2010-2019
L-Isem Korrett tal-Knisja
Ottubru 2018


L-Isem Korrett tal-Knisja

Ġesù Kristu talabna biex nirreferu għall-Knisja bl-isem Tiegħu għaliex hija l-Knisja Tiegħu, mimlija bil-qawwa Tiegħu.

Għeżież ħuti, f’ dan jum is-Sabbath mill-isbaħ aħna nifirħu flimkien għal bosta barkiet li aħna rċevejna mill-Mulej. Aħna verament grati għat-testimonjanzi tagħkom tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu, għas-sagrifiċċji li intom għamiltu biex tibqgħu fit-triq tal-patt jew terġgħu lura fiha, u għas-servizz ikkonsagrat tagħkom fil-Knisja Tiegħu.

Illum inħoss li għandi niddiskutu magħkom xi ħaġa ta’ importanza kbira. Ftit ġimgħat ilu, jiena ħriġt dikjarazzjoni dwar li aħna għandna nirreferu għall-Knisja bl-isem korrett tagħha.1 Jiena għamilt dan għaliex il-Mulej kellimni f’ moħħi dwar l-importanza tal-isem li Huwa żvela għall-Knisja Tiegħu, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.2

Kif tistgħu tistennew, ir-reazzjoni għal din id-dikjarazzjoni u għall-gwida riveduta dwar l-istil3 kienet waħda mħallta. Kienu ħafna l-membri li b’ mod immedjat ikkoreġew l-isem tal-Knisja fuq il-blogs tagħhom u fil-paġni tagħhom tal-midja soċjali. Xi oħrajn staqsew għalfejn kien neċessarju, meta wieħed jikkonsidra x’ għaddej fid-dinja bħalissa, li aħna nenfasizzaw xi ħaġa daqstant “insinifikanti.” U xi wħud qalu li din il-ħaġa diffiċli sseħħ, mela għalfejn se noqogħdu nippruvaw? Ippermettuli nispjega għaliex din il-ħaġa aħna qed noħduha b’ daqstant serjetà. Iżda l-ewwel ippermettuli niddikjara dak kollu li dan l-isforz żgur mhuwiex:

  • Żgur mhuwiex bidla fl-isem.

  • Żgur mhuwiex dehra ġdida.

  • Żgur mhuwiex xi ħaġa kosmetika.

  • Żgur mhuwiex kapriċċ.

  • U żgur mhuwiex xi ħaġa insinifikanti.

Minflok, huwa korrezzjoni. Huwa l-kmand tal-Mulej. Ma kienx Joseph Smith li ta l-isem lill-Knisja li ġiet irrestawrata permezz tiegħu; lanqas kien Mormon. Kien is-Salvatur innifsu li qal, “Għax hekk għandkom issejħulha l-Knisja Tiegħi fl-aħħar jiem, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.”4

Anke snin qabel, fis-sena 34 WK, il-Mulej tagħna, imqajjem mill-imwiet, qal ħaġa mill-aktar simili lill-membri tal-Knisja Tiegħu meta Huwa żarhom fil-Kontinent Amerikan. U dak iż-żmien Huwa qal:

“Għandkom tirreferu għall-knisja permezz ta’ ismi. …

“U kif tista’ tkun il-knisja tiegħi, jekk ma tkunx imsemmija għalija? Għaliex jekk knisja tkun imsemmija f’ isem Mosè, allura tkun il-knisja ta’ Mosè; jew jekk tkun imsemmija f’ isem xi bniedem, allura tkun il-knisja ta’ bniedem; iżda jekk tkun imsemmija f’ ismi, allura tkun il-knisja tiegħi.”5

Għalhekk, l-isem tal-Knisja mhuwiex negozjabbli. Meta s-Salvatur jiddikjara b’ mod ċar x’għandu jkun l-isem tal-Knisja Tiegħu u saħansitra jibda d-dikjarazzjoni Tiegħu bil-kliem, “Għalhekk il-knisja tiegħi għandha tissejjaħ,” għandna neħduh b’ serjetà kbira. U jekk aħna nippermettu l-użu ta’ dawk il-laqmijiet, jew anki nadottaw aħna stess jew saħansitra nippromwovuhom, aħna nkunu qed noffenduh.

