Ibqa’ Miexi—b’Fidi
Li neżerċitaw il-fidi fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, jgħinna negħlbu l-iskoraġġiment irrispettivament x’ostakli nsibu quddiem wiċċna.
Il-Presbiteru George A. Smith, Appostlu, ġie mogħti parir mill-Profeta Joseph Smith f’mument mill-aktar diffiċli: “Hu qalli biex ma naqta’ qalbi qatt, ikunu xi jkunu d-diffikultajiet li nista’ niffaċċja. Jekk jiena nkun qed negħreq fl-aktar ħofra fonda li hemm f’Nova Scotia u nispiċċa mgħaffeġ taħt il-Muntanji Rocky, m’għandix naqta’ qalbi iżda għandi nibqa’ sod, neżerċita l-fidi u nkompli nuri l-kuraġġ u eventwalment nispiċċa negħleb kollox.”1
Kif il-Profeta Joseph wasal biex jgħid dan—lil xi ħadd li kien qed ibati? Għax hu kien jaf li veru. Huwa għex dan. Joseph esperjenza ripetutament diffikultajiet mill-aktar severi f’ħajtu. Madankollu, hekk kif huwa eżerċita l-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu u fl-Espjazzjoni tiegħu, u baqa’ miexi, huwa għeleb ostakli li kienu jidhru enormi.2
Illum nixtieq intenni l-appell ta’ Joseph li m’għandniex inħallu l-iskoraġġiment jiddisprana meta niffaċċjaw xi diżappunt, xi esperjenzi diffiċli, l-inadegwatezza tagħna, jew xi sfidi oħra.
Meta ngħid skoraġġiment, mhux qed nirreferi għall-isfidi mill-aktar debilitanti tad-dipressjoni klinika, ta’ problemi ta’ anzjetà, jew ta’ xi mard ieħor li jeħtieġ trattament speċjali.3 Jien sempliċiment qed nirreferi għal skoraġġiment kif nifhmuh normalment, li hu riżultat tat-tlugħ u l-inżul tal-ħajja.
Jiena nispira ruħi mill-eroj tiegħi li jibqgħu mexjin—b’fidi—jiġri x’jiġri.4 Fil-Ktieb ta’ Mormon, naqraw dwar Żoram, il-qaddej ta’ Laban. Meta Nefi kiseb il-pjanċi tal-bronż, Żoram kellu għażla x’jagħmel, jekk jimxix wara Nefi u ħutu fid-deżert jew inkella possibbilment jispiċċa jitlef ħajtu.
X’għażla dik! L-ewwel inklinazzjoni ta’ Żoram kienet li jaħrab, iżda Nefi żammu u ħalef miegħu li jekk huwa jmur magħhom, huwa jkun ħieles u jkollu postu mal-familja tagħhom. Żoram għamel il-kuraġġ u mar magħhom.5
Żoram kellu jgħaddu minn tbatija kbira fil-ħajja ġdida tiegħu, madankollu huwa baqa’ miexi ’l quddiem b’fidi. M’għandna l-ebda indikazzjoni li Żoram baqa’ marbut mal-passat tiegħu jew li żamm ġo fih xi riżentiment lejn Alla jew lejn ħaddieħor.6 Huwa kien ħabib veru ta’ Nefi, profeta, u hu u nislu għammru f’ambjent ta’ ħelsien u prosperità fl-art imwiegħda. Dak li kien ta’ ostaklu mill-aktar kbir fit-triq ta’ Żoram eventwalment wassal għal barkiet kbar, grazzi għall-fedeltà u r-rieda tiegħu li jibqa’ miexi—b’fidi.7
M’ilux jiena smajt waħda oħt qalbiena tirrakkonta kif hi kompliet tippersevera minkejja d-diffikultajiet.8 Hi kienet għaddejja minn ċerti sfidi, u darba waħda f’jum il-Ħadd hi kienet bilqiegħda fis-Soċjetà tal-Għajnuna tisma’ waħda għalliema li assumiet li kienet tgħix ħajja perfetta bħal tal-istampi—differenti għal kollox minn tagħha. Hi ma felħitx aktar u bdiet taqta’ qalbha. Bdiet tħossha li mhijiex tajba biżżejjed—jew li lanqas biss missha kienet hemm—għalhekk qamet u telqet, fejn iddeċidiet li qatt aktar ma kienet se tersaq lejn il-knisja. Hi u miexja lejn il-karozza tagħha, ħasset fiha bħal leħen ikellimha: “Mur fil-kappella u isma’ lill-kelliem li hemm fil-laqgħa tas-sagrament.” Hi bdiet tiddubita dan il-leħen iżda reġgħet semgħetu b’qawwa, u għalhekk marret għal-laqgħa.
Il-messaġġ kien eżattament dak li kienet teħtieġ. Hija ħasset l-Ispirtu. Hi kienet taf li l-Mulej riedha tibqa’ miegħu, biex tkun id-dixxiplu tiegħu, u tattendi l-knisja, u hekk għamlet.
Tafu ta’ xiex ħassitha grata? Li ma qatgħetx qalbha. Hija kompliet miexja—b’fidi f’Ġesù Kristu, anke meta l-ħajja kienet mill-aktar diffiċli, u hi u l-familja tagħha qed ikunu mberkin bil-kotra hekk kif qed tkompli miexja ’l quddiem.
L-Alla tas-smewwiet u l-art jgħinna negħlbu l-iskoraġġiment u kwalunkwe ostaklu li nsibu ma’ wiċċna jekk aħna nitfgħu ħarsitna fuqu, nimxu wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu,9 u sempliċiment nibqgħu mexjin—b’fidi.
Fortunatament, meta nħossuna dgħajfin jew inkapaċi, il-Mulej jista’ jsaħħaħ il-fidi tagħna. Huwa jista’ jkabbar il-kapaċità tagħna ferm aktar milli nistgħu aħna stess. Jiena dan esperjenzajtu. Aktar minn 20 sena ilu, bla mistenni ġejt imsejjaħ bħala Sebgħin Reġjonali, u ħassejtni verament inadegwat. Wara l-assenjazzjonijiet li ġejt mogħti bħala taħriġ, ġejt mitlub nippresedi fl-ewwel konferenza tal-wited tiegħi.10 Jien u l-president tal-wited ippjanajna kollox bir-reqqa u fid-dettall. Ftit qabel il-konferenza, il-President Boyd K. Packer li dak iż-żmien kien l-Aġent President Tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, ċempilli biex jara setax jakkumpanjani. Kienet sorpriża għalija u, ovvjament, aċċettajt. Staqsejtu kif xtaq li nipproċedu peress li hu kien se jkun qed jippresedi. Hu ssuġġerixxa li ninsew il-pjanijiet u nkunu lesti li nimxu skont l-Ispirtu. Fortunatament, kien għad baqagħli 10 ijiem biex nistudja, nitlob, u nipprepara.
Mingħajr ebda aġenda, aħna poġġejna fuq quddiem 20 minuta qabel bdiet il-laqgħa tat-tmexxija. Jiena dort fuq il-president tal-wited u b’leħen sieket għidtlu, “Dan hu wited verament meraviljuż.”
Il-President Packer tani daqqa bil-minkeb u qalli, “Ieqaf Tkellem.”
Jien waqaft nitkellem, u f’moħħi feġġ id-diskors tiegħu “Il-Qima Tistieden ir-Rivelazzjoni”11 . Jiena bdejt nosserva l-President Packer jikteb ċerti referenzi mill-iskrittura. L-Ispirtu kkonferma miegħi li hu kien qed jirċievi ċerti suġġerimenti għal dik il-laqgħa. Dan kien għadu l-bidu tal-esperjenza ta’ tagħlim tiegħi.
Il-President Packer tkellem għall-ewwel 15-il minuta u enfasizza l-importanza li mmexxu l-laqgħat kollha skont il-gwida li ningħataw mill-Ispirtu s-Santu.12 Imbagħad huwa qal, “Issa se nisimgħu mill-Presbiteru Cook.”
Jien u miexi lejn il-pulptu, staqsejtu għal kemm ħin xtaqni nitkellem u jekk kienx hemm xi suġġett li xtaqni nindirizza. Hu qalli, “Ħu madwar 15-il minuta u tkellem skont dak li tħoss. Jiena tkellimt għal madwar 14-il minuta u għidt dak kollu li kelli f’moħħi.
Il-President Packer reġa’ qam u tkellem għal 15-il minuta oħra. Hu qasam magħna din l-iskrittura:
“Lissnu l-ħsibijiet li jiena nqiegħed ġewwa qalbkom, u intom ma titħawdux quddiem il-bnedmin;
“Għax jingħatalkom … f’dak l-istess mument, x’għandkom tgħidu.”13
Imbagħad qal, “Issa se nisimgħu mill-Presbiteru Cook.”
