofol tagħha fis-sagrifiċċju altruwist tas-Salvatur u l-miraklu meraviljuż tal-qabar vojt.

Bħala d-dixxipli tiegħu, aħna n-nies partikulari tiegħu, imsejħin biex inxandru l-virtujiet tiegħu,6 nippromwovu l-paċi li hi offruta b’tant ġenerożità permezz tiegħu u s-sagrifiċċju espjatorju tiegħu. Din il-paċi hija rigal imwiegħed lil dawk kollha li jdawru qalbhom lejn is-Salvatur u jgħixu ħajja tajba; din il-paċi tagħtina l-qawwa biex ingawdu l-ħajja mortali u tagħtina ċ-ċans nirreżistu l-isfidi diffiċli tal-vjaġġ tagħna.

Fl-1847, il-Mulej ta ċerti struzzjonijiet speċifiċi lill-Qaddisin pijunieri li kienu jeħtieġu l-paċi biex jibqgħu kalmi u magħqudin hekk kif huma ffaċċjaw ċerti diffikultajiet li ma kinux qed jistennewhom fil-vjaġġ tagħhom lejn il-punent. Fost ħwejjeġ oħra, il-Mulej talab lill-Qaddisin biex “ma jkomplux jitlewmu bejniethom; jieqfu jqassqsu fuq xulxin.”7 L-iskrittura tafferma li dawk li jwettqu għemejjel tas-sewwa u jippruvaw jimxu fil-ħlewwa tal-Ispirtu tal-Mulej huma mwiegħda l-paċi li jeħtieġu għas-sopravivenza tagħhom fil-jiem ta’ konfużjoni li ngħixu fihom illum.8

Bħala dixxipli tal-Prinċep tal-Paċi, aħna ġejna mitlubin biex ngħixu b’“qalbna meħjuta flimkien f’għaqda u fi mħabba lejn xulxin.”9 Il-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, m’ilux iddikjara, “Il-ġlied imur kontra kull ħaġa li ppromwova u għallem is-Salvatur.”10 Il-profeta tagħna talabna wkoll biex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex intemmu l-kunflitti personali li bħalissa għaddejjin f’qalbna u f’ħajjitna.11

Ejjew nikkunsidraw dawn il-prinċipji fid-dawl tal-imħabba safja ta’ Kristu għalina biex aħna, bħala dixxipli tiegħu, naraw li jkollna għal xulxin. L-iskrittura tiddefinixxi din it-tip ta’ mħabba bħala karità.12 Meta naħsbu dwar karità, moħħna normalment jaħseb f’atti ġenerużi u donazzjonijiet biex nnaqqsu t-tbatija ta’ dawk li qed jesperjenzaw diffikultajiet fiżiċi, materjali, jew emozzjonali. Madankollu, il-karità mhux biss hija relatata ma’ xi ħaġa li nagħtu lil xi ħadd bħala donazzjoni, iżda hija kwalità tas-Salvatur u tista’ ssir parti mill-karattru tagħna. Mhijiex sorprendenti li l-Mulej talabna biex nilbsu l-libsa tal-karità, … li hija l-libsa tal-perfezzjoni u l-paċi.”13 Mingħajr karità, ma aħna xejn,14 u aħna ma nistgħux nirtu l-post li ħejja għalina l-Mulej fil-palazzi ta’ Missierna fis-Smewwiet.15

Ġesù wriena b’mod perfett xi jfisser li jkollok fuqek din il-libsa ta’ perfezzjoni u paċi, speċjalment meta hu kellu jgħaddi mil-ġrajjiet dolorużi li seħħew qabel il-martirju tiegħu. Aħsbu ftit dwar kif timmaġinaw li seta’ ħassu Ġesù hekk kif b’umiltà ħasel riġlejn id-dixxipli tiegħu, meta kien jaf li wieħed minnhom kien se jittradih f’dik l-istess lejla.16 Jew meta Ġesù, sigħat wara, bi ħniena, fejjaq l-widna ta ‘wieħed mill-irġiel li kien qed jakkumpanja lil Ġuda, dak li ttradih, biex jarrestah.17 Jew anke meta s-Salvatur, wieqaf quddiem Pilatu, ġie akkużat b’mod falz mill-qassisin il-kbar u mix-xjuħ, u ma lissinx kelma waħda kontra l-akkużi foloz li nġiebu kontrih, u Hu ħalla lill-gvernatur Ruman b’ħalqu miftuħ.18