Imma l-isem x’ differenza jagħmel, u f’ dan il-każ, il-laqam? Meta nitkellmu dwar ċerti ismijiet li jintużaw għall-Knisja, bħal “Knisja QAJ”, “il-Knisja Mormona,” jew “il-Knisja tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem,” l-aktar ħaġa importanti f’ dawk l-ismijiet huwa n-nuqqas tal-isem tas-Salvatur. Li nneħħu isem il-Mulej mill-Knisja tal-Mulej tkun vittorja ewlenija għal Satana. Meta aħna narmu isem is-Salvatur, b’ mod sottili aħna nkunu qed ninjoraw dak kollu li Ġesù Kristu għamel għalina—saħansitra l-istess Att tal-Fidwa Tiegħu.

Ikkunsidraw dan mill-perspettiva Tiegħu: fil-ħajja Primortali, Huwa kien Ġehova, l-Alla tat-Testment il-Qadim. Taħt id-direzzjoni ta’ Missieru, Huwa kien il-Ħallieq ta’ din id-dinja u dinjiet oħra.6 Huwa għażel li jissottometti r-rieda ta’ Missieru u jagħmel xi ħaġa għal ulied kollha ta’ Alla, ħaġa li ħadd aktar ma seta’ jwettaq! Billi kkondixxenda ruħu li jiġi f’ din id-dinja bħala l-Imnissel Waħdieni tal-Missier fil-ġisem, Huwa ppermetta li b’ mod mill-aktar brutali Huwa jiġi mgħajjar, mgħoddi biż-żmien, imsawwat, u ħalla lil min jobżoq fuqu. Fil-Ġnien tal-Ġetsemani, is-Salvatur tagħna ħa fuqu nnifsu kull uġigħ, kull dnub, u kull diqa ta’ qalb u sofferenza li qatt nistgħu nesperjenzaw int u jien, kif ukoll kull bniedem li qatt għex u li qatt irid jgħix fid-dinja. Taħt il-piż ta’ dik it-tagħbija mill-aktar doloruża, Huwa ċarċar demmu mill-pori kollha Tiegħu.7 Is-sofferenza kollha tiegħu intensifikat ruħha hekk kif Huwa ġie msallab b’ mod krudili fuq is-salib tal-Kalvarju.

Permezz ta’ dawn l-esperjenzi mill-aktar dolorużi u tar-Resurrezzjoni sussegwenti Tiegħu—L-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu—Huwa kkonċeda l-immortalità lil kulħadd u feda lil kull wieħed u waħda minna mill-effetti tad-dnub, bil-kundizzjoni li aħna nindmu.

Wara r-Resurrezzjoni tas-Salvatur u l-mewt tal-Appostli Tiegħu, id-dinja spiċċat marret lura għal sekli sħaħ ta’ dalma. Imbagħad fis-sena 1820, Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, dehru lill-Profeta Joseph Smith u taw bidu għar-Restawrazzjoni tal-Knisja tal-Mulej.

Wara dak kollu li Huwa għadda minnu—u wara dak kollu li Huwa għamel għall-umanità—jiena nirrealizza b’ dispjaċir kbir li aħna mingħajr ma konna konxji ta’ dan spiċċajna biex drajna li l-Knisja rrestawrata tal-Mulej nirreferu għaliha b’ ismijiet oħra, li lkoll kemm huma jħallu barra l-isem sagru ta’ Ġesù Kristu!

Kull nhar ta’ Ħadd hekk kif b’ mod den aħna nieħdu sehem fis-sagrament, aħna nerġgħu nġeddu l-wegħda sagra tagħna ma’ Missierna tas-Smewwiet li aħna lesti li nieħdu fuqna isem Ibnu, Ġesù Kristu.8 Aħna nwiegħdu li nimxu warajh, nindmu, inżommu l-kmandamenti Tiegħu, u dejjem niftakru fih.

Meta aħna nneħħu l-Isem Tiegħu mill-Knisja Tiegħu, aħna involontarjament inkunu qed inneħħu Lilu lilu miċ-ċentru ta’ ħajjitna.

Li nieħdu fuqna isem is-Salvatur jinkludi li aħna niddikjaraw u nixhdu ma’ ħaddieħor—permezz ta’ għemilna u ta’ kliemna—li Ġesù hu l-Kristu. Tgħid aħna tant bżajna li noffendu lil xi ħadd li jsejħilna “Mormoni” li bqajna lura milli niddefendu lis-Salvatur innifsu, li niddefenduh saħansitra anke permezz tal-isem li għandha tissejjaħ bih il-Knisja Tiegħu?

