2010-2019
Insiru Qaddisin tal-Aħħar Jiem Eżemplari
Ottubru 2018


Insiru Qaddisin tal-Aħħar Jiem Eżemplari

Jiena nħallikom billi nagħtikom l-imħabba tiegħi u nitfa’ l-barka tiegħi fuqkom, sabiex intom tkunu tistgħu tiffesteġġjaw permezz tal-kelma tal-Mulej u tapplikaw it-tagħlim Tiegħu fil-ħajja personali tagħkom.

Din kienet konferenza mill-aktar storika li ispiratna lkoll. Aħna nħarsu lejn il-ġejjieni b’ entużjażmu. Aħna ġejna mmotivati li nagħmlu aħjar u nkunu aħjar. Il-messaġġi meraviljużi li twasslu lilna minn fuq dan il-pulptu mill-Awtoritjiet Ġenerali u mill-Uffiċjali Ġenerali kif ukoll il-mużika li smajna kienu mill-aktar sublimi. Inħeġġiġkom biex tistudjaw dawn il-messaġġi, billi tibdew minn din il-ġimgħa stess.1 Huma jesprimu l-moħħ u r-rieda tal-Mulej għall-poplu Tiegħu, illum.

Il-kurrikulu l-ġdid u integrat, iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja, għandu l-potenzjal li jillibera l-qawwa li tinsab fil-familji, hekk kif il-membri ta’ kull familja jagħmlu l-almu tagħhom li jaġixxu kontinwament b’ responsabbiltà u bir-reqqa ħalli jittrasformaw darhom f’ santwarju ta’ fidi. Jiena nwegħidkom li hekk kif intom, b’ diliġenza, taħdmu biex timmudellaw mill-ġdid id-dar tagħkom f’ ċentru tat-tagħlim tal-evanġelju, maż-żmien il-jiem tagħkom tas-Sabbath isiru verament l-għaxqa tagħkom. It-tfal tagħkom ikollhom ħerqa kbira biex jitgħallmu u jgħixu t-tagħlim tas-Salvatur, u l-influwenza tal-avversarju fil-ħajja tagħkom u fid-dar tagħkom tonqos. It-tibdil li jseħħ fil-familja tagħkom ikun wieħed drammatiku u li jsostnikom.

Waqt din il-konferenza aħna saħħaħna d-determinazzjoni li nwettqu l-isforz essenzjali li nonoraw lill-Mulej Ġesù Kristu kull darba li aħna nirreferu għall-Knisja Tiegħu. Inwegħidkom li l-isforz rigoruż tagħna li nużaw l-isem korrett tal-Knisja tas-Salvatur u tal-membri tagħha iwassalna biex inkabbru l-fidi tagħna u, bħala membri tal-Knisja Tiegħu, ikollna aċċess għal qawwa spiritwali akbar.

Issa ejjew nitkellmu dwar it-tempji. Aħna nafu li l-ħin li aħna ngħaddu fit-tempju huwa kruċjali għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tagħna u tal-familji tagħna.

Wara li aħna nirċievu l-ordinanzi tagħna tat-tempju u nagħmlu ċerti patti sagri ma’ Alla, kull wieħed u waħda minna neħtieġu l-qawwa u t-tagħlim spiritwali kontinwu li hu possibbli biss fid-dar tal-Mulej. U l-antenati tagħna jeħtiġuna li nservu bi prokura f’ isimhom.

Ikkunsidraw il-ħniena u l-ġustizzja kbira ta’ Alla, li, minn qabel ma twaqqfu s-sisien tad-dinja, ipprovda mod kif Huwa jista’ jwassal il-barkiet tat-tempju lil dawk li mietu mingħajr l-għarfien tal-evanġelju. Dawn ir-riti sagri tat-tempju ġejjin minn żmien il-qedem. Għalija dik l-antikità hija xi ħaġa mill-aktar eċċitanti u hija evidenza oħra tal-awtentiċità tagħhom.2

Għeżież ħuti, l-attakk tal-avversarju aktar ma jmur aktar qed jikber, kemm fl-intensità kif ukoll fil-varjetà.3 Il-bżonn li aħna mmorru regolarment fit-tempju qatt ma kien akbar. Nitlobkom bil-ħerqa biex bl-għajnuna tat-talb, tagħtu ħarsa lejn il-mod kif intom qed tqattgħu ħinkom. Investu ħinkom fil-ġejjieni tagħkom u tal-familja tagħkom. Jekk intom ma toqogħdux daqstant ‘il bogħod minn xi tempju, nitlobkom biex issibu mod kif tagħmlu appuntament regolari mal-Mulej—li tmorru fid-dar imqaddsa Tiegħu—imbagħad żommu dak l-appuntament b’ eżattezza u b’ ferħ. Jiena nwegħidkom li l-Mulej iwasslilkom il-mirakli li Huwa jaf li intom teħtieġu hekk kif intom tagħmlu ċerti sagrifiċċji li sservu u tqimu fit-tempji Tiegħu.