Permezz ta’ dawn it-tliet inċidenti, is-Salvatur, minkejja li kien qed iħossu mtaqqal b’tant niket u stress, għallimna bl-eżempju tiegħu li “l-karità taf tistabar u tħenn; … mhijiex għajjura; … ma titkabbarx fuq l-oħrajn, ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha d-deni.”19

Aspett importanti ieħor li huwa enfasizza, u wieħed li għandu implikazzjonijiet diretti fuq id-dixxipulat tagħna u kif nippromwovu l-paċi tas-Salvatur, huwa l-manjiera li biha nittrattaw lil xulxin. Waqt il-ministeru tiegħu fid-dinja, it-tagħlim tas-Salvatur kien jiffoka—mhux biss, iżda partikolarment—fuq il-virtujiet tal-imħabba, il-karità, is-sabar, l-umiltà, u l-kompassjoni—kwalitajiet fundamentali għal dawk li jridu li jersqu aktar fil-qrib tiegħu u jippromwovu l-paċi tiegħu. Dawn il-kwalitajiet huma doni mingħand Alla, u hekk ki nagħmlu li nistgħu biex niżviluppawhom, aħna nibdew inħarsu lejn id-differenzi u d-dgħufijiet ta’ għajrna b’aktar empatija, sensittività, rispett, u tolleranza. Wieħed mill-aktar sinjali evidenti li aħna nkunu qed nersqu aktar qrib is-Salvatur u qed insiru aktar bħalu huwa l-mod kollu mħabba, kollu sabar, u ħanin li bih aħna nittrattaw lil għajrna, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza.

Spiss naraw nies li jagħmlu kummenti negattivi u saħansitra derogatorji dwar karatteristiċi, dgħufijiet, u opinjonijiet perċepiti ta’ oħrajn, l-aktar meta dawn il-karatteristiċi u l-opinjonijiet ikunu differenti jew jikkontradixxu kif jaġixxu u jaħsbuha huma. Komuni ħafna li tara lil dawn in-nies jgħaddu kummenti bħal dawn fuq ħaddieħor, li jtennu dak li jkunu semgħu mingħajr ma jkunu jafu ċ-ċirkustanzi kollha relatati mas-sitwazzjoni. Sfortunatament, il-midja soċjali tħeġġeġ din it-tip ta’ mġiba f’isem veritajiet u trasparenza relattivi. Mingħajr ebda trażżin, il-konverżazzjoni diġitali ħafna drabi twassal biex nies jagħmlu attakki personali u jidħlu f’argumenti jaħarqu, u hekk joħolqu ċertu diżappunt, iweġġgħu l-qlub, u jxerrdu l-fjamma tal-ostilità.

Nefi ħabbar li fl-aħħar żminijiet, l-għadu sejjer ixewwex u jqanqal lin-nies biex jeħduha kontra dak li hu tajjeb.20 L-iskrittura tgħallem li “kull ħaġa li tistedinna u tħeġġiġna biex nagħmlu t-tajjeb, u nħobbu lil Alla, u naqduh, hija ispirata minn Alla.”21 Mill-banda l-oħra, “dak li hu ħażin ġej mix-xitan; għax ix-xitan huwa għadu ta’ Alla u jiġġieled kontrih kontinwament u jħeġġiġna biex nidinbu, u biex nagħmlu kontinwament dak li hu ħażin.”22

Meta nikkunsidraw dan it-tagħlim profetiku, mhux sorprendenti li waħda mit-tattiċi tal-avversarju hi li jipprovoka l-ostilità u l-mibegħda fi qlub ulied Alla. Huwa jifraħ meta jara lin-nies jikkritikaw, jirridikulaw, u jimmalafamaw lil xulxin. Din l-imġiba tista’ teqred il-karattru, ir-reputazzjoni, u l-istima personali ta’ dak li jkun, partikolarment meta l-persuna tkun iġġudikata b’mod inġust. Huwa importanti ħafna li nenfasizzaw li meta aħna nippermettu din it-tip ta’ attitudni f’ħajjitna, inkunu qed nagħmlu spazju f’qalbna fejn l-għadu jkun jista’ jħawwel iż-żerriegħa tad-disgwid bejnietna, u nkunu qed nirriskjaw li naqgħu fin-nassa voraċi tiegħu.

