Konferenza Ġenerali
Kunu Ħaġa Waħda ma’ Kristu
konferenza ġenerali April 2024


Kunu Ħaġa Waħda ma’ Kristu

Aħna magħqudin permezz tal-imħabba tagħna għal Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu u l-fidi tagħha fih. L-essenza tal-appartenenza vera hi li nkunu ħaġa waħda ma’ Kristu.

Jien minn meta kont żgħir mhux ħażin dejjem ħassejt sentimenti qawwija dwar l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, iżda r-realtà tal-Espjazzjoni tas-Salvatur esperjenzajtha verament meta kelli 25 sena. Kont għadni kemm gradwajt mill-Iskola tal-Liġi ta’ Standford u kont qed nistudja għall-eżami biex nilħaq avukat f’California. Ċemplitli ommi u qaltli li n-nannu tiegħi Crozier Kimball, li kien joqgħod Utah, kien qed imut. Qaltli li jekk ridt narah, naqbad u mmur lura d-dar. In-nannu tiegħi kelli 86 sena u kien marid sew. Kelna laqgħa sabiħa ħafna. Kien veru kuntent li rani u hu qasam miegħi t-testimonjanza tiegħu.

Meta Crozier kellu biss tliet snin, missieru, David Patten Kimball, miet fl-età ta’ 44 sena.1 Crozier kien jittama li missieru u nannuh, Heber C. Kimball, kienu japprovaw il-ħajja li kien jgħix u jħossu li hu kien leali lejn wirtu.

Il-parir ewlieni li tagħni n-nannu kien li nevita kull sens ta’ intitolament jew privileġġ minħabba dawn l-antenati fidili. Huwa qalli biex niffoka fuq is-Salvatur u l-Espjazzjoni tas-Salvatur. Qalli li aħna lkoll ulied Missierna tas-Smewwiet kollu mħabba. Irrispettivament min huma l-antenati tagħna fid-dinja, ilkoll kemm aħna se jkollna nirrapportaw mas-Salvatur dwar kemm ħarisna tajjeb il-kmandamenti tiegħu.

In-Nannu kien jirreferi għas-Salvatur bħala “l-Għassies tal-Bieb,” referenza għal 2 Nefi 9:41. Huwa qalli li kien jittama li huwa kien nidem biżżejjed biex jikkwalifika għall-ħniena tas-Salvatur.2

Jien kont ħassejtni verament kommoss. Kont naf li kien raġel twajjeb. Huwa kien patrijarka u serva diversi missjonijiet. Huwa għallimni li ħadd ma seta’ jerġa’ lura għand Alla permezz tal-għemejjel tajba biss mingħajr il-benefiċċju tal-Espjazzjoni tas-Salvatur. Sal-lum għadni niftakar l-imħabba kbira u l-apprezzament li n-Nannu kellu għas-Salvatur u l-Espjazzjoni tiegħu.

Fl-2019 waqt assenjazzjoni li kelli f’Ġerusalemm,3 jien mort inżur kamra ta’ fuq li hemm ċans li kienet tinsab qrib is-sit li fih is-Salvatur ħasel riġlejn l-Appostli tiegħu qabel il-Kruċifissjoni tiegħu. Jiena ħassejtni spiritwalment kommoss u bdejt naħseb dwar kif Huwa ordna lill-Appostli tiegħu biex iħobbu lil xulxin.

Ġiet f’moħħi t-Talba ta’ Interċessjoni li talab is-Salvatur f’isimna. Din it-talba saret letteralment fl-aħħar sigħat tal-ħajja mortali tiegħu kif hemm miktub fl-Evanġelju ta’ Ġwanni.

Din it-talba kienet indirizzata għad-dixxipli ta’ Kristu, fosthom aħna lkoll.4 Fit-talba tas-Salvatur lil Missieru, Huwa Hu talab “li jkunu lkoll ħaġa waħda; kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina.” Imbagħad is-Salvatur kompla, “Il-glorja li int tajt lili jiena tajtha lilhom, biex ikunu ħaġa waħda bħalma aħna ħaġa waħda.”5 L-għaqda hi dik il-ħaġa li Kristu talab għaliha qabel it-tradiment u l-Kruċifissjoni tiegħu. L-għaqda ma’ Kristu u ma’ Missierna fis-Smewwiet nistgħu niksbuha permezz tal-Espjazzjoni tas-Salvatur.

Il-ħniena li ssalvana tal-Mulej mhijiex dipendenti fuq in-nisel, l-edukazzjoni, l-istatus ekonomiku, jew ir-razza. Hija bbażata fuq li nkunu ħaġa waħda ma’ Kristu u l-kmandamenti tiegħu.

