2010-2019
Rimarki tal-Ftuħ
Ottubru 2018


Rimarki tal-Ftuħ

Wasal iż-żmien ta’ Knisja ċċentrata madwar id-dar, issapportjata minn dak li jseħħ ġewwa l-bini tal-fergħa, tal-qasam u l-wited tagħna.

Għeżież ħuti, aħna lkoll ħarisna b’antiċipazzjoni biex nerġgħu ninġarbru magħkom f’ din il-konferenza ġenerali ta’ Ottubru tal-Knisja. Aħna mill-qalb nilqgħu lil kull wieħed u waħda minnkom. Aħna verament grati tat-talb ta’ sosteniment tagħkom. Verament nistgħu nħossu l-effett tiegħu. Grazzi!

Aħna grati tal-isforzi tremendi tagħkom li timxu wara l-kunsill li kien ġie mogħti waqt il-konferenza ġenerali ta’ sitt xhur ilu. Sitt presidenzi tal-wited minn madwar id-dinja fittxew li jiksbu r-rivelazzjoni neċessarja biex jorganizzaw mill-ġdid il-kwora tal-presbiteri. L-irġiel ta’ dawk il-kwora flimkien mal-aħwa tas-Soċjetà tal-Għajnuna jinsabu jaħdmu b’ diliġenza biex jimministraw lil ħutna b’ mod aktar qaddis u ogħla. Aħna verament nispiraw ruħna bit-tjubija tagħkom u bl-isforzi straordinarji tagħkom li twasslu l-imħabba tas-Salvatur lill-familji, lill-ġirien, u lill-ħbieb tagħkom u li timministrawlhom kif kieku jagħmel Hu.

Mill-konferenza ta’ April ‘l hawn, jien u Sister Nelson ltqajna ma’ membri minn erba’ kontinenti differenti u minn diversi gżejjer tal-baħar. Minn Ġerusalemm sa Harare, minn Winnipeg sa Bangkok, aħna esperjenzajna l-fidi kbira tagħkom u l-qawwa tat-testimonjanzi tagħkom.

Aħna verament inħossuna kuntenti bin-numru ta’ żgħażagħ tagħna li ngħaqdu mal-battaljun taż-żgħażagħ tal-Mulej biex jgħinu fil-ġabra ta’ wlied Iżrael imxerrdin ma’ kullimkien.1 Aħna nirringrazzjawkom! U hekk kif intom tkomplu timxu wara l-istedina li saret waqt id-devozzjonali dinjija għaż-żgħażagħ, intom tkunu qegħdin tagħtu eżempju lilna lkoll biex aħna nagħmlu bħalkom. U x’ differenza intom iż-żgħażagħ qegħdin tagħmlu!

F’ dawn l-aħħar snin, aħna li qegħdin fil-kunsilli li jippresedu tal-Knisja ddiskutejna ħafna dwar mistoqsija partikolari mill-aktar fundamentali: aħna kif nistgħu nwasslu l-evanġelju fil-purità sempliċi tiegħu, u l-ordinanzi bl-effett etern tagħhom, lil ulied kollha ta’ Alla?

Bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna sirna wisq inħarsu lejn “knisja” bħala xi ħaġa li tiġri fid-djar tal-laqgħat, mgħejuna minn dak li jiġri fid-dar. Jeħtieġ li aħna nibdlu dan il-ħsieb. Wasal iż-żmien ta’ Knisja ċċentrata madwar id-dar, issapportjata minn dak li jseħħ ġewwa l-bini tal-fergħa, tal-qasam u l-wited tagħna.

Hekk kif il-Knisja tkompli tespandi madwar id-dinja, ħafna membri jinsabu jgħixu f’ postijiet fejn m’hemm l-ebda kappella—u jaf ma jkunx hemm waħda fil-futur prevedibbli. Jiena niftakar familja li, minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, il-membri tagħha kellhom il-ħtieġa li jiltaqgħu fid-dar tagħhom. Jiena staqsejt lill-omm kif kienet tħossha tattendi l-knisja fid-dar tagħha. Hija wieġbet, “Togħġobni ferm! Żewġi issa sar juża lingwaġġ aħjar, għaliex jaf li hawnhekk kull nhar ta’ Ħadd huwa se jbierek is-sagrament.”

L-għan tal-Knisja ilu għal żmien twil dak li jassisti lill-membri kollha ħalli huma jkabbru l-fidi tagħhom f’ Sidna Ġesù Kristu u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu, li jassistihom fil-patti li huma jagħmlu ma’ Alla u jgħinhom iżommu dawn l-istess patti, u li jsaħħaħ u jissiġilla l-familji. Fid-dinja kumplessa li ninsabu ngħixu fiha llum, din mhix ħaġa faċli. L-avversarju jinsab iżid l-attakki tiegħu fuq il-fidi u fuqna u fuq il-familji tagħna b’ rata mill-aktar mgħaġġla. Biex nibqgħu għaddejjin spiritwalment, aħna neħtieġu ċerti kontro-strateġiji u pjanijiet proattivi. Minħabba f’ hekk, aħna issa rridu nwettqu ċertu tibdil organizzattiv li jkompli jiffortifika lill-membri tagħna u l-familji tagħhom.

Għal ħafna snin, il-mexxejja tal-Knisja ilhom jaħdmu fuq kurrikulu integrat biex isaħħaħ lill-familji u l-individwi permezz ta’ pjan ċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja biex ngħallmu d-duttrina, insaħħu l-fidi u nrawmu l-qima personali akbar. L-isforzi tagħna tul dawn l-aħħar snin biex inqaddsu Jum is-Sabbath—biex nagħmluh l-għaxqa tagħna kif ukoll biex ikun mod personali kif nesprimu mħabbitna lejn Alla—se jiżdiedu b’ dan it-tibdil li aħna se nintroduċu.

Dalgħodu aħna se nħabbru bilanċ ġdid u konnessjoni bejn it-tagħlim tal-evanġelju fid-dar u fil-Knisja. Aħna lkoll responsabbli għat-tkabbir spiritwali tagħna b’ mod individwali. U l-iskrittura tagħmilha ċara li l-ġenituri għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jgħallmu d-duttrina lil uliedhom.2 Hija r-responsabbiltà tal-Knisja li tassisti lill-membri kollha fl-għan infassal b’ mod divin li huma jkabbru l-għarfien tagħhom fl-evanġelju.

Il-Presbiteru Quentin L. Cook issa se jispjega dan it-tibdil importanti. Il-membri kollha tal-Kunsill tal-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu jinsabu magħqudin fl-approvazzjoni ta’ dan il-messaġġ. Bi gratitudni aħna nagħrfu l-ispirazzjoni li rċevejna mingħand il-Mulej li influwenza l-iżvilupp tal-pjanijiet u l-proċeduri li se jippreżenta l-Presbiteru Cook.

Għeżież ħuti, jiena naf li Alla jgħix. Ġesù hu l-Kristu! Din hija l-Knisja Tiegħu li Huwa jmexxi permezz tal-profezija u r-rivelazzjoni lill-qaddejja umli Tiegħu. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.