Bħalissa għandna 159 tempju ddedikat. Għalina huwa importanti ħafna li dawk it-tempji nieħdu ħsiebhom u nduruhom sew. Inevitabbilment, it-tempji, maż-żmien, ikun jeħtieġ li nduruhom dawra sewwa. Minħabba f’ hekk, bħalissa qed isiru pjanijiet biex nirrestawraw u naġġornaw it-Tempju ta’ Salt Lake u xi tempji oħra ta’ żmien il-pijunieri. Dettalji dwar dawn il-proġetti se naqsmuhom magħkom hekk kif ikunu qed jiżviluppaw l-affarijiet.

Illum aħna verament ferħanin li se nħabbru l-pjanijiet li għandna li nibnu 12-il tempju ġdid ieħor. Dawn it-tempji se jinbnew fil-postijiet li ġejjin: Mendoza, Argentina; Salvador, Brażil; Yuba City, California; Phnom Penh, Kambodja; Praia, Cape Verde; Yigo, Guam; Puebla, Messiku; Auckland, New Zealand; Lagos, Niġerja; Davao, Filippini; San Juan, Puerto Rico; and Washington County, Utah.

Il-bini ta’ dawn it-tempji jaf ma jwassalx biex jibdel ħajjitkom, iżda l-ħin li intom tgħaddu fit-tempju żgur jasal biex jagħmel dan. Lil dawk li ilhom ħafna ma jmorru t-tempju, jiena nħeġġiġhom biex jippreparaw u jerġgħu lura kemm jista’ jkun possibli. Imbagħad nistedinkom biex tqimu fit-tempju u titolbu biex tħossu b’ mod profond l-imħabba infinita tas-Salvatur għalikom, sabiex ilkoll kemm intom tkunu tistgħu tiksbu t-testimonjanza tagħkom li Huwa sewwasew jinsab imexxi din il-ħidma mill-aktar sagra u eterna.4

Għeżież ħuti, nirringrazzjawkom għall-fidi u l-isforzi li jsostnukom. Jiena nħallikom billi nagħtikom l-imħabba tiegħi u nitfa’ l-barka tiegħi fuqkom, sabiex intom tkunu tistgħu tiffesteġġjaw permezz tal-kelma tal-Mulej u tapplikaw it-tagħlim Tiegħu fil-ħajja personali tagħkom. Niżgurakom li fil-Knisja r-rivelazzjoni tkompli u se tkompli sakemm “l-għanijiet ta’ Alla jitwettqu u l-Kbir Ġehova jgħid il-ħidma ġiet fis-seħħ.”5

Jiena nberikkom li jkollkom fidi akbar fih u fil-ħidma mqaddsa Tiegħu, kif ukoll b’ fidi u paċenzja li tibqgħu għaddejjin tikkumbattu l-isfidi personali tagħkom fil-ħajja. Inberikkom biex tkunu Qaddisin tal-Aħħar Jiem eżemplari. Jiena dan inberikkom u naqsam it-testimonjanza tiegħi li Alla jgħix! Ġesù hu l-Kristu! Din hi l-Knisja Tiegħu. Aħna l-poplu Tiegħu, f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara l-messaġġi tal-konferenza ġenerali onlajn f’ LDS.org u fil-Gospel Library app. Huma jiġu stampati fl-Ensign u fil-Liahona. Ir-rivisti tal-Knisja, inkluż in-New Era u l-Friend, li jitwasslu bil-posta jew jistgħu jitniżżlu onlajn, huma parti importanti mill-kurrikulu tal-evanġelju ċċentrat madwar id-dar.

  2. Ara, per eżempju, Eżodu 28; 29; Levitku 8.

  3. Ara Mosiah 4:29.

  4. Ara Wilford Woodruff, “The Law of Adoption,” diskors mogħti fil-konferenza ġenerali tal-Knisja, 8 ta’ Apr., 1894. President Woodruff qal: “Aħna għadna ma rċevejniex ir-rivelazzjoni kollha li għandna nirċievu. Għadna ma wettaqniex il-ħidma kollha ta’ Alla. … Din il-ħidma mhux se tieqaf qabel ma tkun perfetta” (Deseret Evening News, 14 ta’ Apr., 1894, 9).

  5. Teachings of Presidents of the Church: Joseph Smith (2007), 142.