Il-Ħidma tat-Tempju u tal-Istorja tal-Familja—L-Istess Ħidma Waħda
Fil-qofol tal-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet hemm li jgħaqqad lill-familja għal dil-ħajja u għall-eternità.
Jiena verament grat għat-tempji li dejjem qegħdin jinbdew f’din “id-dispensazzjoni tal-milja taż-żminijiet” (Doctrine and Covenants 128:18). Mill-ewwel żminijiet tar-Restawrazzjoni, bosta Qaddisin fidili għamlu ħafna sagrifiċċji biex jirċievu l-ordinanzi u l-patti tat-tempju. Fuq l-eżempju tagħhom, wara l-ħafna sagrifiċċji ekonomiċi biex nivvjaġġaw mil-Belt tal-Messiku, fl-1975 jiena u l-għażiża marti, Evelia, flimkien mal-għeżież ġenituri tagħna, ġejna ssiġillati bħala raġel u mara miżżewġin għal dejjem fit-Tempju ta’ Meza, f’Arizona. Dak inhar, hekk kif konna magħqudin bl-awtorità tas-saċerdozju fid-dar tal-Mulej, aħna verament esperjenzajna ftit minn dak li hemm jistenniena fis-smewwiet.
Il-Ħidma u l-Għan tat-Tempji
Dik l-esperjenza tagħtni ċ-ċans biex napprezza ferm aħjar kif, wara tliet snin ta’ ħidma bla heda u sagrifiċċju kbir, il-Qaddisin f’Kirtland, Ohio, finalment lestew it-tempju sabiħ tagħhom fir-rebbiegħa tal-1836—l-ewwel wieħed f’din id-dispensazzjoni. F’Marzu ta’ dik l-istess sena, ’il fuq min elf ruħ inġabru fit-tempju u fl-entraturi tiegħu għas-servizz dedikatorju. Il-Profeta Joseph Smith qam biex joffri t-talba dedikatorja, li huwa rċieva permezz ta’ rivelazzjoni (ara Doctrine and Covenants 109). Fiha huwa ddeskriva bosta barkiet straordinarji li huma msawba fuq dawk li huma denji li jidħlu fit-tempji tal-Mulej. Imbagħad il-kor kanta l-għanja “L-Ispirtu ta’ Alla” u l-kongregazzjoni qamet għall-Għajta tal-Hosanna “b’tant qawwa li dehru bħallikieku … riedu jgħollu s-saqaf tal-bini” (Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith [2007], 307).
Ġimgħa wara l-Profeta ddeskriva d-dehra tal-Mulej fit-tempju, li qal:
“Għax araw, jiena aċċettajt din id-dar, u ismi se jkun hawn; u jien se nuri lili nnifsi fil-ħniena lill-poplu tiegħi f’din id-dar. …
“U l-fama ta’ din id-dar se tinfirex sa artijiet barranin; u dan huwa l-bidu tal-barka li se tinxteħet fuq ras il-poplu tiegħi” (Doctrine and Covenants 110:7, 10).
Wara did-dehra u dehriet oħra, deher Elija l-profeta, li kien ittieħed fis-smewwiet mingħajr ma daq il-mewt, quddiem il-Profeta Joseph Smith u Oliver Cowdery u qal:
“Araw, iż-żmien mistenni wasal, li tkellem dwaru Malakija—li xehed li hu [Elija] [il-profeta] għandu jintbagħat, qabel jum il-Mulej u jum il-biża’—
“Biex indawwar il-qlub tal-missirijiet lejn l-ulied, u l-ulied lejn il-missirijiet, ma tmurx l-art kollha tinqered—
“Għalhekk, l-imfietaħ ta’ din id-dispensazzjoni ġew fdati f’idejkom; u permezz t’hekk intom tistgħu tkunu tafu li jum il-Mulej u jum il-biża’ jinsab viċin, sewwasew wara l-għatba” (Doctrine and Covenants 110:14–16).
It-Tempju u l-Istorja tal-Familja
Wara li l-Mulej irrestawra l-imfietaħ tas-siġill lil Joseph Smith, ingħata bidu għall-ħidma tas-salvazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-velu fid-dispensazzjoni tagħna (ara 1 Korintin 15:22, 29; Doctrine and Covenants 128:8–18).
Il-President Boyd K. Packer għallem li “dan l-avveniment mill-aktar sinifikanti d-dinja ma tatx widen tiegħu, iżda hu se jinfluwenza d-destin ta’ kull ruħ li qatt għexet jew li qatt trid tgħix. L-affarijiet bdew iseħħu fis-skiet. Il-Knisja saret knisja marbuta mal-bini tat-tempji.
“Fid-dinja dejjem jinbtu minn żmien għall-ieħor, kultant b’mod spontanju, nies u organizzazzjonijiet u soċjetajiet interessati li jittraċċaw il-ġenealoġiji. Dan kollu beda wara d-dehra ta’ Elija fit-Tempju ta’ Kirtland” (The Holy Temple [1980], 141).
“Minn dak inhar stess, it-3 ta’ April, 1836, il-qlub tal-ulied bdew iduru lejn missirijiethom. Minn dak inhar ’il quddiem l-ordinanzi ma kinux aktar tentattivi iżda saru permanenti. Il-qawwa tas-siġill kienet magħna. L-ebda awtorizzazzjoni ma tittraxxendiha fl-importanza tagħha. Dik il-qawwa tagħti s-sustanza u l-permanenza eterna lill-ordinanzi kollha mwettqa b’awtorità xierqa kemm għall-ħajjin kif ukoll għall-mejtin” (Preparing to Enter the Holy Temple [2002], 28).
