Il-Barka Patrijarkali Tiegħek—Direzzjoni Ispirata mill-Missier fis-Smewwiet
Il-barka patrijarkali tiegħi għenitni nifhem il-vera identità eterna tiegħi—min fil-fatt kont u min stajt insir.
Jien trabbejt minn ġenituri meraviljużi li ħabbew lilna, uliedhom, u bil-fidi kollha għallmuna l-evanġelju. Sfortunatament, għal snin sħaħ l-għeżież ġenituri tiegħi kellhom problemi fiż-żwieġ tagħhom. Kont fil-Primarja meta sirt naf li aktarx li xi darba jiddivorzjaw u li jien u ħuti kien se jkollna nagħżlu ma’ liema ġenitur konna se ngħixu. B’riżultat ta’ dan, għal ħafna żmien kelli anzjetà kbira; madanakollu, rigal minn Missieri fis-Smewwiet fl-aħħar mill-aħħar biddel kollox għalija—il-barka patrijarkali tegħi.
Ta’ ħdax-il sena kont inkwetat iktar minn qatt qabel dwar ir-relazzjoni tal-ġenituri tiegħi u xtaqt ħafna l-barka patrijarkali. Kont naf li l-Missier fis-Smewwiet kien jafni perfettament u kien jaf iċ-ċirkostanzi speċifiċi tiegħi. U kont naf ukoll li jien kelli nirċievi direzzjoni mingħandu. Appena għalaqt 12-il sena, jien irċevejt il-barka patrijarkali tiegħi. Dan ġara iktar minn nofs seklu ilu, imma xorta għadni niftakar tajjeb id-dettalji ta’ dik l-esperjenza sagra.
Għandna biex inkunu grati li għandna direzzjoni ispirata dwar barkiet patrijarkali fil-Manwal Ġenerali tal-Knisja.
“Kull membru den u mgħammed huwa intitolat li jirċievi barka patrijarkali, li tipprovdi direzzjoni ispirata mill-Missier fis-Smewwiet.”
Membru għandu jkun “matur biżżejjed biex jifhem is-sinifikat u n-natura sagra tal-barka” u “jifhem id-duttrina bażika tal-evanġelju.”
“Idealment il-membru għandu jkun ta’ età żgħira biżżejjed li ħafna deċiżjonijiet importanti fil-ħajja jkun għad irid jagħmilhom. … Il-mexxejja tas-saċerdozju m’għandhomx jistabbilixxu età minima għal xi membru li jirċievi barka patrijarkali. …
“Kull barka patrijarkali hija sagra, kunfidenzjali, u personali. …
“Persuna li tirċievi barka patrijarkali għandha tgħożż il-kliem li fiha, tixtarrhom, u tgħix biex tkun denja li tirċievi l-barkiet imwiegħda f’din il-ħajja u fl-eternità.”1
Il-maħbub President tagħna, Russell M. Nelson, ripetutament saħaq dwar l-importanza ta’ barka patrijarkali,2 li tagħti lil kull min jirċeviha “dikjarazzjoni tan-nisel lura għal Abraham, Iżakk, u Ġakobb”3 u “hija skrittura personali għalik.”4
Il-barka patrijarkali tiegħi kienet ta’ importanza kbira ħafna għalija meta jien kont żagħżugħ għal bosta raġunijiet. L-ewwelnett, il-barka patrijarkali tiegħi għenitni nifhem il-vera identità eterna tiegħi—min fil-fatt kont u min stajt insir. Għenitni nkun naf, kif għallem il-President Nelson, li jien kont “iben ta’ Alla,” “[iben] tal-patt,” u “dixxiplu ta’ Ġesù Kristu.”5 Kont naf li jien kont magħruf u maħbub minn Missieri fis-Smewwiet u mis-Salvatur tiegħi u li huma kienu personalment involuti f’ħajti. Dan għenni nixtieq li nersaq eqreb lejhom u li nżid il-fidi u l-fiduċja tiegħi fihom.
Ħabib tal-qalb li ngħaqad mal-Knisja bħala adult żagħżugħ stqarr: “Meta l-patrijarka poġġa jdejh fuq rasi u lissen ismi, kollox inbidel … mhux f’dak il-mument biss imma għall-bqija ta’ ħajti. Mill-ewwel ħassejt li—permezz tal-qawwa li biha tkellem—jien kont magħruf intimament u b’mod profond. Il-kliem li qal nifidli l-ġisem kollu tiegħi. Sirt naf li l-Missier fis-Smewwiet kien jafni, minn ġewwa u minn barra.”
Li nkun naf min fil-fatt kont għenni nifhem u nixtieq li nagħmel dak li Alla kien jistenna minni.6
Dan wassalni biex nistudja l-patti li kont għamilt u l-barkiet imwiegħda fil-patt ta’ Alla ma’ Abraham.7 Tani perspettiva eterna li ispiratni biex inżomm il-patti tiegħi iktar bis-sħiħ.
