Konferenza Ġenerali
L-Intenzjoni ta’ Alla Hi li Jġibkom Lura d-Dar
konferenza ġenerali April 2024


L-Intenzjoni ta’ Alla Hi li Jġibkom Lura d-Dar

Kull ħaġa li tirrigwarda l-pjan tal-Missier għall-ulied maħbubin tiegħu hi intenzjonata biex twassal lil kulħadd lura d-dar.

Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi għat-talb tagħkom hekk kif jien bdejt il-proċess biex naġġusta ruħi għas-sejħa li għamilli l-President Nelson biex inservi bħala Appostlu tal-Mulej Ġesù Kristu. Tistgħu timmaġinaw kemm ħassejtni kommoss u dan kien għalija żmien ta’ bidla straordinarja u ta’ eżami tal-kuxjenza ta’ veru. Madankollu hu tabilħaqq ta’ unur kbir għalija li nservi lis-Salvaturi, f’kwalunkwe kapaċità, u li flimkien magħkom naqsam l-aħbar it-tajba tal-evanġelju tiegħu ta’ tama.

Barra minn hekk, intqal li wara kull Appostlu ġdid hemm kunjata mill-aktar meraviljuża. Ma nafx jekk din hijiex xi ħaġa li ntqalet verament, iżda f’dan il-każ, hemm probabbiltà kbira li hu hekk. U nissuspetta li l-fatt li l-kunjata tiegħi m’għadhiex aktar magħna ma jnaqqas xejn mill-meravilja tagħha.

Ftit tax-xhur ilu, meta jien u marti konna qed inżuru pajjiż ieħor fuq ħidma varja tal-Knisja, għodwa waħda jiena qomt kmieni kmieni u ħarist b’għajnejja nofshom magħluqa mit-tieqa tal-lukanda tagħna. Taħtna fi triq mill-aktar traffikuża, jiena rajt li kienu għalqu t-triq u fil-viċin kien hemm pulizija li beda jidderieġi l-karozzi biex jerġgħu jduru hekk kif jaslu ħdejn il-barriera. Għall-ewwel, kienu ftit biss il-karozzi li bdew jgħaddu minn dik it-triq u bdew jintalbu jduru lura. Iżda meta beda jgħaddi l-ħin u t-traffiku beda jiżdied, bdew jinġemgħu bosta karozzi.

Mit-tieqa ta’ fuq, jien stajt nara lill-pulizija bħallikieku qed jieħu gost li bl-awtorita tiegħu jibblokka t-traffiku u jġiegħel lin-nies imorru lura minn fejn ġew. Fil-fatt, hu deher li kien qed jieħu gost jitlajja hemmhekk bħallikieku qisu se jaqbad jiżfen kull darba li xi karozza tersaq viċin il-barriera. Jekk xi sewwieq jidher frustrat minħabba l-għeluq tat-triq, dan il-pulizija ma kienx jidher lest li jgħinu jew juri simpatija miegħu. Hu sempliċiment jibda jċaqlaq rasu u b’subgħajh jurih ’il fejn id-direzzjoni opposta.

Ħuti, ja dixxipli kollegi tiegħi fit-triq tal-ħajja mortali, il-pjan sabiħ ta’ Missierna, sewwasew il-pjan “favoluż” tiegħu,1 huwa mfassal biex iġibkom lura d-dar, mhux biex iħallikom barra.2 Ħadd ma poġġa xi barriera u ħalla lil xi ħadd ħdejha biex iġiegħlkom idduru lura u jibgħatkom ’l hemm. Fil-fatt, li jiġru huwa eżattament l-oppost. Alla jinsab ifittixkom b’persistenza kbira. Huwa “jrid li uliedu kollha jagħżlu li jerġgħu lura lejh,”3 u Huwa jagħmel kulma jista’ biex iġibkom lura.