Jekk aħna bħala poplu u bħala individwi rridu li jkollna aċċess għall-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu—liema qawwa tkun tista’ tnaddafna u tfejjaqna, issaħħana u ultimament teżaltana—aħna lilu għandna nagħrfuh b’ mod ċar bħala s-sors ta’ dik il-qawwa. Aħna nistgħu nibdew billi nirreferu għall-Knisja Tiegħu bl-isem li Huwa stess iddikjara.

Għal parti kbira mid-dinja, il-Knisja tal-Mulej qed tinħeba bħalissa wara l-isem “il-Knisja Mormona.” Iżda aħna bħala membri tal-Knisja tal-Mulej nafu min hu l-mexxej tagħha: Ġesù Kristu nnifsu. Sfortunatament, ħafna li jisimgħu t-terminu Mormon jafu jaħsbu li aħna nqimu lil Mormon. Żgur mhux hekk! Aħna nonoraw u nirrispettaw lil dan il-profeta kbir tal-Amerka tal-qedem.9 Iżda aħna m’aħniex dixxipli ta’ Mormon. Aħna dixxipli tal-Mulej.

Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja rrestawrata, ċerti termini bħal Knisja Mormona u Mormoni 10 ħafna drabi kienu jintużaw bħala epiteti—bħala termini krudili, termini abbużivi—intenzjonati biex iwaqqfu l-id divina ta’ Alla milli tirrestawra l-Knisja ta’ Ġesù Kristu f’ dawn l-aħħar jiem .11

Ħuti, kienu ħafna li argumentaw bil-mod kif taħseb id-dinja kontra li jiġi rrestawrat l-isem korrett tal-Knisja. Minħabba d-dinja diġitali li ninsabu ngħixu fiha u permezz tal-ottimizzazzjoni tas-serċ enġin li tgħin lilna lkoll insibu ċerta informazzjoni li aħna nkunu neħtieġu b’ mod immedjat—inkluż ċerta informazzjoni dwar il-Knisja tal-Mulej, il-kritiċi jgħidu li mhijiex ħaġa għaqlija li ssir din il-korrezzjoni issa. Oħrajn iħossu li peress li aħna magħrufin ma’ kulħadd bħala “Mormoni” u bħala “l-Knisja Mormona,” aħna għandna nipprofittaw ruħna kemm nistgħu minn dan.

Jekk din hija diskussjoni dwar x’isem aħna għandna nagħtu lil xi organizzazzjoni magħmula mill-bniedem, dawn l-argumenti jafu jreġu. Iżda f’ din il-ħaġa mill-aktar kruċjali, aħna nħarsu lejn Dak li Tiegħu hi din il-Knisja u nagħrfu li l-mod kif irid il-Mulej mhuwiex u qatt mhu se jkun il-mod kif irid il-bniedem. Jekk aħna nuru ftit paċenzja u jekk, b’ mod xieraq, aħna nagħmlu l-parti tagħna, il-Mulej imexxina f’ din il-ħidma mill-aktar importanti. Wara kollox, aħna nafu li l-Mulej jgħin lil dawk li jfittxu li jagħmlu r-rieda Tiegħu, kif Huwa għen lil Nefi jwettaq il-biċċa xogħol li huwa kellu li jibni vapur biex bih ikunu jistgħu jaqsmu l-baħar.12

Jeħtieġ li aħna nuru ċerta korteżija u paċenza fl-isforzi tagħna li nikkoreġu dawn l-iżbalji. Il-midja responsabbli għandha tifhem u tirrispondi b’ mod xieraq għat-talba tagħna.