Jekk aħna ma noqogħdux attenti x’naħsbu, x’ngħidu, u x’nagħmlu, nafu nispiċċaw naqgħu għall-intriċċi qarrieqa tal-għadu, li jeqirdu r-relazzjoni tagħna man-nies ta’ madwarna u mal-maħbubin tagħna.

Ħuti, bħala n-nies partikulari tal-Mulej u l-promoturi tal-paċi tiegħu, ma nistgħux naffordjaw inħallu dawn l-intriċċi tal-malinn jinbtu ġewwa qalbna. Ma nistgħux inġorru fina tagħbija korrużiva li teqred is-sentimenti, ir-relazzjonijiet, u saħansitra ħajjitna. L-evanġelju jirrappreżenta l-bxara t-tajba ta’ hena kbir.

Bla dubju, ħadd minna mhu perfett, u ċertament, ikun hemm mumenti meta aħna niġu mħajrin għal din it-tip ta’ mġiba Fl-imħabba perfetta tiegħu u fl-għarfien omnixxenti tat-tendenzi umani tagħna, is-Salvatur dejjem jipprova jwiddibna minn dan it-tip ta’ periklu. Hu għallimna, “Għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejlu intom, jitkejjel lilkom.”23

Għeżież ħuti, hekk kif nagħmlu li nistgħu biex niżviluppaw kwalitajiet bħal tas-Salvatur, aħna nistgħu insiru strument tal-paċi tiegħu fid-dinja skont il-mudell li fassal Hu stess. Nistedinkom tikkunsidraw modi kif aħna nistgħu nittrasformaw lilna nfusna f’nies li nelevaw u ngħinu lil ħaddieħor, nies li nifhmu lill-oħrajn u li għandna qalb li taħfer, nies li nfittxu l-aħjar f’dak li jkun, u li dejjem niftakru li “jekk hemm xi ħaġa virtuża, sabiħa, li jisħoqqilha l-ġieħ jew li ħaqqha t-tifħir, aħna nfittxuha.”24

Inwegħidkom li hekk kif aħna nfittxu u niżviluppaw dawn il-kwalitajiet, aħna nsiru aktar u aktar kordjali u sensittivi għall-bżonnijiet ta’ għajrna25 u nesperjenzaw l-hena, il-paċi, u t-tkabbir spiritwali.26 Bla dubju, il-Mulej jirrikonoxxi l-isforzi tagħna u jagħtina d-doni li neħtieġu biex inkunu aktar tolleranti u nuru aktar sabar fejn jidħlu d-differenzi, id-dgħufijiet, u l-imperfezzjoni ta’ xulxin. Barra minn hekk, aħna nkunu kapaċi nirreżistu t-tentazzjoni li noffendu ruħna jew noffendu lil dawk li jweġġgħuna. Ix-xewqa li naħfru kif għamel is-Salvatur lil dawk li jittrattawna ħażin jew jgħidu ħwejjeġ mhux sewwa dwarna bla dubju tikber u ssir parti mill-karattru tagħna.

Jalla llum, f’jum Ħadd il-Palm, aħna nifirxu l-mantar tagħna ta’ mħabba u l-weraq tal-palm tal-karità, u nimxu fuq il-passi tal-Prinċep tal-Paċi hekk kif il-Ħadd li ġej inħejju biex niċċelebraw il-miraklu tal-qabar vojt. Bħala aħwa fi Kristu, ejjew inxandru b’ferħ “Hosanna lil Bin David: Mbierek min ġej f’isem il-Mulej; Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet.”27

Jiena nixhed li Ġesù Kristu jgħix u li l-imħabba perfetta tiegħu, li Huwa wriena permezz tas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, hi estiża għal dawk kollha li jixtiequ jimxu miegħu u jgawdu l-paċi tiegħu f’din id-dinja u fid-dinja li għad trid tiġi. Jiena ngħid dawn il-ħwejjeġ fl-isem imqaddes tas-Salvatur u l-Feddej, Ġesù Kristu, ammen.