Konferenza Ġenerali
Leħen Ferrieħi!
konferenza ġenerali April 2023


Leħen Ferrieħi!

Il-bini tat-tempji kien waħda mill-ogħla prijoritajiet għall-profeti kollha sa minn żmien il-Profeta Joseph Smith.

“Issa, aħna x’nisimgħu fl-evanġelju li rċevejna? Leħen ferrieħi! Leħen ta’ ħniena mis-smewwiet; u leħen ta’ verità ħiereġ mid-dinja; … leħen ferrieħi għall-ħajjin u l-mejtin; il-bxara t-tajba ta’ ferħ kbir.”1

Ħuti, hi kważi ħaġa impossibbli li nisimgħu dan il-kliem mill-profeta Joseph Smith u ma tfeġġx tbissima kbira fuq ħaddejna!

L-espressjoni ta’ ferħ ta’ Joseph verament turi l-hena kbira u majestuża li nsibu fil-pjan kbir ta’ ferħ ta’ Alla Missierna fis-Smewwiet, għax Huwa assigurana, “Il-bnedmin huma, ħalli jkunu jistgħu ikollhom l-hena.”2

Aħna wkoll għajjatna bil-hena3 fil-ħajja primortali tagħna meta smajna bil-pjan ta’ ferħ ta’ Alla, u aħna nkomplu ngħajtu bil-hena hekk kif ngħixu skont il-pjan tiegħu. Iżda x’kien eżattament il-kuntest għal din id-dikjarazzjoni ta’ ferħ mill-Profeta? X’wassal għal dawn l-emozzjonijiet mill-aktar profondi u mill-qalb?

Il-Profeta Joseph kien qed jgħallem dwar il-magħmudija għall-mejtin. Din kienet bla dubju rivelazzjoni glorjuża li ntlaqgħet b’ferħ kbir. L-ewwel darba li l-membri tal-Knisja tgħallmu li huma setgħu jitgħammdu għall-maħbubin mejtin tagħhom, huma ferħu bil-kbir. Wilford Woodruff qal, “Il-mument li jien smajt dan, ruħi qabżet bil-hena!”4

Il-magħmudija għall-maħbubin mejtin tagħnaa ma kenitx l-unika verità li l-Mulej kellu jiżvela u jirrestawra. Kien hemm għadd kbir ta’ rigali jew doti oħra li Alla kien ħerqan li jsawwab fuq uliedu.

Dawn ir-rigali oħra jinkludu l-awtorità tas-saċerdozju, patti u ordinanzi, żwiġijiet li jistgħu jibgħu għal dejjem, l-issiġillar tat-tfal mall-ġenituri tagħhom bħala parti mill-familja ta’ Alla, u fl-aħħar mill-aħħar il-barka li nerġgħu lura d-dar fil-preżenza ta’ Alla Missierna fis-Smewwiet u Ibnu, Ġesù Kristu. Dawn il-barkiet kollha kienu possibbli permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu.

Peress li Alla kkunsidra dawn fost l-ogħla u l-eqdes barkiet tiegħu,5 Huwa talab sabiex jinbena bini sagru fejn Hu jkun jista’ jikkonferixxi dawn ir-rigali prezzjużi fuq uliedu.6 Dan il-bini jkun id-dar tiegħu fuq l-art. Dan il-bini jkun it-tempji fejn dak li jiġi ssiġillat jew marbut fuq l-art f’ismu, permezz ta’ kelmtu, u bl-awtorità tiegħu jiġi marbut fis-smewwiet.7

Bħala membri tal-Knisja llum, xi wħud minna nafu ma napprezzawx biżżejjed dawn il-veritajiet glorjużi u eterni. Għalina saru ħaġa mill-aktar naturali. Xi kultant ikun ta’ għajnuna li nħarsu lejhom b’għajnejn dawk li jitgħallmu dwarhom għall-ewwel darba. Għalija din saret xi ħaġa evidenti permezz ta’ esperjenza li kelli m’ilux.