Missierna kollu mħabba ssorvelja l-Ħolqien ta’ din l-istess dinja għall-għan propju li jipprovdi opportunità għalikom u għalija biex ikollna ċerti esperjenzi skomdi u rraffinati fil-mortalità, iċ-ċans ħalli aħna nużaw il-volontà morali li tana Alla biex nagħżlu lilu,4 ħalli nitgħallmu, u nikbru, niżbaljaw, nindmu, inħobbu ’l Alla u lil għajrna, u biex xi darba nerġgħu lura d-dar ħdejh.

Huwa bagħat lill-prezzjuż Ibnu l-Maħbub f’din id-dinja mitlufa biex jgħix l-esperjenza sħiħa umana, biex jagħti eżempju ħalli l-bqija ta’ wliedu jkunu jistgħu jimxu warajh, u biex jagħmel Espjazzjoni u jifdina. Ir-rigal espjatorju kbir ta’ Kristu jneħħi minn quddiemna kull barriera fiżika u spiritwali li tisseparana mid-dar eterna tagħna.

Kull ħaġa li tirrigwarda l-pjan tal-Missier għall-ulied maħbubin tiegħu hi intenzjonata biex twassal lil kulħadd lura d-dar.

Xi jsejħu l-messaġġier ta’ Alla, il-profeti tiegħu, dan il-pjan fl-iskrittura tar-Restawrazzjoni? Isejħulu l-pjan tal-fidwa,5 il-pjan ta’ ħniena,6 il-pjan kbir ta’ ferħ,7 u l-pjan tas-salvazzjoni li japplika għal kulħadd, “permezz ta’ demm l-Iben il-Waħdieni tiegħi.”8

L-intenzjoni tal-pjan kbir ta’ ferħ tal-Missier hi l-kuntentizzatagħkom, hawnhekk, bħalissa, u fl-eternitajiet. Mhijiex li jipprevjeni l-kuntentizza tagħkom u jġegħelkom minflok biex tinkwetaw u tibżgħu.

L-intenzjoni tal-pjan tal-fidwa tal-Missier hi fil-fatt il-fidwatagħkom, li intom tiġu salvati permezz tat-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù Kristu,9 u ħielsa mill-jasar tad-dnub u l-mewt. Mhijiex li jħallikom kif intom.

L-intenzjoni tal-pjan ta’ ħniena tal-Missier hi li Huwa jestendi l-ħniena hekk kif intom terġgħu dduru lejh u tonoraw il-patt ta’ fedeltà tagħkom lejh. Mhijiex li jċaħħadkom mill-ħniena u minflok jixħet fuqkom l-uġigħ u n-niket.

L-intenzjoni tal-pjan tas-salvazzjoni tal-Missier hi fil-fatt is-salvazzjoni tagħkom fis-saltna ċelestjali tal-glorja hekk kif intom tirċievu t-testimonjanza ta’ Ġesù10 u toffrulu l-milja ta’ ruħkom.11 Mhijiex li jħallikom barra.

Allura dan ifisser li kollox jgħaddi fejn tidħol kif ngħixu ħajjitna? Li l-mod kif nagħżlu li nużaw il-volontà tagħna ma jagħmilx differenza? Li aħna nistgħu nagħżlu liema kmandamenti ta’ Alla nobdu u liema le? Le, żgur li le. Bla dubju waħda mill-aktar stediniet konsistenti ta’ Ġesù waqt il-ministeru mortali tiegħu kienet biex aħna ninbidlu u nindmu u nersqu lejh.12 Ħaġa fundamentali li nsibu fit-tagħlim kollu tiegħu biex ngħixu fuq pjanura ogħla ta’ mġiba morali13 hija s-sejħa għall-progress personali, għal fidi trasformattiva fi Kristu, għal bidla setgħana fil-qalb.14

Alla jrid għalina riorjentazzjoni radikali għall-impulsi egoisti u kollha kburija tagħna,15 fejn aħna “mmorru, u ma nidinbux aktar.”16

Jekk nemmnu li l-intenzjoni tal-pjan tal-Missier li jilħaq lil kulħadd hi li jsalvana, jifdina, u jestendilna l-ħniena, u b’hekk iwasslilna l-ferħ, x’inhi l-intenzjoni tal-Iben li permezz tiegħu ġei fis-seħħ dan il-pjan kbir?

