2010-2019
Il-Ministeru tar-Rikonċiljazzjoni
Ottubru 2018


Il-Ministeru tar-Rikonċiljazzjoni

Jiena nixhed dwar it-trankwillità li aħna nistgħu nħossu ġewwa ruħna, liema trankwilltà hija riżultat tar-rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla u ma’ xulxin, jekk aħna nkunu umli u kuraġġjużi biżżejjed li nfittxuha.

April li għadda, meta l-President Russell M. Nelson introduċa l-kunċett tal-ministeru, huwa enfasizza li dan hu mod kif aħna nistgħu nżommu l-kmandamenti l-kbar li nħobbu lil Alla u nħobbu lil xulxin.1 Aħna, bħala uffiċjali tal-Knisja, infaħħru u nawguraw lilkom ilkoll għar-rispons tremend li intom diġà wrejtu f’ dan ir-rigward. Aħna nirringrazzjawkom talli intom timxu wara l-maħbub profeta tagħna f’ din il-ħidma meraviljuża u nissuġġerixxi li intom ma toqogħdux tistennew għal ħafna struzzjonijiet oħra. Sempliċiment aqbżu fl-ilma u għumu. Araw li tgħumu lejn dawk li huma fil-bżonn Iżżommux lura biex toqogħdu taħsbuha jekk għandkomx taqdfu fuq daharkom jew inkella bil-quddiem. Jekk aħna nimxu mal-prinċipji bażiċi li ġew mgħallmin, jekk nibqgħu allenjati mal-imfietaħ tas-saċerdozju u nfittxu l-Ispirtu s-Santu biex jiggwidana, aħna ma nistgħux infallu.

Dalgħodu nixtieq nitkellem dwar aspett tal-ministeru li hu saħansitra aktar personali li mhuwiex mogħti lilna bħala essajnment, ma jinvolvix xi intervista skedata minn qabel u ma jsir l-ebda rappurtar dwaru ħlief fis-smewwiet. Ippermettuli naqsam magħkom eżempju sempliċi ta’ dan it-tip ta’ ministeru.

Grant Morrell Bowen kien raġel miżżewweġ u missier mill-aktar devot u ħabrieki li, bħal ħafna li jaqilgħu l-għixien tagħhom permezz tar-raba’, finanzjarjament ħa daqqa ta’ ħarta meta l-ħsad tal-patata kien wieħed mill-aktar miżeru. Hu u martu, Norma, bdew jaħdmu xogħol ieħor, u eventwalment marru joqogħdu f’ belt oħra fejn bdew jerġgħu jieħdu r-ruħ u bdew resqin lura lejn ċerta stabilità ekonomika. Madankollu, waqt inċident mill-aktar sfortunat, Brother Bowen spiċċa biex ħadha verament bi kbira meta, waqt intervista għar-rakkomandazzjoni tat-tempju, l-isqof kien xi ftit xettiku dwar id-dikjarazzjoni ta’ Morrell li huwa kien iħallas dieċmi sħiħa.

Jiena ma nafx liema wieħed minn fost dawn l-irġiel dak inhar kellu l-aktar fatti preċiżi, iżda jiena naf li Sister Bowen ħarġet minn dik l-intervista bir-rakkomandazzjoni tagħha tat-tempju mġedda, filwaqt li Brother Bowen ħareġ minn hemm ġew mimli rabja li żammitu ‘l bogħod mill-Knisja għal 15-il sena sħaħ.