Is-sena l-oħra, ftit qabel id-dedikazzjoni mill-ġdid tat-Tempju ta’ Tokyo, fil-Ġappun, kienu ħafna l-mistednin mhux ta’ twemmin tagħna li żaru dak it-tempju. Waħna minn dawn iż-żjarat kienet tinkludi mexxej ta’ reliġjon oħra. Aħna għallimna lil dan il-mistieden dwar il-pjan ta’ ferħ ta’ Missierna fis-Smewwiet, dwar l-irwol feddej ta’ Ġesù Kristu f’dak il-pjan, u dwar id-duttrina li l-familji jistgħu jkunu magħqudin għal dejjem permezz tal-ordinanzi tas-siġill.

Fi tmiem iż-żjara, jien stedint lill-ħabib tagħna biex jaqsam magħna s-sentimenti tiegħu. B’referenza għall-għaqda tal-familji—passati, preżenti, u futuri—dar-raġel twajjeb staqsa b’mod mill-aktar sinċier, “Allura l-membri tar-reliġjon tagħkom verament jifhmu kemm hi profonda din id-duttrina?” Huwa kompla, “Din probabbilment hija waħda mill-ftit tagħlim li jista’ jgħaqqad lil did-dinja li hi daqstant maqsuma.”

X’osservazzjoni dik! Dan ir-raġel mhux biss impressjona ruħu bis-sengħa mill-aktar skwiżita ta’ dawk li ħadmu fit-tempju iżda aktar minn hekk bid-duttrina tal-għaġeb u mill-aktar profonda li l-familji huma magħqudin u ssiġillati għal dejjem ma’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu.8

Aħna aħna m’għandniex inkunu sorpiżi, mela, meta anke xi ħadd mhux ta’ twemmin tagħna jagħraf il-majestà ta’ dak li jseħħ fit-tempju. Dak li għalina jaf jibda jidher bħala xi ħaġa komuni jew ta’ rutina xi kultant jaf jidher bħala xi ħaġa ta’ splendur u majestà minn dawk li jisimgħu dwaru għall-ewwel darba.

Minkejja li t-tempji ilhom jeżistu minn żmien il-qedem, mar-Restawrazzjoni tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, il-bini tat-tempji sar waħda mill-akbar prijoritajiet għall-profeti kollha sa minn żmien il-Profeta Joseph Smith. U mhuż diffiċli nindunaw għalfejn.

Meta l-Profeta Joseph kien qed jgħallem dwar il-magħmudija għall-mejtin, huwa żvela verità oħra importanti. Huwa għallem: “Nista’ niżgurakom li dawn huma prinċipji relatati mal-mejtin u mal-ħajjin li ma nistgħux inħarsu lejhom b’mod leġġer, meta nitkellmu dwar is-salvazzjoni tagħna. Għax is-salvazzjoni tagħhom hija neċessarja u essenzjali għas-salvazzjoni tagħna, … huma mingħajrna ma jistgħux ikunu perfetti—lanqas aħna mingħajrhom ma nistgħu nkunu perfetti.”9

Kif nistgħu naraw, il-ħtieġa tat-tempji u l-ħidma li titwettaq kemm għall-ħajjin kif ukoll għall-mejtin issir waħda mill-aktar ċara.

L-avversarju jinsab fuq ponot subgħajh. Il-qawwa tiegħu hija mhedda permezz tal-ordinanzi u l-patti mwettqa fit-tempji, u hu jagħmel li jista’ biex jipprova jwaqqaf il-ħidma. Għalfejn? Għax hu jaf x’qawwa tista’ tinkiseb permezz ta’ din il-ħidma sagra. Hekk kif kull tempju jiġi ddedikat, il-qawwa li ssalva ta’ Ġesù Kristu tespandi madwar id-dinja biex tikkontrobatti l-isforzi tal-avversarju u biex tifdina hekk kif aħna nersqu lejh. Hekk kif it-tempji u dawk li jżommu l-patti jikbru fil-għadd, l-avversarju jsir dejjem aktar dgħajjef.

Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, xi wħud kienu jinkwetaw meta kien jitħabbar xi tempju ġdid, għax kienu jgħidu, “Qatt ma bdejna nibnu xi tempju u ma bdewx idoqqu l-qniepen tal-infern.” Iżda Brigham Young wieġeb b’mod qalbieni, “Irrid nerġa; nismagħhom idoqqu.”10

F’din il-ħajja mortali aħna qatt ma nistgħu nevitaw il-gwerra, iżda jista’ jkollna qawwa fuq l-għadu. Dik il-qawwa u s-setgħa tasal mingħand Ġesù Kristu hekk kif aħna nagħmlu u nħarsu l-patti tat-tempju.

Il-President Russell M. Nelson għallem: “Se jasal żmien meta dawk li ma jobdux lill-Mulej se jkunu separati minn dawk li jobduh. L-aqwa assigurazzjoni tagħna hi li nkomplu nkunu denji li nistgħu nidħlu fid-dar qaddisa tiegħu.”11

Dawn huma xi barkiet oħra li Alla wegħedna permezz tal-profeta tiegħu:

Intom teħtieġu mirakli? Il-profeta tagħna qal: “Jiena nwegħidkom li l-Mulej iwasslilkom il-mirakli li Huwa jaf li intom teħtieġu hekk kif intom tagħmlu ċerti sagrifiċċji li sservu u tqimu fit-tempji tiegħu.”12

Intom teħtieġu l-fejqan u l-qawwa setgħana tas-Salvatur Ġesù Kristu? Il-President Nelson jiżgurana li: “kull ħaġa mgħallma ġewwa t-tempju … tkabbar l-għarfien tagħna ta’ Ġesù Kristu. … Hekk kif inżommu l-patti tagħna, Hu jiddotana bil-qawwa setgħana tal-fejqan tiegħu .” U kemm verament se neħtieġu l-qawwa tiegħu fiż-żmien li ġej.”13

Fl-ewwel jum ta’ Ħadd il-Palm kif Ġesù Kristu daħal b’mod trijonfanti ġo Ġerusalemm, miġemgħa ta’ dixxipli tiegħu bdew “jithennew u jfaħħru lil Alla b’leħen għoli … jgħidu, Mbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej.”14

Kemm hi ħaġa xierqa li f’Ħadd il-Palm tal-1836, it-Tempju ta’ Kirtland ġie ddedikat. F’dik l-okkażjoni anke d-dixxipli ta’ Ġesù Kristu bdew jithennew. F’dik it-talba dedikatorja, il-Profeta Joseph Smith iddikjara dan il-kliem ta’ tifħir:

“O Mulej Alla li Tista’ Kollox, isma’ t-talb li qed nagħmlulek, u weġibna mis-smewwiet, … fejn inti tinsab issaltan, bil-glorja, bl-unur, bil-qawwa, bil-majestà, u s-setgħa. …

“… Għinna bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek, ħalli aħna nkunu nistgħu ningħaqdu permezz ta’ leħinna ma’ dawk is-serafini kollha dija madwar it-tron tiegħek, b’għajjat ta’ tifħir, inkantaw Hosanna lil Alla u lill-Ħaruf!

“U nitolbok biex dawn … il-qaddisin tiegħek jgħajtu bil-hena.”15

Ħuti, illum f’dan Ħadd il-Palm, ejjew bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu nfaħħru wkoll lil Alla mqaddes tagħna u nithennew fit-tjubija tiegħu għalina. “Aħna x’nisimgħu fl-evanġelju li rċevejna?” Sewwasew, “leħen ferrieħi!”16

Jien nixhed li intom tħossu aktar u aktar hena hekk kif intom tidħlu fit-tempji mqaddsa tal-Mulej. Nixhed li intom tesperjenzaw l-hena li Hu min-naħa tiegħu għandu għalikom, f’isem Ġesù Krtistu, Ammen.