L-Iben jgħid dwaru nnifsu: “Għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni.”17

Ir-rieda ta’ Ġesù hija r-rieda tal-Missier benevolenti! Huwa jridu li jagħmilha possibbli għal kull wieħed minn ulied Missieru li jirċievi l-għan aħħari tal-pjan—il-ħajja ta’ dejjem magħhom. Ħadd mhux eskluż minn dan il-potenzjal divin.

Jekk intom faċilment tinkwetaw li intom qatt m’intom se tkunu tajbin biżżejjed, jew li l-imħabba li jwasslilkom Kristu permezz tal-Espjazzjoni infinita tiegħu sejra bil-ħniena tiegħu tkopri lil kulħadd minbarra lilkom, mela allura mhux qed tifhmuha sew. Infinita tfisser infinita. Infinita tkopri lilkom u lil dawk li tħobbu.18

Nefi spjega din il-verità sabiħa: “Hu ma jagħmel xejn ħlief dak li hu ta’ benefiċċju għad-dinja; għax hu jħobb id-dinja, saħansitra jagħti ħajtu biex ikun jista’ jressaq lill-bnedmin kollha lejh. Għalhekk, m’hemm ħadd li jikkmanda li hu ma jgawdix mis-salvazzjoni tiegħu.”19

Is-Salvatur, ir-Ragħaj it-Tajjeb, imur ifittex in-nagħaġ il-mitlufa tiegħu sakemm isibhom.20 Hu “mhux lest li jħalli waħda minnhom jintilef.”21

“Driegħi kollu ħniena lest għalikom, u kull min jiġi, lilu jiena nilqa’.”22

“Hemm xi ħadd marid fostkom? Ġibuh hawn. Hemm min hu magħtub, jew għami, jew zopp, jew imġiddem, jew mifluġ, jew li hu trux, jew b’xi mod qed isofri? Ġibuh hawn u jien infejqu, għax jien għandi kompassjoni lejkom.”23

Huwa ma keċċiex lill-mara li bdiet tnixxi d-demm; Huwa ma tbiegħedx mir-raġel imġiddem; Huwa ma tax dahru lill-mara żienja; Huwa ma rrifjutax lill-bniedem li nidem—kien x’kien id-dnub tiegħu. U Huwa mhux se jirrifjuta lilkom jew lil dawk li tħobbu meta intom tofrulu l-qalb maqsuma u l-ispirtu niedem tagħkom. Din mhijiex l-intenzjoni tiegħu jew l-għan tiegħu, jew il-pjan, l-iskop, ix-xewqa jew it-tama tiegħu.

Le, Huwa ma jagħlaqx it-triq u ma jpoġġix barrieri; Huwa jneħħihom. Huwa ma jħallikomx barra; Huwa jilqagħkom ġewwa.24 Il-ministeru kollu tiegħu kien dikjarazzjoni ħajja tal-intenzjoni tiegħu.

Imbagħad bla dubju hemm is-sagrifiċċju espjatorju tiegħu, li hu aktar diffiċli biex aħna nifhmuh, li jiżboq dak li aħna kapaċi nifhmu. Iżda, u din hija “iżda” importanti, aħna nifhmu, u nistgħu nifhmu, l-intenzjoni qaddisa, li twassal għas-salvazzjoni, tas-sagrifiċċju espjatorju tiegħu.

Il-velu tat-tempju nqasam fi tnejn meta Ġesù miet fuq is-salib, u dan jissimbolizza li dak l-aċċess lura għall-preżenza tal-Missier infetaħ beraħ—għal dawk kollha li jduru lejh, jafdawh, iħalluh jgħinhom iġorru t-tagħbija tagħhom, u jieħdu fuqhom il-madmad tiegħu f’rabta ta’ patt.25

Fi kliem ieħor, il-pjan tal-Missier mhuwiex biex joħolqilna l-barrieri. Qatt ma kien; qatt mhu se jkun. Hekk xi ħwejjeġ li hemm bżonn nagħmlu, kmandamenti li għandna nħarsu, jew xi aspetti min-natura tagħna x’nibdlu? Iva. Iżda bil-grazzja tiegħu, dawn huma ħwejjeġ li nistgħu nagħmlu, mhux impossibbli.