Fl-1830, il-Profeta Joseph Smith u Oliver Cowdery irċevew ir-rivelazzjoni dwar l-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-Knisja, ftit wara li ġiet organizzata l-Knisja. Dik li llum hija sezzjoni 20 nqrat mill-Profeta Joseph fl-ewwel konferenzi tal-Knisja u kienet l-ewwel rivelazzjoni li ġiet approvata b’kunsens komuni.6

Il-kontenut ta’ din ir-rivelazzjoni huwa wieħed tassew tal-għaġeb. Tgħallimna dwar is-sinifikat u l-irwol tas-Salvatur u kif nistgħu naċċessaw il-qawwa u l-barkiet tiegħu permezz tal-grazzja espjatorja tiegħu. Il-Profeta Joseph kellu 24 sena u kien diġà rċieva għadd ta’ rivelazzjonijiet u lesta t-traduzzjoni tal-Ktieb ta’ Mormon permezz tad-don u l-qawwa ta’ Alla. Sew Joseph u sew Oliver huma identifikati bħala Appostli ordnati, u b’hekk għandhom l-awtorità li jippresedu fuq il-Knisja.

Versi 17 sa 36 jikkonsistu minn summarju tad-duttrina essenzjali tal-Knisja, inkluż ir-realtà ta’ Alla, il-Ħolqien tal-bniedem, il-Waqgħa, u l-pjan tas-Salvazzjoni ta’ Missierna fis-Smewwiet permezz tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Vers 37 fih il-ħtiġijiet essenzjali għall-magħmudija fil-Knisja tal-Mulej. Versi 75 sa 79 jagħtuna l-talb tas-sagrament li aħna nutilizzaw kull Jum il-Mulej.

Id-duttrina, il-prinċipji, is-sagramenti, u d-drawwiet li l-Mulej waqqaf permezz ta’ Joseph Smith, il-Profeta tar-Restawrazzjoni, huma mill-aktar seminali.7

Il-ħtiġijiet għall-magħmudija, filwaqt li huma profondi, huma unikament sempliċi. Huma primarjament jinkludu li aħna nindmu quddiem Alla, li jkollna qalb maqsuma u spirtu niedem,8 li nindmu minn dnubietna kollha, li nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu, li nibqgħu sħaħ sal-aħħar, u li nuru permezz tal-għemejjel tagħna li aħna rċevejna l-Ispirtu ta’ Kristu.9

Hi ħaġa mill-aktar sinifikanti li l-kwalifiċi kollha għall-magħmudija huma spiritwali. Mhu meħtieġ l-ebda kisba ekonomika jew soċjali. Il-foqra u l-għonja għandhom l-istess ħtiġijiet spiritwali.

M’hemm l-ebda ħtiġijiet ta’ razza, sess, jew etniċità. Il-Ktieb ta’ Mormon jagħmilha ċara li kulħadd huwa mistieden igawdi mit-tjubija tal-Mulej, “iswed jew abjad, ilsir jew ħieles, maskil jew femminil; … kulħadd l-istess għal Alla.”10 “Il-bnedmin kollha huma privileġġjati, wieħed bħall-ieħor, u ħadd mhu pprojbit.”11

Meta nikkunsidraw “ix-xbieha” tagħna quddiem Alla, ftit jagħmel ses li aħna nenfasizzaw id-differenzi tagħna. Xi wħud b’mod żbaljat ħeġġewna biex “nimmaġinaw li n-nies huma ferm aktar differenti minna u minn xulxin milli fil-fatt huma. Xi wħud jaqbdu ċerti differenza żgħar u reali, u jkabbruhom u jdawwruhom f’kasmi.”12

Barra minn hekk, xi wħud assumew b’mod żbaljat li għaliex in-nies kollha huma mistiedna biex jirċievu t-tjubija tiegħu u l-ħajja ta’ dejjem, mhemmx bżonn ta’ ebda ħtiġijiet fejn tidħol imġieba.13

Madankollu, l-iskrittura tgħidilna li n-nies kollha kontabbli huma meħtieġa li jindmu minn dnubiethom u jħarsu l-kmandamenti tiegħu.14 Il-Mulej għamilha ċara li lkoll għandhom il-volontà morali u huma “ħielsa li jagħżlu l-ħelsien u l-ħajja eterna, permezz tal-Medjatur il-kbir tal-bnedmin kollha, … u jagħtu widen għall-kmandamenti kbar tiegħu; u jkunu fidili lejn kliemu, u jagħżlu l-ħajja eterna.”15 Biex nirċievu l-barkiet tal-Espjazzjoni tas-Salvatur, jeħtieġ li aħna neżerċitaw b’mod affermattiv il-volontà morali tagħna li nagħżlu lil Kristu u nobdu l-kmandamenti tiegħu.

