Konferenza Ġenerali
Jien Verament Ksibt il-Maħfra?
konferenza ġenerali April 2023


Jien Verament Ksibt il-Maħfra?

Il-wegħda ta’ maħfra sħiħa u perfetta hi offruta lil kulħadd—fl-Espjazzjoni u permezz tal-Espjazzjoni infinita ta’ Ġesù Kristu.

Bosta snin ilu, jien u Sister Nattress morna noqogħdu Idaho, fejn hemm ftaħna negozju ġdid. Qattajna jiem u ljieli twal fl-uffiċċju. Fortunatament, konna ngħixu ftit kantunieri ’l bogħod mill-post tax-xogħol. Kull ġimgħa, Shawna u t-tliet uliedna bniet—kollha taħt is-sitt snin—kienu jiġu l-uffiċċju biex nieklu lkoll flimkien.

Jum fost l-oħrajn, wara l-ikla tagħna mal-familja, innotajt li Michelle, bintna ta’ ħames snin, kienet ħallietli messaġġ personali, miktub fuq nota li teħel u kienet imwaħħla mat-telefon tal-uffiċċju tiegħi.

Kienet sempliċiment tgħid, “Pà, ftakar biex tħobbni. Inħobbok, Michelle.” Dan kien mod tajjeb ħafna kif tfakkar lil missier żagħżugħ dwar x’inhuma l-aktar ħwejjeġ importanti.

Ħuti, nixhed li Missierna fis-Smewwiet dejjem jiftakar fina u Hu jħobbna b’mod perfett. Il-mistoqsija tiegħi hi din: Aħna niftakru fih? U nħobbuh?

Snin ilu, jien kont inservi bħala mexxejja lokali tal-Knisja. Wieħed miż-żgħażagħ tagħna, Danny, kien bniedem eċċezzjonali b’kull mod. Kien ubbidjenti, ġentili, twajjeb, u kellu qalbu tad-deheb. Madankollu, meta huwa ggradwa mill-iskola sekondarja, hu beda jagħmilha ma’ kumpanija ħażina. Beda jieħu d-drogi, speċifikament il-metamfetamina, u spiċċa qabad in-niżla tal-vizzju u l-qerda. Ma damx wisq biex id-dehra tiegħu ma nbidletx għal kollox. Bilkemm kien għadu jingħaraf. L-akbar bidla kienet f’għajnejh—id-dawl f’għajnejh ma baqax jidher aktar. Kemm-il darba ppruvajt inkellmu, iżda kollu ta’ xejn. Ma kienx interessat.

Ma kienx faċli tara lil dan iż-żagħżugħ inkredibbli jbati u jgħix ħajja li ma kenitx dak li kien verament! Hu kien kapaċi ferm aktar minn hekk.

Imbagħad darba, beda jseħħ il-miraklu tiegħu.

Hu attenda laqgħa tas-sagrament fejn ħuh iż-żgħir qasam it-testimonjanza tiegħu qabel ma telaq għal missjoni. Waqt il-laqgħa, Danny ħass xi ħaġa li ilu żmien twil ma jħossha. Huwa ħass l-imħabba tal-Mulej. Hu finalment ħass fih it-tama.

Minkejja li kellu x-xewqa li jinbidel, din kienet ħaġa diffiċli għal Danny. Il-vizzji tiegħu u l-ħtija li ġabu magħhom kienu kważi aktar milli kien jiflaħ iġorr.

Darba waħda wara nofsinhar, meta jien kont ninsab barra naħsad il-ħaxix ta’ quddiem id-dar, waqaf quddiemi bil-karozza Danny bla mistenni. Kien verament għaddej minn żmien ħażin. Jiena tfejt il-magna tal-ħsad, u poġġejna bilqiegħda fid-dell fuq l-għatba ta’ quddiem id-dar. Kien f’dak il-waqt li huwa qasam miegħi dak li kien qed iħoss. Huwa verament ried jerġa’ lura. Madankollu, kien diffiċli ħafna għalih li jħalli warajh il-vizzji u t-tip ta’ ħajja tiegħu. Barra minn hekk, huwa beda jħoss sens ta’ ħtija kbira, u jħossu mill-aktar imbarazzat talli kien spiċċa fejn spiċċa. Huwa staqsieni, “Jien verament nista’ nikseb il-maħfa? Hemm mod kif nista’ nerġa’ lura?”

