Konferenza Ġenerali
Ġesù Kristu huwa s-Sodizza tal-Ġenituri
konferenza ġenerali April 2023


Ġesù Kristu huwa s-Sodizza tal-Ġenituri

Għinu lil uliedkom jibnu fidi f’Ġesù Kristu, iħobbu lill-evanġelju tiegħu u lill-Knisja tiegħu, u jitħejjew biex jgħixu ħajjithom jagħżlu t-tajjeb.

Darba fost l-oħrajn, wieħed missier kien se joħroġ filgħaxija biex jattendi laqgħa tal-veskovat. Bintu ta’ erba’ snin ġiet quddiemu, liebsa għas-sodda, u b’kopja ta’ Stejjer mill-Ktieb ta’ Mormon f’idha.

“Għalfejn trid tmur il-laqgħa?” staqsietu.

“Għax jien kunsillier fil-veskovat,” weġibha.

“Imma inti l-papà tiegħi!” ipprotestat bintu.

Huwa niżel għarkupptejh quddiemha. “Qalbi,” qalilha, “jien naf li tixtieqni naqralek u noqgħod miegħek sakemm torqod, iżda llejla għandi bżonn ngħin lill-isqof.”

It-tifla weġbitu, “Mela l-isqof m’għandux papà biex joqgħod miegħu sakemm jorqod?”

Aħna eternament grati għall-membri bla għadd li jservu b’mod diliġenti fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu kull jum. Is-sagrifiċċju tagħkom huwa verament sagru.

Iżda bħal ma din it-tifla tidher li fehmet, hemm xi ħaġa daqstant sagra—xi ħaġa li hi insostitwibbli—f’li ġenitur irabbi lil uliedu. Tirrifletti il-mudell tas-smewwiet.1 Missierna fis-Smewwiet, il-Ġenitur Divin tagħna, ċertament li jimtela bil-hena meta wliedu huma mgħallmin u mrawmin mill-ġenituri tagħhom fid-dinja.2

Ġenitiuri, nirringrazzjawkom ta’ dak kollu li qed tagħmlu biex trabbu lil uliedkom. U intom l-ulied, grazzi għal dak kollu li qed tagħmlu biex trabbu lill-ġenituri tagħkom, għax bħalma jaf kull ġenitur, aħna ta’ spiss nitgħallmu mingħand uliedna dwar il-fidi, it-tama, u l-karità, daqskemm huma jitgħallmu minna!3

Il-Ġenituri Għandhom Dmir Sagru

Qatt ħsibtu ftit dwar ir-riskju tremend li jieħu Missierna fis-Smewwiet kull darba li jibgħat tarbija fid-dinja? Dawn huma l-ulied spirti tiegħu. Għandhom potenzjal bla tarf. Huma ddestinati li jsiru esseri glorjużi ta’ tjubija, grazzja, u verità. Madanakollu huma jiġu fid-dinja kompletament dgħajfin, kważi bla kapaċità ta’ xejn ħlief biex jibku għall-għajnuna. Il-memorja taż-żmien tagħhom fil-preżenza ta’ Alla hija mtaffija, flimkien mal-għarfien ta’ min vera huma u min jistgħu jsiru. Huma jsawru l-fehma tagħhom tal-ħajja, tal-imħabba, ta’ Alla, u tall-pjan tiegħu, ibbażata minn dak li josservaw min-nies ta’ madwarhom—speċjalment il-ġenituri tagħhom, li, sewwasew, ikunu għadhom huma stess qed jippruvaw jifhmu x’inhu jiġru.

Tarbija tat-twelid

Alla ta lill-ġenituri id-“dmir sagru li jrabbu lil uliedhom fl-imħabba u fis-sewwa, li jipprovdulhom għall-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tagħhom, li jgħallmuhom … josservaw il-kmandamenti ta’ Alla.”4

Dan biżżejjed biex iżomm anki lill-aqwa ġenituri mqajmin matul il-lejl.

Il-messaġġ tiegħi għall-ġenituri kollha hu dan:

Il-Mulej iħobbkom.