Tul ħajti, it-tifsira ta’ “volontà” u “rieda ħielsa” ġiet analizzata u diskussa ferm. Kien hemm u jibqa’ jkun hemm bosta argumenti intelletwali dwar dawn is-suġġetti.

Fuq il-qoxra riċenti ta’ pubblikazzjoni għal dawk li darba kienu studenti f’università ewlenija, wieħed professur tal-bijoloġija prominenti saħaq, “M’hawnx lok għar-rieda ħielsa.”16 Mhux sorpriża li l-professur hu kkwotat fl-artiklu li qal, “Li hawn xi ħadd li hu Alla hija ħrafa, … u mhawn l-ebda rieda ħielsa, u dan huwa univers vast, indifferenti, u vojt.”17 Jien ma naqbilx miegħu b’qawwa.

Duttrina fundamentali tal-fidi tagħna hi li aħna għandna volontà morali18 li tinkludi r-rieda ħielsa.19 Il-volontà hija l-abbiltà li nagħżlu u naġixxu. Hija essenzjali għall-pjan tas-salvazzjoni. Mingħajr il-volontà morali, aħna ma nistgħux nitgħallmu, navvanzaw, jew nagħżlu li nkunu ħaġa waħda ma’ Kristu. Minħabba l-volontà morali, aħna “ħielsa li nagħżlu l-ħelsien u l-ħajja eterna.”20 Fil-Kunsill primortali fis-Smewwiet, il-pjan tal-Missier jinkludi l-volontà bħala element essenzjali. Luċifru rribella u “pprova jeqred il-volontà tal-bniedem.”21 Minħabba f’hekk, il-privileġġ li jkollu ġisem mortali ġie mċaħħad minn Satana u minn dawk li mxew warajh.

Spirti primortali oħrajn eżerċitaw il-volontà tagħhom u mxew wara l-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. L-ispirti mberkin bit-twelid f’din id-dinja mortali jibqa’ jkollhom il-volontà. Aħna ħielsa li nagħżlu u naġixxu, iżda aħna m’għandniex kontroll fuq il-konsegwenzi. “L-għażliet tat-tajjeb u s-sewwa jwasslu għall-kuntentizza, għall-paċi u l-ħajja ta’ dejjem filwaqt li l-għażliet tad-dnub u l-ħażen iwasslu eventwalment għall-uġigħ il-qalb u l-miżerja.”22 U Alma qal, “Il-ħażen qatt ma kien ferħ.”23

F’din id-dinja mill-aktar kompetittiva, jeżisti sforz kostanti li wieħed jeħtieġ jaċċella. Li aħna nagħmlu li nistgħu biex inkunu l-aħjar li nistgħu nkunu hija xi ħaġa tajba u utli. Hija ħaġa konsistenti mad-duttrina tal-Mulej. Ċerti sforzi biex inċekknu u numiljaw lil ħaddieħor jew li noħolqu ċerti ostakli biex ma jirnexxux huma kuntrarju għad-duttrina tal-Mulej. Aħna ma nistgħux nitfgħu t-tort fuq iċ-ċirkustanzi jew fuq ħaddieħor għal xi deċiżjoni li tmur kontra l-kmandamenti ta’ Alla.

Fid-dinja tal-lum, huwa faċli li niffokaw fuq suċċessi materjali jew ta’ karriera. Xi wħud ma jibqgħux jiffokaw fuq prinċipji u għażliet eterni li għandhom sinifikat etern. Inkunu għaqlin jekk nimxu wara l-parir tal-President Russell M. Nelson u “Naraw li ħsibijietna jkunu ċelestjali.”24

L-aktar għażliet sinifikanti jista’ jagħmilhom kważi kulħadd irrispettivament it-talenti, l-abbiltajiet, l-opportunitajiet, jew iċ-ċirkustanzi ekonomiċi. L-enfażi li npoġġu l-ewwel l-għażliet tal-familja hija ħaġa essenzjali. Din hi ħaġa ċara tul l-iskrittura kollha. Aħsbu ftit dwar ir-rakkont li hemm f’1 Nefi fejn Leħi “telaq fid-deżert. U hu ħalla daru, u l-art ta’ wirtu, u d-deheb tiegħu, u l-fidda tiegħu, u l-ħwejjeġ prezzjużi tiegħu, u miegħu ma ħa xejn, ħlief lill-familja tiegħu.”25