Bħala żagħżugħ, jien studjajt il-barka patrijarkali tiegħi ta’ spiss, xi ħaġa li għenitni nħoss l-influwenza li tfarraġni u tiggwidani tal-Ispirtu s-Santu, u dan għenni nnaqqas l-anzjetà hekk kif bdejt nimxi wara s-suġġerimenti tiegħu. Dan żied ix-xewqa tiegħi biex b’mod attiv nistieden id-dawl, il-verità, u l-Ispirtu s-Santu billi nistudja l-iskrittura tiegħi u nitlob ta’ kuljum, u nagħmel ħilti biex nistudja iktar bir-reqqa u nimxi wara t-tagħlim tal-profeta u tal-appostli ta’ Alla. Il-barka patrijarkali tiegħi għenet ix-xewqa tiegħi biex inkun iktar sottomess għar-rieda ta’ Missieri fis-Smewwiet, u dik il-konċentrazzjoni għenitni nesperjenza hena kbira, minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli tiegħi.8
Irċevejt qawwa spiritwali kull darba li studjajt il-barka patrijarkali tiegħi. Meta l-ġenituri fl-aħħar fil-fatt iddivorzjaw, il-barka patrijarkali tiegħi, kif għallem il-President Thomas S. Monson, kienet saret għalija “teżor personali prezzjuż u imprezzabbli,” saħansitra “Liahona personali.”9
Nitlobkom biex ma tifhmunix ħażin. Ma kontx perfett. Għamilt kull xorta ta’ żball. Is-sieħba tiegħi għall-eternità żgur tikkonferma li hekk għadni nagħmel. Iżda l-barka patrijarkali tiegħi għenitni u tibqa’ tgħinni biex inkun nixtieq li nagħmel aħjar u li nkun aħjar.10 Li nistudja ta’ spiss il-barka patrijarkali tiegħi żiedet ix-xewqa fija li nibqa’ sod quddiem it-tentazzjoni. Għenitni jkolli x-xewqa u l-kuraġġ biex nindem, u l-indiema, iktar ma jmur, iktar bdiet issir esperjenza mimlija hena.
Kien vitali għalija li nirċievi l-barka patrijarkali tiegħi meta jien kont għadni żgħir u meta t-testimonjanza tiegħi kienet għadha qed tikber. U jien għal dejjem ħa nkun grat li l-ġenituri tiegħi u l-isqof fehmu li x-xewqa tiegħi kienet tindika li jien kont lest.
Meta kelli 12-il sena, id-dinja kienet ħafna inqas konfuża u distratta mid-dinja tal-lum. Il-President Nelson iddeskriva llum bħala “żmien mill-iktar ikkumplikat fl-istorja tad-dinja,” dinja li hija “saturata bid-dnub” u “egoistika.”11 B’xorti tajba ż-żgħażagħ tal-lum huma ħafna iktar maturi minn meta jien kelli 12-il sena, u huma wkoll għandhom deċiżjonijiet kritiċi u importanti x’jagħmlu meta għadhom żgħar! Huma jeħtieġu wkoll li jkunu jafu min fil-fatt huma u li Alla jħobbhom u huwa totalment konxju tagħhom!
Mhux kulħadd se jkun jixtieq il-barka patrijarkali tiegħu fl-età li xtaqtha jien. Iżda nitlob li membri li għadhom ma rċevewx il-barka patrijarkali tagħhom ifittxu fit-talb biex isiru jafu meta huma lesti. Inwegħidkom li jekk tħejju ruħkom spiritwalment, l-esperjenza tagħkom, bħal tiegħi, tkun sagra għalikom. Nitlob ukoll li dawk li diġà rċevew il-barka patrijarkali tagħhom jistudjawha u jgħożżuha. L-għożża tal-barka patrijarkali tiegħi berkitni bil-kuraġġ meta kont skoraġġut, bil-faraġ meta kont imbeżża’, bil-paċi meta ħassejtni anzjuż, bit-tama meta ħassejt qalbi maqtugħa, u bl-hena meta l-iktar li kont neħtieġa. Il-barka patrijarkali tiegħi għenitni nżid il-fidi u l-imħabba tiegħi għal Missieri fis-Smewwiet u s-Salvatur tiegħi. Hi kabbret ukoll l-imħabba tiegħi għalihom—u għadha tagħmel hekk sal-lum.12
Jien nixhed li barkiet patrijarkali jipprovdu direzzjoni ispirata mill-Missier fis-Smewwiet Jien nagħti xhieda tar-realtà ħajja ta’ Missierna fis-Smewwiet u ta’ Ibnu—is-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu—li jafuna u jħobbuna u jixtiequ jberkuna. Jiena naf ukoll b’ċertezza li l-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ta’ Alla fid-dinja llum. F’isem Ġesù Kristu, ammen.