2010-2019
Żewġ Kmandamenti Kbar
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Żewġ Kmandamenti Kbar

Jeħtieġ nippruvaw inżommu kull wieħed miż-żewġ kmandamenti l-kbar. Biex nagħmlu dan, jeħtieġ li nsibu bilanċ bejn il-liġi u l-imħabba.

Għeżież ħuti fl-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, jiena nsellmilkom bħala gwardjani tal-familja eterna li ġejtu maħtura b’mod divin. Il-President Russell M. Nelson għallimna, “Din il-Knisja ġiet irrestawrata sabiex il-familji jkunu jistgħu jiġu ffurmati, issiġillati, u eżaltati eternament.”1 Dak it-tagħlim għandu implikazzjonijiet importanti għal persuni li jidentifikaw ruħhom bħala liżbjana, omosesswali, bisesswali, jew transesswali, magħrufin komunament bħala LGBT.2 Il-President Nelson fakkarna wkoll li aħna m’għandniex “għalfejn naqblu [dejjem] ma’ xulxin biex inħobbu lil xulxin.”3 Dan it-tagħlim profetiku huma importanti għad-diskussjonijiet fil-familja biex iwieġeb il-mistoqsijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ. Jiena bl-għajnuna tat-talb fittixt l-ispirazzjoni li nkellem lil din l-udjenza għaliex intom tinsabu affettwati b’mod uniku minn dawn il-mistoqsijiet, li direttament jew indirettament jaffettwaw lil kull familja fil-Knisja.

I.

Se nibda b’dak li Ġesù għallem li kienu ż-żewġ kmandamenti l-kbar.

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.

“Dan hu l-ewwel u l-akbar l-kmandament.

“U t-tieni jixbhu, Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”4

Dan ifisser li aħna lkoll mitlubin inħobbu lil kulħadd, peress li l-parabbola ta’ Ġesù dwar is-Samaritan it-Tajjeb tgħallem li kulħadd huwa l-proxxmu tagħna.5 Iżda l-ħeġġa tagħna li nżommu dan it-tieni kmandament m’għandhiex twassalna biex ninsew l-ewwel wieħed, li nħobbu lil Alla b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, u b’moħħna kollu. Aħna nuru dik l-imħabba billi “inżommu l-kmandamenti Tiegħu.”6 Alla jeħtieġna nobdu l-kmandamenti Tiegħu għaliex huwa biss permezz ta’ dik l-ubbidjenza, inkluż l-indiema, li nistgħu nerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu u nsiru perfetti kif inhu Hu.

Fid-diskors riċenti tiegħu mal-adulti żgħażagħ tal-Knisja, il-President Russell M. Nelson tkellem dwar dik li sejħilha “il-konnessjoni qawwija bejn l-imħabba ta’ Alla u l-liġijiet Tiegħu.”7 Il-liġijiet li tapplikaw b’mod mill-aktar sinifikanti għal kwistjonijiet relatati ma’ dawk li jidentifikaw irwieħhom bħala LGBT huma l-liġi ta’ Alla taż-żwieġ u l-liġi relatata magħha tal-kastità. It-tnejn huma essenzjali fil-pjan tas-salvazzjoni ta’ Missierna tas-Smewwiet għal uliedu. Kif għallem il-President Nelson, “il-liġijiet ta’ Alla huma għal kollox motivati mill-imħabba infinita Tiegħu għalina u x-xewqa Tiegħu għalina li nilħqu kemm nistgħu l-potenzjal tagħna.”8

Il-President Nelson għallem: “Bosta pajjizi … illegalizzaw iż-żwieġ bejn nies tal-istess sess. Bħala membri tal-Knisja, aħna nirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż … , inkluż iż-żwieġ ċivili. Il-verità hi, madankollu, li fil-bidu taż-żmien … iż-żwieġ ġie ordant minn Alla! U sal-lum Huwa ddefinixxih bħala żwieġ bejn raġel u mara. Alla ma bidilx id-definizzjoni Tiegħu taż-żwieġ.”