Għeżież ħuti, il-bini u l-użu xieraq tat-tempji kien f’kull dispensazzjoni sinjal tal-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu. Wara d-dedikazzjoni tat-Tempju ta’ Salt Lake fl-1893, il-President Wilford Woodruff ħeġġeġ lill-membri tal-Knisja biex isibu r-reġistri tal-antenati tagħhom u jirreġistraw il-ġenealoġija tagħhom billi jmorru kemm jista’ jkun lura ħalli jkunu jistgħu jġibu l-ismijiet fit-tempju u jwettqu l-ordinanzi tas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni (ara Teachings of Presidents of the Church: Wilford Woodruff [2004], 174).
Storja tal-Familja u Ħidma tat-Tempju—Ħidma Waħda
Sena wara (1894), l-istess President Woodruff ssorvelja l-ħolqien tas-Soċjetà Ġeneoloġika ta’ Utah. Mitt sena wara, fl-1994, il-Presbiteru Russell M. Nelson, li dak iż-żmien kien membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu qal, “L-avvenimenti li seħħew f’dik is-sena storika taw bidu għar-riċerka tal-istorja tal-familja u tas-servizz tat-tempju bħala ħidma waħda fil-Knisja” (“The Spirit of Elijah,” Ensign, Nov. 1994, 85).
Dipartiment tal-Istorja tal-Familja
Għeżież ħuti, il-Mulej iħeġġiġna bħala membri tal-Knisja tiegħu biex nippreservaw l-istorja tal-familja tagħna, nitgħallmu mill-antenati tagħna, u nagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għalihom biex jirċievu l-ordinanzi tal-evanġelju fit-tempji ħalli ngħinuhom jibqgħu javvanzaw tul it-triq tal-patt, li tberikhom li jsiru familja eterna. Dan hu l-qofol tal-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet: li jgħaqqad lill-familja għal dil-ħajja u għall-eternità.
Għal dawk fostkom li tħossukom li m’intomx kapaċi tagħmlu din il-ħidma, tajjeb tkunu tafu li m’intomx weħidkom. Aħna lkoll nistgħu nduru lejn l-għodda li l-Knisja ħejjiet u li nsibuha fiċ-ċentri tal-FamilySearch, li konna nafuhom bħala ċ-ċentri tal-istorja tal-familja. Dawn iċ-ċentri tal-FamilySearch ġew imfassla biex kważi kulħadd, bi ftit għajnuna, jista’ jsib l-informazzjoni dwar antenati tiegħu u jorganizzaha kif inhu xieraq ħalli jkun jista’ jeħodha fid-dar tal-Mulej. Jekk jogħġobkom agħmlu kuntatt mal-konsulent tal-istorja tal-familja fil-qasam jew fil-fergħa tagħkom, li jiggwidakom f’kull pass li tagħmlu.
Hekk kif aħna nimxu wara l-gwida tal-profeti u nitgħallmu kif nagħmlu l-istorja tal-familja tagħna u nwettqu l-ordinanzi tat-tempju għall-antenati tagħna, aħna nesperjenzaw hena kbira tant li ma nkunux irridu nieqfu naħdmu fuqha. L-Ispirtu jimla qlubna, iqajjem il-fakultajiet tagħna biex nagħmlu li għandna nagħmlu, u jiggwidana hekk kif infittxu l-ismijiet tal-antenati tagħna. Iżda ejjew niftakru li l-istorja tal-familja hija ferm aktar milli sempliċiment li infittxu l-ismijiet, id-dati, u l-postijiet. Dil-ħidma tgħaqqad il-familji flimkien u twassalna biex nesperjenzaw hena li niksbuha meta aħna nestendulhom l-ordinanzi tal-evanġelju.
Kemm jogħġobni t-tagħlim ispirat tal-maħbub profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson, li qal: “It-tempju jinsab fiċ-ċentru tat-tisħiħ tal-fidi u l-fortitudni spiritwali tagħna għax is-Salvatur u d-duttrina tiegħu jinsabu fil-qalba tat-tempju. Kulma jiġi mgħallem fit-tempju, permezz ta’ istruzzjoni u permezz tal-Ispirtu, ikabbar l-għarfien tagħna ta’ Ġesù Kristu. L-ordinanzi essenzjali jagħmluna ħaġa waħda miegħu permezz ta’ patti sagri tas-saċerdozju. Imbagħad, hekk kif inżommu l-patti tagħna, Hu jiddotana bil-qawwa setgħana tal-fejqan tiegħu ” (“It-Tempju u l-Pedament Spiritwali Tagħkom,” Liahona, Nov. 2021, 93–94).
Bla dubju, il-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja hija l-istess ħidma waħa fil-Knisja.
Jiena nixhed dwar dawn il-veritajiet. Jiena naf li din hija l-Knisja ta’ Sidna Ġesù Kristu, is-Salvatur u l-Feddej tagħna, li lilu aħna nfakkru u nqimu f’dan iż-żmien tal-Għid. Jiena naf li Huwa jħobbna, u meta aħna nħarsu l-patti tagħna u nafdaw fih, Huwa jiddotana bil-qawwa tiegħu li tfejjaqna u ssaħħaħna. F’isem Ġesù Kristu, ammen.