F’ waħda mill-konferenzi ġenerali ta’ qabel, il-Presbiteru Benjamín De Hoyos tkellem dwar din il-ħaġa. Huwa qal:

“Xi snin ilu, meta jiena kont qed inservi fl-uffiċċju tal-affarijiet pubbliċi tal-Knisja fil-Messiku, jiena u sieħeb tiegħi ġejna mistednin biex nipparteċipaw f’ programm tar-radju. … Wieħed mid-diretturi tal-programm staqsiena, ‘Għalfejn il-Knisja għandha isem daqshekk twil? …’

“Jien u sieħbi tbissimna għal dik il-mistoqsija daqstant intriganti u mbagħad bdejna nispjegaw li l-isem tal-Knisja ma ġiex magħżul minn xi bniedem. Ġie mogħti mis-Salvatur. … B’ mod immedjat u mill-aktar rispettuż, id-direttur tal-programm wieġeb, ‘Mela għalhekk se jkun pjaċir tagħna li aħna nirreferu għaliha b’ dan il-mod.’”13

Dak ir-rapport ipprovdilna abbozz li stajna nimxu fuqu. Wieħed wieħed u waħda waħda, l-isforzi kbar tagħna bħala individwi se jkunu meħtieġa biex aħna nsewwu l-iżbalji li maż-żmien, bil-mod il-mod, spiċċaw biex ġew aċċettati.14 Il-kumplament tad-dinja jafu jiddeċiedu li jimxu max-xewqa tagħna li jirreferu għalina bl-isem korrett u jafu le. Iżda żgur li ma nkunux sinċiera magħna nfusna jekk aħna nħossuna frustrati li l-maġġoranza tad-dinja ssejjaħ lill-Knisja u l-membri tagħha bl-isem żbaljat jekk anke aħna nagħmlu l-istess.

Il-gwida riveduta dwar l-istil għandha tkun ta’ għajnuna. Tiddikjara: “Fl-ewwel referenza, l-isem sħiħ tal-Knisja huwa preferut: ‘Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.’ Meta jkun hemm bżonn ta’ referenza aktar fil-qosor, [tat-tieni referenza] inħeġġukom tużaw it-termini “il-Knisja” jew “il-Knisja ta’ Ġesù Kristu.” It-terminu ‘Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu’ huwa wkoll preċiż u nħeġġukom tużawh.”15

Jekk xi ħadd jistaqsikom, “Inti Mormon?” intom għandkom twieġbu, “Jekk inti qed tistaqsini jekk jiena iniex membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, iva, hekk hu!”

Jekk xi ħadd jistaqsikom, “Inti Qaddis tal-Aħħar Jiem?”16 intom tistgħu twieġbu, “Iva, hekk hu. Jien nemmen f’ Ġesù Kristu u jiena membru tal-Knisja rrestawrata Tiegħu.”

Għeżież ħuti, jiena nwegħidkom li jekk aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nirrestawraw l-isem korrett tal-Knisja tal-Mulej, Dak illi tiegħu hija din il-Knisja jixħet fuq il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem,17 il-qawwa u l-barkiet Tiegħu b’ abbundanza li qatt ma ġiet esperjenzata qabel. Aħna jkollna l-għarfien u l-qawwa ta’ Alla li jgħinuna naqsmu l-barkiet tal-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu ma’ kull ġens, razza, ilsien u poplu, u nħejju d-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej.

Għalhekk x’ differenza tagħmel, x’ isem nużaw? Jekk qed nitkellmu dwar l-isem tal-Knisja tal-Mulej, l-isem huwa “Kollox!” Ġesù Kristu talabna biex nirreferu għall-Knisja bl-isem Tiegħu għaliex hija l-Knisja Tiegħu, mimlija bil-qawwa Tiegħu.

Jiena naf li Alla jgħix. Ġesù hu l-Kristu. Huwa jinsab imexxi l-Knisja Tiegħu llum. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “Il-Mulej kellimni f’ moħħi dwar l-importanza tal-isem li Huwa żvela għall-Knisja Tiegħu, sewwasew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Aħna għandna ħidma quddiemna li nġibu lilna nfusna f’ armonija mar-rieda Tiegħu.” F’ dawn l-aħħar ġimgħat, bosta mexxejja u dipartimenti tal-Knisja bdew jieħdu l-passi neċessarji biex dan iseħħ. Ċerta informazzjoni addizzjonali dwar l-importanza ta’ din il-ħaġa se tkun disponibbli fix-xhur li ġejjin” (Russell M. Nelson, f’ “L-Isem tal-Knisja” [dikjarazzjoni uffiċjali, 16 ta’ Awwissu, 2018], mormonnewsroom.org).