Il-President Nelson kompla: “Alla lanqas ma bidel il-liġi Tiegħu tal-kastità. Ir-rekwiżiti biex wieħed jidħol fit-tempju ma nbidlux.”9

Il-President Nelson fakkar lilna lkoll li “il-kummissjoni tagħna bħala Appostli hi li ngħallmu biss il-verità. Dik il-kummissjoni ma tagħtix [l-Appostli] l-awtorità li jimmodifikaw il-liġi divina.”10 Għalhekk, ħuti, il-mexxejja tal-Knisja għandhom dejjem jgħallmu l-importanza unika taż-żwieġ bejn raġel u mara u l-liġi relatata tal-kastità.

II.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħidma tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien tikkonċerna t-tħejjija ta’ wlied Alla għas-saltna ċelestjali, u speċjalment għall-ogħla glorja tagħha, l-eżaltazzjoni jew il-ħajja eterna. Dak l-ogħla destin huwa possibbli biss permezz taż-żwieġ għall-eternità.11 Il-ħajja eterna tinkludi l-qawwiet kreattivi inerenti fil-kombinazzjoni ta’ raġel u mara12—dak li r-rivelazzjoni moderna tiddeskrivih bħala “il-kontinwazzjoni taż-żerriegħa għal dejjem ta’ dejjem.”13

Fid-diskors tiegħu lill-adulti żgħażagħ, il-President Nelson għallem, “Li tobdu l-liġijiet ta’ Alla jżommkom lil hinn mill-periklu hekk kif intom timxu ’l quddiem lejn l-eżaltazzjoni eventwali”14—dan ifisser li ssiru bħal Alla, bil-ħajja eżaltata u l-potenzjal divin tal-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet. Dan huwa d-destin li aħna nixtiequ għal dawk li aħna nħobbu. Sforz dik l-imħabba, aħna ma nistgħux inħallu l-imħabba tagħna tieħu post il-kmandamenti u l-pjan u l-ħidma ta’ Alla, li nafu li jwasslu l-akbar ferħ lil dawk li aħna nħobbu.

Iżda hemm ħafna fost dawk li nħobbu, inkluż xi wħud li rċevew l-evanġelju rrestawrat, li ma jemmnux jew jagħżlu li ma jimxux wara l-kmandamenti ta’ Alla dwar iż-żwieġ u l-liġi tal-kastità. Xi ngħidu dwarhom?

Id-duttrina ta’ Alla turi li aħna lkoll uliedu u li Huwa ħalaqna biex ikollna l-ferħ.15 Ir-rivelazzjoni moderna tgħallem li Alla pprovdielna pjan għal esperjenza mortali li fiha kulħadd jista’ jagħżel l-ubbidjenza biex jikseb l-ogħla barkiet Tiegħu jew inkella jagħmel ċerti għażliet li jwassluh għal waħda mis-saltniet ta’ glorja inferjuri.16 Minħabba l-imħabba kbira ta’ Alla għal uliedu kollha, dawk is-saltniet inferjuri xorta waħda huma aktar meraviljużi milli n-nies mortali jistgħu jimmaġinaw.17 L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tagħmel dan kollu possibbli, u Hu “jigglorifika lill-Missier, u jsalva l-għemejjel kollha ta’ jdejh.18

III.

Jiena tkellimt dwar l-ewwel kmandament, iżda xi ngħidu għat-tieni wieħed? Kif nistgħu nżommu l-kmandament li nħobbu lill-proxxmu tagħna? Aħna nfittxu li nipperswadu lill-membri tagħna li dawk li jimxu wara t-tagħlim u l-għemejjel liżbjani, omosesswali, bisesswali, jew transesswali għandhom jiġu ttrattati bl-imħabba li s-Salvatur tagħna talabna nuru lejn il-proxxmu tagħna kollu. Għalhekk, meta ż-żwieġ bejn nies tal-istess sess ġie ddikjarat legali fl-Istati Uniti, l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax iddikjaraw: “L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu jgħallimna sabiex inħobbu u nittrattaw lil kulħadd b’mod ġentili u ċivili—anke meta ma naqblux. Aħna naffermaw li dawk li jagħmlu użu minn liġijiet jew deċiżjonijiet tal-qorti li jawtorizzaw iż-żwieġ bejn nies tal-istess sess m’għandhomx jiġu trattati b’diżrispett.”19

Barra minn hekk, aħna qatt m’għandna nippersegwitaw lil dawk li m’għandhomx l-istess twemmin jew obbligi bħalna.20 B’dispjaċir, xi nies li qed iħabbtu wiċċhom ma’ dawk is-sitwazzjonijiet għadhom iħossuhom emarġinati u mwarrbin minn xi membri u mexxejja fil-familji, fl-oqsma, u fl-utied tagħna. Aħna llkoll għandna nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu aktar ħanina u ċivili.