Hekk kif aħna nħabbtu wiċċna maċ-ċirkustanzi dejjem jinbidlu tal-ħajja, se jseħħu bosta avvenimenti li mhux se jkollna kontroll fuqhom. Ċerti sfidi ta’ saħħa u aċċident ovvjament nistgħu npoġġuhom f’din il-kategorija. Il-pandemija riċenti tal-COVID-19 ħalliet impatt ħażin ħafna fuq in-nies li bdew jagħmlu kollox sewwa. Fejn jidħlu l-aktar għażliet importanti, aħna għandna ċertu kontroll. Biex nerġa’ mmur lura għal żmien il-missjoni tiegħi, il-Presbiteru Marion D. Hanks, il-president tagħna tal-missjoni, talabna nitgħallmu bl-amment poeżija ta’ Ella Wheeler Wilcox:

Mhemmx l-ebda ċans jew destin li

Jista’ jbiddel jew ifixkel jew jikkontrolla

Ir-riżoluzzjoni ferma ta’ ruħ determinata.26

Fejn jidħlu affarijiet ta’ prinċipju, mġieba, osservanza reliġjuża, u jekk ngħixux ħajjitna tajjeb, aħna għandna l-kontroll f’idejna. Il-fidi tagħna f’Alla l-Missier u f’Ibnu, Ġesù Kristu u l-qima tagħna lejhom huma għażla li nistgħu nagħmlu.27

Jekk jogħġobkom nixtieqkom tifhmu li jien mhux qed inħeġġeġ biex ikollkom anqas interess fl-edukazzjoni jew fil-karriera. Li qed ngħid hu li meta l-isforzi tagħna relatati ma’ edukazzjoni u karriera jsiru aktar importanti mill-familja jew li nkunu ħaġa waħda ma’ Kristu, ċerti konsegwenzi mhux intenzjonati jistgħu jżommuna lura sinifikament.

Id-duttrina ċara u sempliċi li nsibu f’ Doctrine and Covenants 20 hija mill-aktar kommoventi u li tqanqlek hekk kif tamplifika u tiċċara ċerti kunċetti sagri u spiritwali. Hija tgħallem li s-salvazzjoni niksbuha hekk kif Ġesù Kristu jiġġustifika u jqaddes l-erwieħ niedma minħabba l-grazzja tas-Salvatur.28 Hija tħejji t-triq għall-irwol preminenti tal-Espjazzjoni tiegħu.

Aħna għandna nagħmlu li tistgħu biex ninkludu lil ħaddieħor fiċ-ċirku ta’ għaqda tagħna. Jekk aħna nimxu wara t-twiddiba li għamilna l-President Russell M. Nelson biex niġbru flimkien lil ulied imxerrda ta’ Iżrael fuq iż-żewġ naħat tal-velu, jeħtieġ li aħna ninkludu lil ħaddieħor fiċ-ċirku ta’ għaqda tagħna. Kif għallem b’mod sabiħ il-President Nelson: “F’kull kontinent u madwar il-gżejjer tal-baħar, nies fidili qegħdin jinġabru fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Differenzi f’kultura, lingwa, sess, razza, u nazzjonalità ma jibqgħux aktar sinifikanti hekk kif il-fidili jidħlu fit-triq tal-patt u jersqu lejn l-għażiż Feddej tagħna.”29

Aħna magħqudin permezz tal-imħabba tagħna għal Ġesù Kristu u l-Espjazzjoni tiegħu u l-fidi tagħha fih. L-essenza tal-appartenenza vera hi li nkunu ħaġa waħda ma’ Kristu. L-ordinanzi tal-magħmudija u s-sagrament kif insibuhom f’ Doctrine and Covenants 20, flimkien mal-patti tagħna tat-tempju jgħaqqduna flimkien b’mod speċjali u jagħtuna ċ-ċans li nkunu ħaġa waħda f’kull mod li hu eternament sinifikanti u li ngħixu fil-paċi u armonija.

Jiena naqsam magħkom ix-xhieda ċerta tiegħi li Ġesù Kristu jgħix, u grazzi għall-Espjazzjoni tiegħu, aħna nistgħu nkunu ħaġa waħda ma’ Kristu. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. David, meta kellu 17-il sena, għen iġorr xi wħud mill-Qaddisin jaqsmu x-Xmara Sweetwater miksija silġ meta huma spiċċaw waqfu fuq il-pjanuri għolja ta’ Wyoming (ara Saints: The Story of the Church of Jesus Christ in the Latter Days, volum 2, No Unhallowed Hand, 1846–1893 [2020], 237).