Wara li qasam miegħi dak kollu li beda jinkwetah, qrajna Alma kapitlu 36 flimkien:

“Iva, jiena ftakart dnubieti kollha u ħżuniti. …

“Iva, … l-ħsieb biss li kelli mmur quddiem il-preżenza ta’ Alla wassal biex ruħi ġiet itturmentata minn biża’ tant kbira u indeskrivibbli.” (versi13–14).

Wara dawn il-vers, Danny qal, “Dan hu sewwasew kif inħossni!”

Aħna komplejna:

“Hekk kif kont ittormentat bil-memorja tal-ħafna dnubiet tiegħi, araw, ftakart ukoll li smajt lil missieri jħabbar lin-nies tiegħu dwar il-miġja ta’ ċertu Ġesù Kristu, Iben Alla, biex ipatti għad-dnubiet tad-dinja. …

“O, dik hena! u x’dawl tal-għaġeb jiena rajt quddiemi” (versi 17, 20).

Hekk kif qrajna dawn il-passaġġi, beda nieżel id-dmugħ. L-hena li ħass Alma kienet l-hena li huwa kien qed ifittex!

Aħna ddiskutejna li Alma kien spiċċa fi triq mill-aktar ħażina. Madankollu, ladarba huwa nidem, huwa qatt ma ħares lura. Huwa sar dixxiplu devot ta’ Ġesù Kristu. Huwa sar profeta! Danny fetaħ għajnejh waħda sew. “Profeta?” huwa staqsa.

Jiena sempliċiment weġibtu, “Iva, profeta. Mhux biex nitfa’ xi pressjoni żejda fuqek!”

Aħna ddiskutejna li filwaqt li dnubietu ma kinux kbar daqs ta’ Alma, l-istess wegħda ta’ maħfra sħiħa u perfetta hi offruta lil kulħadd—fl-Espjazzjoni u permezz tal-Espjazzjoni infinita ta’ Ġesù Kristu.

Danny issa fehem. Huwa kien jaf x’kellu jagħmel: kien jeħtieġ jibda l-vjaġġ tiegħu billi jafda fil-Mulej u jaħfer lilu nnifsu!

Il-bidla qawwija fil-qalb ta’ Danny ma kienet xejn għajr miraklu. Id-dehra tiegħu inbidlet, u għajnejh reġgħu bdew jiddu. Huwa sar denn li jidħol it-tempju! Finalment kien reġa’ lura!

Wara numru ta’ xhur, jiena staqsejt lil Danny jekk riedx jissottometti applikazzjoni biex iservi missjoni full-time. It-tweġiba tiegħu ħasditni u għaġġbitni.

Huwa qalli, “Nixtieq inservi missjoni, iżda inti taf jien fejn kont u l-ħwejjeġ li wettaqt! Kont naħseb li ma kontx nikkwalifika.”

Jiena weġibt, “Sewwa qed tgħid. Madankollu, m’hemm xejn xi jżommna milli nagħmlu talba. Jekk ma tintlaqax, għall-anqas tkun taf li inti esprimejt xewqa sinċiera li taqdi lill-Mulej.” Għajnejh xegħlu. Huwa verament għoġbitu din l-idea. Għalih din kienet tidher ħaġa diffiċli, iżda kien vallapena li jieħu dan iċ-ċans.

Ftit ġimgħat wara, u b’għaġeb kbir għalih, seħħ miraklu ieħor. Danny irċieva sejħa biex iservi missjoni full-time.

Ftit xhur wara li Danny wasal fl-għalqa tal-missjoni, jiena rċevejt telefonata. Il-president tiegħu sempliċiment qalli, “Dan iż-żagħżugħ minn fejn inqala’? Huwa l-aktar missjunarju inkredibbli li jiena qatt rajt!” Qed taraw, dan il-president kien laqa’ għandu Alma ż-Żgħir ta’ żmienna.

Sentejn wara, Danny reġa’ lura d-dar b’unur, wara li serva lill-Mulej b’qalbu kollha, b’moħħu kollu u bil-qawwa, u s-setgħa tiegħu kollha.

Wara d-diskors ta’ ritorn tiegħu bħala missjunarju fil-laqgħa tas-sagrament, jiena mort lura d-dar, hekk kif dlonk smaj xi ħadd iħabbat il-bieb ta’ barra. Quddiemi kien hemm Danny bid-dmugħ nieżel minn għajnejh. Huwa qalli, “Nista’ nkellmek minuta?” Aħna morna barra fuq l-istess għatba ta’ quddiem id-dar.