IV.

Għal raġunijiet li ma nifhmuhomx, aħna għandna sfidi differenti fl-esperjenzi mortali tagħna. Iżda aħna nafu li Alla jgħinna negħlbu dawn l-isfidi jekk aħna b’sinċerità nfittxu l-għajnuna Tiegħu. Wara li nkunu sofrejna u ndimna għaliex ksirna l-liġijiet li ġejna mgħallmin, aħna lkoll destinati għal xi saltniet ta’ glorja. Il-ġudizzju finali aħħari se jagħmlu l-Mulej, li ħadd ħliefu m’għandu l-għarfien, l-għerf, u l-grazzja meħtieġa biex jiġġudika lil kull wieħed u waħda minna.

Jeħtieġ nippruvaw inżommu kull wieħed miż-żewġ kmandamenti l-kbar. Biex nagħmlu dan, jeħtieġ li nsibu bilanċ bejn il-liġi u l-imħabba—inżommu l-kmandamenti u nimxu t-triq tal-patt, filwaqt li nħobbu lill-proxxmu tagħna tul it-triq. Din il-mixja titlob minna li nfittxu l-ispirazzjoni divina dwar x’għandna nappoġġjaw u x’għandna nopponu u kif nistgħu nħobbu u nisimgħu b’rispett lill-oħrajn u ngħallmuhom f’dan il-proċess. Il-mixja tagħna titlob minna li aħna ma nagħmlu l-ebda kompromess fuq il-kmandamenti iżda jeħtieġ nuru ammont kbir ta’ għarfien u mħabba. Il-mixja tagħna għandha tikkunsidra lil dawk it-tfal li jinsabu nċerti dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, iżda għandha tiskuraġġixxi ċertu tikkettar primatur peress li, fil-parti kbira tat-tfal, din it-tip ta’ inċertezza maż-żmien taf tonqos b’mod sinifikanti.21 Il-mixja tagħna topponi r-reklutaġġ lil hinn mit-triq tal-patt, u ma tissapportjax lil min jista’ jbiegħed lin-nies mill-Mulej. F’dan kollu aħna niftakru li Alla jwiegħed it-tama u l-akbar ferħ u barkiet lil dawk kollha li jżommu l-kmandamenti Tiegħu.

V.

L-ommijiet u l-missirijiet u aħna lkoll aħna responsabbli li ngħallmu kull wieħed miż-żewġ kmandamenti l-kbar. Għan-nisa tal-Knisja, il-President Spencer W. Kimball iddeskriva dan id-dmir f’din il-profezija kbira: “Ħafna mit-tkabbir ewlieni li se jkollha l-Knisja fl-aħħar jiem se jseħħ għaliex ħafna min-nisa twajba tad-dinja … se jersqu lejn il-Knisja f’numri kbar. Dan jiġi fis-seħħ dejjem jekk in-nisa tal-Knisja jirriflettu f’ħajjithom is-sewwa u l-intelliġenza u dejjem jekk in-nisa tal-Knisja jkunu jidhru bħala distinti u differenti … min-nisa tad-dinja. … Se jiġri li fl-aħħar jiem in-nisa eżemplari tal-Knisja se jkunu forza sinifikanti fit-tkabbir kemm numeriku kif ukoll spiritwali tal-Knisja.”22

Meta kien qed jitkellem dwar dik il-profezija, il-President Russell M. Nelson iddikjara li “iż-żmien li beda jipprevedi l-President Kimball huwa llum. Intom in-nisa li hu ppreveda dwarhom!”23 Dawk fostna li 40 sena ilu smajna dik il-profezija ma rrealizzajniex li fost dawk li n-nisa ta’ din il-knisja jistgħu jsalvaw se jkun hemm l-għeżież ħbieb u membri tal-familja tagħhom li bħalissa jinsabu influwenzati mill-prioritajiet u l-qerq imxajtan tad-dinja. It-talba u l-barka tiegħi hi li intom tgħallmu u taġixxu b’tali mod li ġġibu fis-seħħ dik il-profezija, f’isem Ġesù Kristu, amen.