  2. Presidenti tal-Knisja ta’ qabel ukoll għamlu ċerti dikjarazzjonijiet simili. Per eżempju, il-President George Albert Smith qal: “Tiddiżappuntawx lill-Mulej billi din il-knisja ssejħulha l-Knisja Mormona. Huwa ma semmihiex il-Knisja Mormona” (f’ Rapport tal-Konferenza, Apr. 1948, 160).

  3. Ara “Gwida dwar l-Istil—L-Isem tal-Knisja,” mormonnewsroom.org.

  4. Doctrine and Covenants 115:4.

  5. 3 Nephi 27:7–8.

  6. Ara Moses 1:33.

  7. Ara Doctrine and Covenants 19:18.

  8. Ara Moroni 4:3; Doctrine and Covenants 20:37, 77.

  9. Mormon kien wieħed mill-erba’ kittieba ewlenin tal-Ktieb ta’ Mormon, bl-oħrajn ikunu Nefi, Ġakobb u Moroni. Ilkoll kemm huma kienu xhieda tal-Mulej, kif kien ukoll it-traduttur tal-Ktieb, il-Profeta Joseph Smith.

  10. Anke l-kelma Mormoniti kienet waħda mit-termini dispreġġattivi li kienu jintużaw (ara History of the Church, 2:62–63, 126).

  11. Epiteti oħra jidhru li kienu jintużaw fiż-żminijiet tat-Testment il-Ġdid. Waqt il-kawża tal-Appostlu Pawlu quddiem Feliċ, Pawlu ġie deskritt bħala “wieħed mill-mexxejja tas-setta tan-Nazarin” (Atti 24:5). Rigward l-użu tal-frażi “tan-Nazarin,” wieħed kummentatur kiteb: “Dan kien l-isem li normalment kien jingħata lill-Kristjani b’ mod dispreġġattiv. Kienu jissejħu hekk peress li Ġesù kien minn Nazaret” (Albert Barnes, Notes, Explanatory and Practical, on the Acts of the Apostles [1937], 313).

    Bl-istess mod, kummentatur ieħor jiddikjara: “Peress li b’ mod dispreġġattiv il-Mulej kien jissejjaħ ‘In-Nazarin’ (Matt. xxvi. 71), għalhekk il-Lhud kienu jirreferu għad-dixxipli tiegħu bħala ‘tan-Nazarin.’ Huma ma kenux jammettu li kienu Kristjani, jiġifieri dixxipli tal-Messija” (The Pulpit Commentary: The Acts of the Apostles, ed. H. D. M. Spence u Joseph S. Exell [1884], 2:231).

    Bl-istess mod, il-Presbiteru Neal A. Maxwell osserva: “Tul l-istorja kollha skritturali, aħna minn żmien għall-ieħor nistgħu ninnutaw ċerti sforzi sabiex jippruvaw jiddegradaw lill-profeti biex jiċħduhom—jagħtuhom tikketta sabiex jiddegradawhom. Ħafna drabi, madankollu, huma jiġu injorati min-nies ta’ żmienhom kif ukoll mill-istorja sekulari. Wara kollox, l-ewwel Kristjan kienu jissejħu sempliċiment “is-setta tan-Nazarin.’ (Atti 24:5.)” (“Out of Obscurity,” Ensign, Nov. 1984, 10).

  12. Ara 1 Nephi 18:1–2.

  13. Benjamín De Hoyos, “Called to Be Saints,” Liahona, May 2011, 106.

  14. Filwaqt li aħna m’għandniex kontroll dwar dak li jirreferi għalina ħaddieħor, aħna għandna kontroll assolut kif aħna nirreferu għalina nfusna. Kif nistgħu nistennew li ħaddieħor jonora l-isem korrett tal-Knisja jekk aħna, bħala l-membri tagħha, nonqsu li nagħmlu dan?

  15. Gwida dwar l-Istil—L-Isem tal-Knisja,” mormonnewsroom.org.

  16. It-terminu qaddis jintuża ta’ spiss fil-Bibbja Mqaddsa. Fl-Ittra ta’ Pawlu lill-Efesin, per eżempju, huwa uża l-kelma qaddis mill-inqas darba f’ kull kapitlu. Qaddis huwa persuna li jemmen f’ Ġesù Kristu u li jagħmel l-almu tiegħu biex jimxi warajh.

  17. Ara Doctrine and Covenants 121:33.