  2. Ara Moroni 7:27–28.

  3. Ir-Rabbi Ewlieni tan-Norveġja, ir-Rabbi Michael Melchior, u jien konna l-kelliema ewlenin waqt djalogu għal studjuż Lhud-Qaddisin tal-Aħħar Żmien li sar nhar il-5 ta’ Ġunju, 2019, fiċ-Ċentru ta’ BYU Ġerusalemm f’Iżrael.

  4. Ara Ġwanni 17:20.

  5. Ġwanni 17:21–22.

  6. Ara “The Conference Minutes and Record Book of Christ’s Church of Latter Day Saints, 1838–1839, 1844” (magħruf bħala r-Reġistru ta’ Far West), 9 ta’ Ġunju, 1830, Librerija tal-Istorja tal-Knisja, Belt ta’ Salt Lake; Steven C. Harper, Making Sense of the Doctrine and Covenants (2008), 75.

  7. Doctrine and Covenants 20 kienet l-ewwel rivelazzjoni ppubblikata fil-gazzetta tal-Knisja u utilizzata mill-missjunarji fejn tidħol kemm id-duttrina kif ukoll l-amministrazzjoni tal-ordinanzi tal-magħmudija u s-sagrament (ara Harper, Making Sense of the Doctrine and Covenants, 75).

  8. Ara 2 Nefi 2:7.

  9. Ara Doctrine and Covenants 20:37.

  10. 2 Nefi 26:33.

  11. 2 Nefi 26:28.

  12. Peter Wood, Diversity: The Invention of a Concept (2003), 20.

  13. Neħor ħa din il-pożizzjoni (ara Alma 1:4).

  14. Ara Doctrine and Covenants 29:49–50.

  15. 2 Nefi 2:27–28.

  16. Stanford (pubblikazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Alumni ta’ Stanford), Diċ. 2023, qoxra.

  17. In Sam Scott, “As If You Had a Choice,” Stanford, Diċ. 2023, 44. L-artiklu jidentifika lill-professur bħala Robert Sapolsky, professur tal-bioloġija, newroloġija, u newrokirurġija fi Stanford, u awtur rinomat ta’ kotba tax-xjenza. L-artiklu fih nies b’veduti opposti fosthom minn Alfred Mele, professur tal-filosofija ġo l-Università ta’ Florida State, li mexxa proġett ta’ John Templeton Foundation, proġett kbir dwar ir-rieda ħielsa. Huwa ddikjara, “Ix-xjentisti bla dubju ma ppruvawx li r-rieda ħielsa—anke r-rieda ħielsa u ambizzjuża—huma xi illużjoni” (f’Scott, “As If You Had a Choice,” 46).

  18. Ara D. Todd Christofferson, “Moral Agency” (devozzjonali fl-Università ta’ Brigham Young, 31 ta’ Jan., 2006), speeches.byu.edu.

  19. Ara Doctrine and Covenants 58:27.

  20. 2 Nefi 2:27.

  21. Moses 4:3.

  22. True to the Faith: A Gospel Reference (2004), 12.

  23. Alma 41:10.

  24. Ara Russell M. Nelson, “Aħseb Ċelestjali!,” Liahona, Nov. 2023, 117–20.

  25. 1 Nefi 2:4.

  26. Poetical works of Ella Wheeler Wilcox (1917), 129.

  27. Minn dejjem għoġbitni l-kwotazzjoni li kkwota l-Presbiteru Neal A. Maxwell li ddikjarat dan b’mod mill-aktar inċiż: “Jekk inti m’għażiltx is-saltna ta’ Alla, fl-aħħar mill-aħħar mhux se tagħmel differenza inti x’għażilt” (attribwita lil William Law, bniedem tal-kleru Ingliż tas-seklu tmintax; ikkwotata f’Neal A. Maxwell, “Response to a Call,” Ensign, Mejju 1974, 112).

  28. Ara Doctrine and Covenants 20:29–31. It-teoloġija Kalvinista tenfasizza l-ġustifikazzjoni u l-qdusija tal-erwieħ mitlufa permezz tal-grazzja ta’ Ġesù Kristu. Tgħallem li ladarba Alla ppredestina ruħ għas-salvazzjoni, mhemm xejn li jista’ jibdel id-destin tagħha. Doctrine and Covenants 20 tikkuntrasta sew mal-Kalviniżmu. Hija tgħid, “Teżisti l-possibbiltà li bniedem jitbiegħed mill-grazzja u minn Alla l-ħaj” (ara Doctrine and Covenants 20:32–34; Harper, Making Sense of the Doctrine and Covenants, 74).

  29. Russell M. Nelson, “Building Bridges,” Liahona, Diċ. 2018, 51.