Din hija l-aħbar it-tajba! Jiena m’għandix kliem biex infisser il-gratitudni tiegħi għal dawn il-veritajiet sempliċi. L-iskop tal-Missier, il-pjan tiegħu, l-għan tiegħu, l-intenzjoni tiegħu, ix-xewqa tiegħu, u t-tama tiegħu huma kolllha biex ifejqukom, huma kollha biex iwasslulkom il-paċi, huma kollha biex iwasslu lilkom u lill-maħbubin tagħkom lura d-dar. Dwar dan jiena nixhed f’isem Ibnu Ġesù Kristu, ammen.

Noti

  1. Russell M. Nelson, “Aħseb Ċelestjali!,” Liahona, Nov. 2023, 117, 118.

  2. Ara 2 Nefi 26:25, 27.

  3. General Handbook: Serving in The Church of Jesus Christ of Latter-day Saints, 1.1, Gospel Library.

  4. Ara Moses 7:33.

  5. Ara Ġakobb 6:8; Alma 12:30.

  6. Ara Alma 42:15.

  7. Ara Alma 42:8, 16.

  8. Moses 6:62.

  9. Ara Doctrine and Covenants 45:4.

  10. Doctrine and Covenants 76:50–70.

  11. Ara Omni 1:26.

  12. Ara Mattew 4:17.

  13. Ara Mattew 5–7. Per eżempju, f’ Mattew 5:43–44, is-Salvatur għallem lid-dixxipli tiegħu li mhuwiex biżżejjed li “tħobb lil għajrek, u tobgħod lill-għadu tiegħek.” Biex jimxu warajh, kien jeħtieġ ukoll li huma “jħobbu l-għedewwa tagħhom.”

  14. Ara Mosija 5:2. Biex il-ħniena ta’ Ġesù Kristu tkun tista’ taħdem f’ħajjitna, jeħtieġ induru lejh. Alma ż-Żgħir jgħallem li dan il-pjan glorjuż “tal-fidwa seta’ jiġi fis-seħħ biss bil-kundizzjoni li l-bnedmin jindmu … ; għax li ma kienx għal dawn il-kundizzjonijiet, il-ħniena ma kenitx tkun effettiva” (Alma 42:13).

  15. Ara Mosija 3:19.

  16. Ġwanni 8:11.

  17. Ġwanni 6:38.

  18. Ara Russell M. Nelson, “The Atonement,” Ensign, Nov. 1996, 35: “L-Espjazzjoni tiegħu hija infinita—mingħajr tmiem. Kienet ukoll infinita fejn l-umanità kollha setgħet tiġi salvata mill-mewt ta’ dejjem. Kienet infinita f’termini tat-tbatija immensa tiegħu. Kienet infinita fiż-żmien, fejn wasslet fi tmiemu l-prototip preċedenti tas-sagrifiċċju tal-annimali. Kienet infinita fl-ambitu—kellha ssir darba għal dejjem. U l-ħniena tal-Espjazzjoni ma testendix biss għal xi numru infinit ta’ nies, iżda wkoll għal numru infinit ta’ dinjiet maħluqa minnu. Kienet infinita lil hinn minn kull skala ta’ kejl uman jew ta’ komprensività mortali.

  19. 2 Nefi 26:24.

  20. Ara Luqa 15:4.

  21. 2 Pietru 3:9; ara wkoll Doctrine and Covenants 18:11–12.

  22. 3 Nefi 9:14.

  23. 3 Nefi 17:7; ara wkoll vers 6.

  24. Fit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu fejn jindika li xi wħud mhumiex se jirtu s-saltna tas-smewwiet, Hu jagħmilha ċara li dan l-eżitu mhuwiex ix-xewqa li jixtieq għalihom Hu iżda huwa riżultat tal-għażliet tagħhom (ara Mattew 7:13–14, 21–25).

  25. Ara Mattew 27:50–51; Lhud 9:6–12.