Irrilevanti min kellu raġun dwar il-ħlas tad-dieċmi, evidentwalment kemm Morrell kif ukoll l-isqof insew il-kunsill tas-Salvatur biex “lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis possibli”2 kif ukoll il-kunsill ta’ Pawlu “la tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom.”3 Il-fatt hu li huma ma qablux u minħabba l-korla ta’ Brother Bowen, ix-xemx fil-fatt spiċċat biex għebet minn fuqu għal jiem sħaħ, imbagħad għal ġimgħat sħaħ, imbagħad għal snin sħaħ, fejn wasslet biex ġabet fis-seħħ id-dikjarazzjoni li għamel wieħed mill-aktar Rumani għorrief tal-qedem, li qal, “Jekk ir-rabja ma nrażżnuhiex, ħafna drabi ssir aktar distruttiva mill-inġurja li tkun ipprovokata.”4 Iżda l-miraklu tar-rikonċiljazzjoni huwa dejjem disponibbli għalina, u sforz l-imħabba lejn il-familja tiegħu u lejn il-Knisja li kien jaf li hi vera, Morrell Bowen reġa’ għal darb’oħra sar attiv bi sħiħ fil-Knisja. Ippermettuli nispjegalkom fil-qosor kif dan seħħ.

It-tifel ta’ Brother Bowen huwa ħabib kbir tagħna u Sebgħin Reġjonali mill-aktar devot li jinsab iservi ġewwa n-nofsinhar ta’ Idaho. Brad kellu 11-il sena meta seħħ dan l-inċident, u għal 15-il sena sħaħ ra d-devozzjoni reliġjuża ta’ Missieru dejjem tonqos, xhud għall-ħsad terribbli li huwa riżultat taż-żerriegħa tar-rabja u n-nuqqas ta’ ftehim. Kien jeħtieġ li ssir xi ħaġa. Għalhekk hekk kif, fl-1977, beda riesaq Jum ir-Ringrazzjament, Brad, student ta’ 26 sena fl-Università Brigham Young; martu, Valerie; u ibnu tat-twelid, Mic, rikbu ġewwa l-vettura tagħhom, karozza mill-aktar ordinarja kif normalment ikollu student u, minkejja t-temp xejn sabiħ, saqu lejn Billings, Montana. Lanqas ħabta ma’ massa silġ ħdejn il-Punent ta’ Yellowstone ma żammet lil dawn it-tlieta milli jmorru jimministraw lil Brother Bowen il-kbir.

Meta huma waslu, Brad u oħtu Pam talbu sabiex ikunu jistgħu jqattgħu ftit ħin fil-privat ma’ missierhom. “Inti verament kont għalina missier mill-aktar meraviljuż,” beda jgħidlu emozzjonat Brad, “u aħna minn dejjem konna nafu inti kemm tħobbna. Iżda hemm xi ħaġa ħażina u ilha hekk għal żmien mhux ħażin. Għax inti ħassejtek imweġġa’ darba, din il-familja kollha ilha tħossha mweġġgħa għal snin sħaħ. Aħna nħossuna mkissrin u inti biss tista’ tirranġa din is-sitwazzjoni. Jekk jogħġbok, jekk jogħġbok, wara dan iż-żmien kollu, tista’ tara x’ tagħmel biex tipprova tinsa dan l-inċident sfortunat ma’ dak l-isqof u għal darb’oħra terġa’ tibda tmexxi din il-familja fl-evanġelju kif kont tagħmel darba?”

Waqa’ silenzju perfett. Imbagħad Brother Bowen ħares ‘il fuq lejn dawn it-tnejn, uliedu, li kienu demmu,5 u b’ leħen sieket qalilhom, “Iva. Iva, hekk se nagħmel.”

Kommoss iżda maħsud b’ din it-tweġiba xejn mistennija, Brad Bowen u l-familja tiegħu raw b’ għajnejhom lil missierhom imur għand l-isqof kurrenti tiegħu fi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni biex ħajtu terġa’ lura għat-triq it-tajba. B’ rispons perfett għal din iż-żjara kuraġġjuża iżda xejn mistennija, l-isqof, li kemm-il darba qabel kien estenda bosta stedini lil Brother Bowen biex jerġa’ lura, dawwar dirgħajh madwar Morrell u sempliċiment ħaddnu miegħu—ħaddnu miegħu għal ħin twil mhux ħażin.