Hu jinsab magħkom.

Huwa jieqaf magħkom.

Huwa l-qawwa tagħkom intom u tiggwidaw lil uliedkom jagħmlu l-għażliet tas-sewwa.

Aċċettaw dan il-privileġġ u r-responsabbiltà b’kuraġġ u b’hena. Tiddelegawx dan is-sors ta’ barkiet mis-smewwiet lil xi ħadd ieħor. Fi ħdan il-qafas ta’ valuri u prinċipji tal-evanġelju, għandkom tkunu intom li tiggwidaw lit-tfal tagħkom fid-dettalji tad-deċiżjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum. Għinu lil uliedkom jibnu fidi f’Ġesù Kristu, iħobbu lill-evanġelju tiegħu u lill-Knisja tiegħu, u jitħejjew biex jgħixu ħajjithom jagħżlu t-tajjeb. Infatti, dan huwa l-pjan ta’ Alla għall-ġenituri.

Satana se jopponikom, ifixkilkom, jipprova jaqtagħlkom qalbkom.

Iżda kull tarbija rċeviet id-Dawl ta’ Kristu bħala linja diretta lejn is-smewwiet. U s-Salvatur se jgħinkom, jiggwidakom, u jqawwilkom qalbkom. Fittxu l-għajnuna tiegħu. Staqsu lill-Mulej!

Il-Mulej Ġesù Kristu

Daqskemm Ġesù Kristu huwa s-sodizza taż-żgħażagħ, Ġesù Kristu huwa wkoll is-sodizza tal-ġenituri.

Huwa Jkabbar l-Imħabba

Xi drabi forsi nistgħu nistaqsu jekk xi ħadd ieħor seta’ kien ikkwalifikat aħjar biex jiggwida u jgħallem lil uliedna. Iżda irrispettivament minn kemm tistgħu tħossukom inadegwati, intom għandkom xi ħaġa li tikkwalifikakom b’mod uniku: l-imħabba tagħkom għal uliedkom.

L-imħabba ta’ ġenitur għal uliedu hija waħda mill-iktar forzi qawwija fl-univers. Hija waħda mill-ftit affarjiet f’din id-dinja li jistgħu tabilħaqq ikunu eterni.

Issa forsi tħossu li r-relazzjoni ma’ wliedkom mhix propja ideali. Hemmhekk fejn tidħol il-qawwa tas-Salvatur. Hu fejjaq lill-morda, u jista’ jfejjaq ir-relazzjonijiet. Huwa jimmultiplika l-ħobż u l-ħut, u jista’ jimmultiplika l-imħabba u l-hena f’darkom.

L-imħabba tagħkom għal uliedkom toħloq ambjent għani biex tgħallem il-verità u tibni l-fidi. Agħmlu lil darkom dar tat-talb, tagħlim, u fidi; dar ta’ esperjenzi hienja, post ta’ appartenenza, dar ta’ Alla.5 U “itolbu lill-Missier bil-qawwa kollha ta’ qalbkom, sabiex tkunu mimlijin bl-imħabba [tiegħu], li huwa [isawwab] fuq … dawk kollha li huma dixxipli vera ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.”6

Huwa Jkabbar Sforzi Żgħar u Sempliċi

Qawwa oħra li għandek, bħala ġenitur, hija l-opportunità ta’ influwenza ta’ kuljum u kontinwa. Ħbieb, għalliema, u influwenti tal-midja jmorru u jiġu. Imma intom tistgħu tkunu l-influwenza l-iktar konsistenti u persistenti fil-ħajja ta’ wliedkom.