Huwa qalli, “President, inti taħseb li jiena verament ksibt il-maħfra?”

Issa anke jiena beda nieżel id-dmugħ minn għajnejja. Quddiemi kelli dixxiplu devot ta’ Ġesù Kristu li kien ta kollox biex jgħallem u jixhed dwar is-Salvatur. Huwa kien personifikazzjoni tal-qawwa li tfejjaq u ssaħħaħ tal-Espjazzjoni tas-Salvatur.

Jiena għidt, “Danny! Inti ħarist fil-mera? Ħarist lejn għajnejk? Huma mimlijin dawl, u inti qed tiddi bl-Ispirtu tal-Mulej. M’hemmx dubju li inti ksibt il-maħfra! Inti bniedem meraviljuż! Issa dak li teħtieġ hu li timxi ’l quddiem b’ħajtek. Taħrisx lura! Ħares ’il quddiem b’fidi għall-ordinanza li jmiss.”

Il-miraklu ta’ Danny qed ikompli llum. Huwa żżewweġ fit-tempju u reġa’ lura l-iskola, fejn huwa ġab il-masters. Huwa għadu jservi lill-Mulej b’unur u dinjità fis-sejħiet tiegħu. Aktar importanti minn hekk, huwa sar raġel miżżewweġ inkredibbli u missier mill-aktar fidil. Huwa dixxipli devot ta’ Ġesù Kristu.

Il-President Russell M. Nelson għallem, “Mingħajr l-Espjazzjoni infinita tas-Salvatur, l-umanità kollha kienet bla dubju tintilef.”1 Danny ma ntilifx, u lanqas aħna għall-Mulej. Huwa jinsab wieqaf fil-bieb biex jelevana, issaħħaħna, u jaħfrilna. Hu dejjem jiftakar biex iħobbna.

Turija inkredibbli tal-imħabba tas-Salvatur għal ulied Alla nsibuha fil-Ktieb ta’ Mormon: “B’hekk meta Ġesù tkellem, huwa xeħet għajnejh fuq il-miġemgħa li kien hemm madwaru, u ra li huma kienu bid-dmugħ f’għajnejhom, u huma bdew iħarsu dritt lejh bħallikieku riedu jitolbuh biex jibqa’ ftit ieħor magħhom” (3 Nefi 17:5).

Is-Salvatur kien diġà qatta’ jum sħiħ jimministra qalb in-nies. Madankollu, Huwa kien għad baqagħlu x’jagħmel—Hu kien għad irid imur iżur in-nagħaġ l-oħra tiegħu; Hu kellu jmur ħdejn Missieru.

Minkejja dawn l-obbligi, Huwa għaraf li n-nies xtaquh jibqa’ magħhom ftit ieħor. Imbagħad, sforz il-qalb mimlija kompassjoni tas-Salvatur, seħħ wieħed mill-akbar mirakli fl-istorja tad-dinja:

Huwa baqa’ magħhom.

Huwa berikhom.

Huwa imministra lil uliedu, wieħed, wieħed.

Huwa talab għalihom; Huwa beka magħhom.

U Huwa fejjaqhom, (Ara 3 Nefi 17.)

Il-wegħda tiegħu hi waħda eterna: Huwa se jfejjaqna.

Lil dawk li ħarġu mit-triq tal-patt, jekk jogħġobkom kunu afu li dejjem hemm it-tama, dejjem hemm il-fejqan, u dejjem hemm mod kif terġgħu lura.

Il-messaġġ etern tiegħu ta’ tama huwa l-balzmu tal-fejqan għal dawk kollha li jgħixu f’dinja mqallba. Is-Salvatur qal, “Jiena t-triq, il-verità, u l-ħajja” (Ġwanni 14:6).

Ħuti, ejja niftakru biex infittxuh, inħobbuh, u dejjem niftakru fih.

Jiena nixhed li Alla jgħix u li Huwa jħobbna. Jiena nixhed ukoll li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tad-dinja. Huwa l-aqwa tabib. Jiena naf li l-Feddej tiegħi jgħix! F’isem Ġesù Kristu, ammen.

Nota

  1. Russell M. Nelson, “Prepare for Blessings of the Temple,” Ensign, Mar. 2002, 21.