Wara biss ftit ġimgħat—m’għaddiex ħafna żmien—Brother Bowen sar kompletament attiv fil-Knisja u ħadem biex huwa reġa’ sar den li jmur lura ġewwa t-tempju. Fi żmien qasir huwa aċċetta s-sejħa li jippresidi fuq fergħa żgħira ta’ 25 membru li kienet għaddejja minn ċerti diffikultajiet u huwa għen biex saret kongregazzjoni b’ saħħitha ta’ aktar minn 100 ruħ. Dan kollu seħħ kważi nofs seklu ilu, iżda l-konsegwenzi tal-appell li dak l-iben u dik il-bint għamlu lil missierhom hekk kif huma bdew jimministrawlu u r-rieda ta’ dak il-missier li jaħfer u jkompli miexi fit-triq it-tajba minkejja l-imperfezzjoni ta’ ħaddieħor irriżultaw f’ barkiet li għadhom neżlin sal-lum—u jibqgħu neżlin għal dejjem—fuq il-familja Bowen.

Ħuti, Ġesù talab biex aħna “ngħixu flimkien fl-imħabba”6 mingħajr ebda “kwistjonijiet bejnietna.”7 “Dak li għandu fih l-ispirtu tat-tilwim mhux ġej minni,” Huwa wissa lin-Nefiti.8 Fil-fatt, fil-parti kbira tagħha, ir-relazzjoni tagħna ma’ Kristu se tkun determinata—jew għallinqas affettwata—mir-relazzjoni ta’ bejnietna.

“Jekk inti … tixtieq tiġi għandi,” Huwa qal, “—u tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek—

“Mur fittex lil, ħuk, u l-ewwel irranġa miegħu, u mbagħad ejja għandi b’għan sħiħ f’ qalbek, u jiena nilqgħek għandi. 9

M’hemmx dubju li kull wieħed u waħda minna nistgħu nsemmu għadd ta’ mumenti li fihom ħassejna wrieħna mweġġgħin u rriżultaw f’ mumenti diffiċli ta’ niket u li sal-lum għadhom qed iżommu milli ssaltan l-paċi f’ qalb xi ħadd jew f’ xi familja jew komunità. Kemm jekk konna aħna stess li kkawżajna dak l-uġigħ jew inkella konna aħna r-reċipjenti ta’ dan l-uġigħ, dawk il-ġrieħi jeħtieġ li jitfejqu sabiex il-ħajja tkun tista’ tkun imbierka kif iridha tkun Alla. Bħall-ikel ġewwa l-friġġ tagħkom li n-neputijiet tagħkom spiss iħobbu jmorru jiċċekjaw f’ isimkom, id-data ta’ dawk l-ilmenti mill-passat ilha mhux ħażin li skadiet. Jekk jogħġobkom tħallux l-ispazju prezzjuż li hemm f’ qalbkom jokkupa ruħu bihom. Kif Prospero qal lil Alonso li kien verament qed iħossu ddispjaċut f’It-Tempesta, “Ejja ma ntappnux il-memorja tagħna b’ affarijiet li issa għaddew.”10

“Aħfru, u ssibu l-maħfra,”11 għallem Kristu fi żmien it-Testment il-Ġdid. U fi żmienna: “Jiena, il-Mulej, naħfer lil min għandi naħfer, iżda huwa mitlub minnkom li taħfru lil kulħadd.”12 Madankollu huwa importanti għal dawk minnkom li tinsabu tgħixu b’ ċerta diqa f’ qalbkom illi tinnutaw dak li huwa fil-fatt ma qalx. Li Huwa ma qalx hu, “Mhux permess li intom tħossu fikom l-uġigħ u n-niket kawża ta’ esperjenzi mill-aktar diffiċli li intom ikkawżajtu lil xulxin.” Lanqas ma Huwa qal, “Sabiex intom tkunu kompletament maħfura jeħtieġ li terġgħu tidħlu f’ relazzjoni oħra tossika jew terġgħu lura għal dik iċ-ċirkustanza abbużiva u distruttiva.” Iżda minkejja saħansitra l-aktar offiża terribli li aħna nistgħu nirċievu, aħna nistgħu negħlbu l-uġigħ tagħna biss meta aħna npoġġu saqajna fit-triq tal-fejqan veru. Din it-triq hija t-triq tal-maħfra li fiha mexa Ġesù ta’ Nazaret, li lilna lkoll sejħilna, “Ejjew, imxu warajja.”13