L-isforzi tagħkom jafu jidhru żgħar meta mqabbla mal-vuċijiet għolja li wliedkom jisimgħu fid-dinja. Xi kultant, tafu tħossukom li m’intomx tagħmlu wisq suċċess. Iżda ftakru li “permezz ta’ ħwejjeġ żgħar il-Mulej iġib fis-seħħ ħwejjeġ kbar.”7 Lejla waħda d-dar, taħdita waħda dwar l-evanġelju, jew eżempju wieħed tajjeb jafu ma jbiddlux il-ħajja ta’ wliedkom mil-lejl għan-nhar, daqs kemm qatra xita mhix se twassal biex pjanta tikber f’daqqa. Iżda l-konsistenza ta’ affarjiet żgħar u sempliċi, jum wara jum, irawmu lil uliedkom b’mod ħafna aħjar minn xi għargħar ta’ kultant.8

Dan huwa l-mod tal-Mulej. Huwa jkellem lilkom u lil uliedkom b’leħen sieket u ħelu, mhux b’leħen ir-ragħad.9 Huwa fejjaq lil Nagħman mhux permezz ta’ “xi ħaġa kbira” iżda permezz tal-att sempliċi u ripetut tal-ħasil.10 Ulied Iżrael ħadu gost bil-festa tas-summien fid-deżert, iżda dak li żammhom ħajjin kien il-miraklu żgħir u sempliċi tal-manna—il-ħobż tagħhom ta’ kuljum.11

Ħuti, il-ħobż ta’ kuljum huwa ppreparat u servut l-aħjar ġewwa d-dar. Il-fidi u t-testimonjanza huma mrawmin l-aħjar b’modi normali u naturali, bilmod, f’mumenti żgħar u sempliċi, fil-korsa kostanti tal-ħajja ta’ kuljum.12

Kull mument huwa mument ta’ tagħlim. Kull kelma u għemil tagħkom jistgħu jkunu gwida biex jittieħdu d-deċiżjonijiet.13

Forsi mhux se taraw l-effett immedjat tal-isforzi tagħkom. Imma taqtgħux qalbkom. “Kollox jiġi fis-seħħ fi żmienu,” qal il-Mulej. “Għalhekk, qatt tieqfu tagħmlu t-tajjeb, għaliex intom qed tibnu l-pedament ta’ ħidma mill-aqwa.”14 Liema ħidma tista’ tkun ikbar milli li tgħin lill-ulied prezzjużi ta’ Alla jitgħallmu min fil-fatt huma u jibnu l-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu, l-evanġelju tiegħu, u l-Knisja tiegħu? Ġesù Kristu jbierek u jkabbar l-isforzi konsistenti tagħkom.

Hu Jagħti Rivelazzjoni

Mod qawwi ieħor li bih il-Mulej jissapportja lill-ġenituri hu permezz tad-don tar-rivelazzjoni personali. Huwa ħerqan biex iferra’ l-Ispirtu tiegħu ħalli jiggwida lill-ġenituri.

Hekk kif idduru għat-talb u tkunu sensittivi għall-Ispirtu, Hu jwissikom dwar perikli moħbijin.15 Huwa jiżvela d-doni ta’ wliedkom, l-abbiltajiet tagħhom, u l-preokkupazzjonijiet li ma jingħadux.16 Alla jgħinkom taraw lil uliedkom kif jarahom Hu—lil hinn mid-dehra ta’ barra u fil-fond ta’ qalbhom.17

Bl-għajnuna ta’ Alla, tistgħu titgħallmu tagħrfu lil uliedkom b’mod pur u divin. Jien nistedinkom taċċettaw l-offerta ta’ Alla li jgħinkom tiggwidaw lill-familja tagħkom permezz ta’ rivelazzjoni personali. Fittxu l-gwida tiegħu fit-talb tagħkom.18

Bidla Setgħana

Forsi l-iktar għajnuna importanti li Ġesù Kristu joffri lill-ġenituri hija l-“bidla qawwija” f’qalbkom.19 Huwa miraklu li kull wieħed u waħda minna neħtieġu.

Għall-mument, immaġinaw dis-sitwazzjoni: Tinsabu l-knisja, u qed tisimgħu diskors dwar il-familji. Il-kelliem jiddeskrivi dar perfetta u saħansitra familja aktar speċjali. Ir-raġel u l-mara qatt ma jitlewmu. It-tfal jieqfu jaqraw l-iskrittura tagħhom biss met jkun sar il-ħin li jagħmlu x-xogħol tal-iskola. U l-mużika ta’ “Ħobbu ’l Xulxin”20 tinstema’ għaddejja fl-isfond. Qabel ma l-kelliem jasal biex jiddeskrivi kif kulħadd jingħaqad għalenija flimkien biex jaħslu l-kamra tal-banju, inti tkun diġà qed taħseb, “Il-familja tiegħi diżastru.”

Għeżież ħuti, serrħu moħħkom! Kulħadd fil-kongregazzjoni qed jaħseb l-istess! Il-fatt hu, il-ġenituri kollha jinkwetaw li huma mhumiex tajbin biżżejjed.

B’xorti tajba, hemm sors divin ta’ għajnuna għall-ġenituri: Dan hu Ġesù Kristu. Huwa s-sors tal-bidla setgħana fil-qalb tagħna.

Hekk kif tersqu eqreb lejn is-Salvatur u t-tagħlim tiegħu, Hu jurikom id-dgħufija tagħkom. Jekk tafdaw lil Ġesù Kristu b’qalb umli, Hu se jagħmel affarjiet dgħajfin isiru qawwijin.21 Huwa Alla tal-mirakli.

Dan ifisser li intom u l-familja tagħkom se tkunu perfetti qiskom tal-istejjer? Le. Imma se ssiru aħjar, Permezz tal-grazzja tas-Salvatur, ftit ftit, intom tiżviluppaw iktar mill-attributi li l-ġenituri jeħtieġu: imħabba għal Alla u għal uliedu, sabar, altruwiżmu, fidi fi Kristu, u kuraġġ biex nagħmlu t-tajjeb.

Ġesù Kristu Joffri Sapport permezz tal-Knisja Tiegħu

L-isforz tagħna biex nibnu fidi f’Ġesù Kristu huwa ċċentrat fid-dar, iffukat fuq l-individwu. U huwa ssaportjat mill-Knisja. Minbarra l-iskrittura sagra u kliem il-profeti, il-Knisja tas-Salvatur toffri ħafna riżorsi biex tgħin ġenituri u tfal jagħmlu deċiżjonijiet tajbin:

Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ: Gwida għal Biex Tagħmel l-Għażliet
  • Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ: Gwida għal Biex Tagħmel l-Għażliet ma jagħtikomx lista ta’ x’għandkom u x’ma għandkomx tagħmlu. Jgħallem veritajiet eterni biex jgħinkom tagħmlu deċiżjonijiet ċċentrati fuq il-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Aqrawh ma’ wliedkom. Ħeġġiġhom jitkellmu dwaru. Għinuhom biex ikollhom dawn il-veritajiet eterni u divini jiggwidaw l-għażliet tagħhom.22

  • Il-konferenzi GħSŻ huma wkoll riżorsa mill-aqwa. Nittama li ż-żgħażagħ kollha jattendu. Nistieden lill-adulti żgħżagħ single biex jingħaqdu f’dawn il-konferenzi bħala mentors u kunsilliera. Nistieden lill-ġenituri jibnu fuq il-momentum spiritwali li ż-żgħażagħ jieħdu magħhom id-dar mill-konferenzi FSY.

  • It-tfal u ż-żgħażagħ fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien għandhom għalliema, konsulenti, u mentors. Ta’ spiss tidħol fil-ħajja ta’ żagħżugħ jew żagħżugħa f’mument kruċjali biex tibni u tissapportja l-fidi u t-testimonjanza. X’uħud fostkom huma adulti sigle. Uħud qatt ma kellkom tfal tagħkom. Is-servizz mimli hena lil ulied Alla huwa sagru f’għajnejn Alla.23

Qatt Taqta’ Qalbek mill-Miraklu

Għeżież ħbieb tiegħi, li tibni l-fidi f’tifel jew tifla aktarx jixbah lil xi ħadd li qed jgħin biex fjura tikber. Ma tistax iġġebbed iz-zokk biex ittawlu. Ma tistax tiftaħ il-blanzun b’idejk biex il-fjura toħroġ iktar kmieni. U ma tistax tinjora l-fjura u tippretendi li tikber u tifjorixxi waħedha.

Li tistgħu u li jeħtieġ li tagħmlu għall-ġenerazzjoni li għadha tielgħa hi li tipprovdu ħamrija rikka u nutrittiva, b’aċċess għall-ilma ġieri tas-smewwiet. Aqilgħu l-ħaxix ħażin u kull ħaġa li tgħatti x-xemx. Oħolqu l-aqwa kondizzjonijiet possibbli għat-tkabbir. Imbagħad, bil-paċenzja ħallu lill-ġenerazzjoni li għadha tielgħa tagħmel d-deċiżjonijiet ispirati, u ħallu lil Alla jwettaq il-miraklu tiegħu. Ir-riżultat ikun iktar sabiħ u iktar tal-għaġeb u iktar mimli hena minn kull ħaġa li stajtu tfasslu waħedkom.

Fil-pjan tal-Missier fis-Smewwiet, ir-relazzjonijiet tal-familji huma maħsubin li jkunu eterni. Dak huwa għaliex inti, bħala ġenitur, m’għandek qatt taqta’ qalbek, anki jekk ma tħoss l-ebda kburija minn kif marru l-affarjiet fil-passat.

Flimkien ma’ Ġesù Kristu, l-Imgħallem Fejjieq u Salvatur, dejjem jista’ jkun hemm bidu ġdid; Hu dejjem jagħtina t-tama.

Ġesù Kristu hu s-sodizza tal-familji.

Ġesù Kristu hu s-sodizza taż-żgħażagħ.

Ġesù Kristu hu s-sodizza tal-ġenituri.

Ta’ dan jiena nixhed f’isem Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. “Fil-fond ta’ qalb ta’ kważi l-ġenituri kollha hemm ix-xewqa li jgħallmu l-valuri morali lil uliedhom. Dan huwa parti mill-miraklu tal-pjan tal-Missier fis-Smewwiet. Huwa jrid lil uliedu jiġu fid-dinja, filwaqt li jimxu wara l-mudell etern tal-familji li jeżisti fis-smewwiet. Il-familji huma l-unit organizzattiv bażiku tas-saltniet eterni, u għalhekk l-intenzjoni tiegħu għalihom hija wkoll li huma jkunu l-unit bażiku fid-dinja. Għalkemm il-familji fid-dinja ma huma bl-ebda mod perfetti, huma jagħtu lil ulied Alla l-aqwa opportunità li jintleqgħu fid-dinja bl-unika mħabba fid-dinja li toqrob lejn dak li konna nħossu fis-smewwiet—imħabba parentali. Il-familji huma wkoll l-aqwa mod biex nippreservaw u ngħaddu l-valuri morali u l-prinċipji veri li aktarx huma l-aħjar biex imexxuna lura fil-preżenza ta’ Alla” (Henry B. Eyring, “Niġbru Flimkien il-Familja ta’ Alla,” Liahona, Mejju 2017, 20).

  2. Naturalment, aħna nafu li r-rieda ta’ Alla mhix dejjem imwettqa “fil-art, bħal ma hi fis-sema” (Mattew 6:10). Ċertament li l-parentaġġ mortali diffiċli ħafna li tqabblu mal-ideal ta’ Alla. M’hemmx dubju li Hu jarah dan. Żgur li jibki fuq in-niket u l-uġigħ il-qalb kollu fir-relazzjonijiet tal-familja. Madanakollu, ma qatax qalbu mill-familja. U qatt ma hu se jagħmel dan, għaliex Alla għandu pjan glorjuż għad-destin etern ta’ wliedu. U fiċ-ċentru ta’ dak il-pjan hemm il-familja.

  3. Ara Mattew 18:1–5; Mosija 3:19.

  4. Il-Familja: Proklamazzjoni lid-Dinja” ChurchofJesusChrist.org; ara wkoll Doctrine and Covenants 68:25–28.

  5. Ara “Learning at Home Is Founded on Relationships,” Teaching in the Savior’s Way: For All Who Teach in the Home and in the Church (2022), 30–31; ara wkoll Doctrine and Covenants 109:8.

  6. Moroni 7:48.

  7. 1 Nefi 16:29; ara wkoll Alma 37:6-7.

  8. Ara “Learning at Home Consists of Small, Simple, Consistent Efforts,” Teaching in the Savior’s Way, 31. Il-President President David O. McKay għallem: “Ejjew ma naħsbux li, minħabba li ċerti [affarjiet] … jidhru żgħar u trivjali, huma affarjiet ta’ bla importanza. Il-ħajja, wara kollox, hija magħmula minn affarjiet żgħar. Ħajjitna, l-essenza tagħna, hija magħmula minn taħbit żgħar tal-qalb. Tieqaf tħabbat il-qalb, u l-ħajja fid-dinja tintemm. Ix-xemx grandjuża hija forza qawwija fl-univers, imma nirċievu l-barkiet tar-raġġi [tagħha] għaliex jaslu għanda bħala raġġi żgħar, li, meta magħqudin flimkien, jimlew id-dinja kollha bid-dawl tax-xemx. Il-lejl mudlam huwa magħmul pjaċevoli bit-tnemnim ta’ dawk li jidhru kwiekeb żgħar; bl-istess mod, il-ħajja tal-veru Kristjan hija magħmula minn atti żgħar Kristjani magħmulin f’din is-siegħa, dil-minuta, fid-dar” (Teachings of Presidents of the Church: David O. McKay [2003], 219).

  9. Ara Ħelaman 5:30.

  10. Ara 2 Slaten 5:9-14.

  11. Ara Eżodu 16.

  12. Ara “Preparing Your Children for a Lifetime on God’s Covenant Path,” Come, Follow Me—For Individuals and Families: New Testament 2023, appendiċi (diġitali biss).

  13. Ara “Learning at Home Can Be Planned but Also Spontaneous,” Teaching in the Savior’s Way, 31; 1 Pietru 3:15.

  14. Doctrine and Covenants 64:32-33.

  15. Ara Mattew 2:13.

  16. Ara Alma 40:1; 41:1; 42:1.

  17. Ara 1 Samwel 16:7.

  18. Ara 1 Nefi 15:8.

  19. Alma 5:13.

  20. Ara “Love One Another,” Hymns, nu. 308.

  21. Ara Għeter 12:27.

  22. “Fil-każ tat-tfal, ir-responsabbiltà li tagħtihom gwida morali hija f’idejn il-ġenituri. Huma jafu d-dispożizzjoni, il-livell ta’ għarfien, u l-intelliġenza ta’ kull wieħed u waħda minn uliedhom. Il-ġenituri jgħaddu ħajjithom ifittxu li jistabbilixxu u jmantnu komunikazzjoni tajba ma’ wliedhom kollha. Huma jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jagħmlu d-deċiżjoni morali aħħarija dwar il-welfer u l-benesseri ta’ wliedhom” (James E. Faust, “The Weightier Matters of the Law: Judgment, Mercy, and Faith,” Ensign, Nov. 1997, 54).

  23. Żewġ riżorsi oħrajn ta’ min wieħed isemmi: Il-verżjoni diġitali dis-sena tar-riżorsa Ejjew, Imxu Warajja tinkludi sezzjoni ġdida intitolata “Preparing Your Children for a Lifetime on God’s Covenant Path.” Din tissuġġerixxi ideat sempliċi, iċċentrati fid-dar, biex ngħinu lit-tfal jippreparaw għall-magħmudija u patti u ordinanzi oħrajn. U r-reviżjoni ġdida ta’ Ngħallmu bil-Mod tas-Salvatur għandha sezzjoni intitolata “Home and Family” li tiddeskrivi kif il-prinċipji tat-tagħlim Kristjan japplikaw għad-dar (ara paġni 30–31).