Jien ħadt qatgħa. Ma kontx qed nikkunsidra l-possibbiltà li niġi mitlub biex nitkellem darbtejn f’laqgħa waħda. Ma kelli xejn f’moħħi aktar xi ngħid. Grazzi għat-talb ferventi u għad-dipendenza tiegħi fuq il-Mulej għall-għajnuna, b’xi mod, ħassejtni niġi mbierek permezz ta’ ħsieb, skrittura, u kont kapaċi nitkellem għal 15-il minuta oħra. Poġġejt bilqiegħda bla enerġija.
Il-President Packer reġa’ tkellem għal 15-il minuta oħra dwar li għandna nimxu wara l-Ispirtu u qasam magħna t-tagħlim ta’ Pawlu li m’għandniex ngħidu “kliem li ma tgħallimniehx mill-għerf tal-bnedmin, imma mill-Ispirtu.”14 Kif tistgħu timmaġinaw, ħassejtni nitħawwad xi ftit meta hu ħass li għat-tielet darba kellu jgħid, “Issa se nisimgħu mill-Presbiteru Cook.”
Ħassejt li ma kelli xejn aktar xi nżid. Assolutament xejn. Kont naf li kien il-mument li fih kelli neżerċita aktar fidi. Jien bdejt miexi lejn il-pulptu, bil-mod il-mod, nitlob lil Alla biex jgħinni. Hekk kif ersaqt quddiem il-mikrofonu, il-Mulej b’mod mirakoluż berikni b’messaġġ ieħor x’naqsam f’dawk il-15-il minuta li kien imiss.15
Finalment il-laqgħa spiċċat, iżda jien ma domtx ma ndunajt li s-sessjoni tal-adulti kienet se tibda siegħa wara. “O, mamma mia! Bħal Żoram, jien verament xtaqt naħrab, iżda l-istess kif kien żammu Nefi, kont naf li l-President Packer kien se jżomm lili. Il-laqgħa tal-adulti mxiet fuq l-istess mudell. Jien tkellimt tliet darbiet. L-għada waqt is-sessjoni ġenerali, jien tkellimt darba.
Wara l-konferenza, il-President Packer qalli b’imħabba, “Xi darba nerġgħu nirrepetu dan.” Jiena nħobb lill-President Boyd K. Packer u napprezza dak kollu li jiena tgħallimt.
Tafu ta’ xiex jiena grat? Li ma qtajtx qalbi—jew ma rreżistejtx. Kieku ċedejt għax-xewqa kbira tiegħi li naħrab minn dawk il-laqgħat, kont se nitlef opportunità li nkabbar il-fidi tiegħi u li nirċievi nixxiegħa kbira ta’ mħabba u sapport mingħand Missierna fis-Smewwiet. Jien tgħallimt dwar il-ħniena tiegħu, dwar il-qawwa abilitanti u mirakoluża ta’ Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu, u l-influwenza qawwija tal-Ispirtu s-Santu. Minkejja d-dgħufijiet tiegħi,16 tgħallimt li jien nista’ nservi; nista’ nikkontribwixxi meta l-Mulej ikun jinsab ħdejja, jekk jien nibqa’ miexi—b’fidi.
Irrispettivament mill-kobor, mill-ambitu, u l-gravità tal-isfidi li niffaċċjaw f’ħajjitna, aħna lkoll ngħaddu minn mumenti meta nkunu rridu nieqfu, nitilqu, naħarbu, jew possibbilment naqtgħu qalbna. Iżda li neżerċitaw il-fidi fis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, jgħinna negħlbu l-iskoraġġiment irrispettivament x’ostakli nsibu quddiem wiċċna.
L-istess kif is-Salvatur temm il-ħidma li ġie mogħti biex iwettaq, Hu għandu l-qawwa li jgħinna ntemmu l-ħidma li aħna ngħatajna.17 Aħna nistgħu niġu mberkin li nibqgħu mexjin ’il quddiem tul it-triq tal-patt, irrispettivament kemm niffaċċjaw blat tul it-triq, u eventwalment aħna niksbu l-ħajja ta’ dejjem.18
Kif qal il-Profeta Joseph Smith, “Ieqfu sodi, O Qaddisin ta’ Alla, ibqgħu żommu sħiħ ftit ieħor, u l-maltemp tal-ħajja jgħaddi, u intom tiġu ppremjati minn dak Alla li tiegħu intom qaddejja.”19 F’isem Ġesù Kristu, ammen.