F’ din l-istedina biex inkunu d-dixxipli Tiegħu u biex nippruvaw nagħmlu dak li għamel Hu, Ġesù qed jitlobna biex inkunu strumenti tal-grazzja Tiegħu—biex inkunu “ambaxxaturi ta’ Kristu,” kif iddeskriva Pawlu lill-Korintin.14 Il-Fejjieq ta’ kull ġerħa, Dak li jsewwi kull ħaġa ħażina, qed jitlobna biex naħdmu Miegħu fil-ħidma intimidanti li nippruvaw inġibu l-paċi f’ dinja li ma tistax tiksibha b’ kwalunkwe mod ieħor.

Għalhekk, kif kiteb Phillips Brooks: “Inti li qed tħalli ċertu disgwid miżerabbli jkompli jkarkar sena wara sena, bl-intenzjoni li xi darba ssewwi kollox; inti li għadek qed targumenta għaliex għadek ma tistax tifhem li llum huwa l-jum li fih inti għandek tissagrifika l-kburija tiegħek u tirranġa kollox; inti li tgħaddi minn ħdejn ċerti nies fit-triq, u ma tkellimhomx minħabba xi argument banali … ; inti li qed tħalli … qalb xi ħadd tesperjenza uġigħ biex tisma’ dik il-kelma ta’ apprezzament jew simpatija, li tħoss fik li tixtieq li tgħidlu jew tgħidilha … xi darba, … itlaq issa stess u agħmel dik il-ħaġa li jaf ma jkollox ċans ieħor biex twettaqha.”15

Għeżież ħuti, jiena nixhed illi aħna naħfru u nabbandunaw kwalunkwe offiża li stajna soffrejna, ilha kemm ilha, hija parti importanti mill-majestà tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Jiena nixhed li ultimament dan il-fejqan spiritwali jista’ jasal biss mingħand il-Feddej divin tagħna, Dak li jiġi jiġri biex jgħinna “bil-fejqan f’ ġwinħajħ.”16 Aħna nirringrazzjaw lilu u lil Missierna tas-Smewwiet li bagħtu, li t-tiġdid u t-twelid mill-ġdid, li futur ħieles minn kull niket u żbalji passati, mhux biss huwa possibbli iżda diġà ġew mifdija, imħallsa permezz ta’ prezz mill-aktar doloruż simbolizzat minn demm il-Ħaruf li xerrdu.

Permezz tal-awtorità appostolika li ġiet mogħtija lili permezz tas-Salvatur tad-dinja, jiena nixhed dwar it-trankwillità li aħna nistgħu nħossu ġewwa ruħna, liema trankwilltà hija riżultat tar-rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla u ma’ xulxin, jekk aħna nkunu umli u kuraġġjużi biżżejjed li nfittxuha. “Tkomplux titlewmu bejnietkom,” qalilna s-Salvatur.17 Jekk fil-passat kien hemm xi inġurja, irranġaw is-sitwazzjoni. Ħudu ħsieb xulxin b’ imħabba.

Għeżież ħbieb tiegħi, fil-ministeru ta’ rikonċiljazzjoni, li ninsabu fih ilkoll, jiena nitlob biex aħna nkunu nies ta’ paċi—li nħobbu l-paċi, li nfittxu l-paċi, li nwasslu l-paċi u li ngħożżu l-paċi. Jiena qed nagħmel dan l-appell f’ isem il-Prinċep tal-Paċi, li jaf x’ jiġifieri li tiġi “miġruħ fid-dar ta’ ħbiebek,”18 iżda li xorta waħda sab il-qawwa li jaħfer u jinsa—u li jfejjaq—u jkun kuntent. Għal dan jiena nitlob, għalikom u għalija, f’ isem il-Mulej Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja