Konferenza Ġenerali
Ejjew u Appartjenu
Konferenza Ġenerali April 2020


Ejjew u Appartjenu

Aħna nistiednu lil ulied kollha ta’ Alla madwar id-dinja biex jingħaqdu magħna f’din il-ħidma kbira.

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb tiegħi, kull ġimgħa, membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien minn madwar id-dinja iqimu lill-għażiż Missierna tas-Smewwiet, l-Alla u s-Sultan tal-univers, u lill-ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Aħna nixtarru l-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu—l-uniku bniedem mingħajr dnub li qatt għex, il-Ħaruf bla tebgħa ta’ Alla. Spiss kemm nistgħu, aħna nieħdu sehem fis-sagrament b’tifkira tas-sagrifiċċju tiegħu u nagħrfu li Hu jinsab fiċ-ċentru ta’ ħajjitna.

Aħna nħobbuh u nonorawh. Minħabba l-imħabba profonda u eterna tiegħu, Ġesù Kristu sofra u miet għalija u għalikom. Huwa sgassa bibien il-mewt, kisser il-barrieri li jisseparaw lill-ħbieb u l-maħbubin,1 u ġab it-tama lil min ma kellux, il-fejqan lill-morda, u l-ħelsien lil min kien fil-jasar. 2

Lilu aħna niddedikaw qlubna, ħajjitna, u d-devozzjoni tagħna ta’ kuljum. Għal din ir-raġuni, “aħna nitkellmu dwar Kristu, nifirħu fi Kristu, u nxandru lil Kristu, … sabiex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għal maħfra ta’ dnubiethom.”3

Nipprattikaw id-Dixxipulat

Madankollu, li tkun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu jinvolvi ferm aktar milli titkellem jew tippriedka dwar Kristu. Is-Salvatur innifsu rrestawra l-Knisja tiegħu biex jgħinna fit-triq tagħna biex insiru aktar nixbhuh. Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hija strutturata ħalli tipprovdi opportunitajiet biex nipprattikaw il-fundamentali tad-dixxipulat. Permezz tal-parteċipazzjoni tagħna fil-Knisja, aħna nitgħallmu nagħrfu s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu u naġixxu skont l-istess suġġerimenti. Aħna niżviluppaw id-dispożizzjoni li nilħqu lil ħaddieħor b’kompassjoni u tjubija.

Dan hu sforz għal tul ħajjitna, u jeħtieġ il-prattika.

Atleti ta’ suċċess jgħaddu sigħat sħaħ jipprattikaw il-fundamentali tal-isport tagħhom. L-infermiera, in-networkers, l-inġiniera nuklejari, u anke jiena fid-delizzju tiegħi ta’ kok kompetittiv fil-kċina ta’ Harriet, kollha nistgħu nsiru kapaċi hekk kif nipprattikaw is-sengħa tagħna b’diliġenza.

Bħala kaptan ma’ linja tal-ajru, jiena spiss kont inħarreġ lill-piloti bl-użu ta’ simulatur ta’ titjira—magna sofistikata li tirreplika l-esperjenza ta’ titjira. Is-simulatur mhux biss jgħin lill-piloti jitgħallmu l-fundamentali tal-avjazzjoni; iżda jagħtihom ċans ukoll li jesperjenzaw u jirreaġixxu għal mumenti mhux mistennija li jistgħu jiltaqgħu magħhom meta huma jkunu qed imexxu ajruplan ta’ vera.

L-istess prinċipji japplikaw għad-dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Il-parteċipazzjoni b’mod attiv fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu u fil-varjetà kbira ta’ opportunitajiet tagħha tgħinna biex nitħejjew aħjar għaċ-ċirkustanzi dejjem jinbidlu tal-ħajja, huma x’inhuma, irrispettivament kemm huma serji. Bħala membri tal-Knisja, aħna mħeġġin biex ngħaddsu rasna fi kliem Alla permezz tal-profeti tiegħu, dawk antiki u moderni. Permezz tat-talb sinċier u umli lil Missierna tas-Smewwiet, aħna nitgħallmu nagħrfu l-leħen tal-Ispirtu s-Santu. Aħna naċċettaw is-sejħa li nservu, ngħallmu, nippjanaw, nimministraw, u namministraw. Dawn l-opportunitajiet jagħtuna ċ-ċans li nikbru fl-ispirtu, fil-moħħ, u fil-karattru.

Huma jgħinuna nitħejjew biex nagħmlu u nħarsu patti sagri li jberkuna f’din il-ħajja u fil-ħajja li jmiss.

Ejjew, Ingħaqdu Magħna!

Aħna nistiednu lil ulied kollha ta’ Alla madwar id-dinja biex jingħaqdu magħna f’din il-ħidma kbira. Ejjew u Araw! Anke waqt dan iż-żmien ta’ sfida tal-COVID-19, iltaqgħu magħna onlajn. Iltaqgħu mal-missjunarji tagħna onlajn. Skopru intom stess dwar xiex tittratta din il-Knisja! Meta dan iż-żmien diffiċli jgħaddi, iltaqgħu magħna fi djarna u fil-postijiet ta’ qima tagħna!

Aħna nistednukom biex tiġu u tgħinu! Ejjew u servu magħna, imministraw lil ulied Alla, imxu fuq il-passi tas-Salvatur, u agħmlu mid-dinja post aħjar.

Ejjew u appartjenu! Intom tistgħu ssaħħuna. U intom issiru wkoll aktar twajbin, aktar ġentili, u aktar ferħanin. Il-fidi tagħkom tikber u ssir aktar b’saħħitha—aktar kapaċi tikkumbatti it-turbulenzi u l-isfidi bla mistenni tal-ħajja.

U kif nistgħu nibdew? Hemm diversi modi possibbli.

Nistednukom biex taqraw il-Ktieb ta’ Mormon. Jekk m’għandkomx kopja, tistgħu taqrawh fuq ChurchofJesusChrist.org4 jew tniżżluh mill-Book of Mormon app. Il-Ktieb ta’ Mormon hu testment ieħor ta’ Ġesù Kristu u jakkumpanja lit-Testment il-Qadim u l-Ġdid. Aħna nħobbu l-iskrittura mqaddsa kollha u nitgħallmu minnha.

Nistednukom biex tgħaddu ħin fuq ComeuntoChrist.org biex issiru tafu x’jgħallmu u x’jemmnu l-membri tal-Knisja.

Stiednu lill-missjunarji biex jiltaqgħu magħkom onlajn jew fil-privatezza ta’ djarkom fejn dan hu possibbli—huma għandhom messaġġ ta’ tama u fejqan. Dawn il-missjunarji huma wlied prezzjużi li minn flushom u minn ħinhom iservu f’bosta postijiet madwar id-dinja.

Fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu, intom issibu familja ta’ nies li ma tantx huma differenti minnkom. Intom se ssibu nies li jeħtieġu l-għajnuna tagħkom u li jridu jgħinukom hekk kif tagħmlu li tistgħu biex issiru l-aqwa verżjoni tagħkom infuskom

Is-Salvatur Jestedni t-Tgħannieqa Tiegħu lil Kulħadd

Intom tafu qed tgħidu, “Jiena żbaljajt f’ħajti. Minix ċert jekk qattx nista’ nappartjeni fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Alla mhux se jiteressa ruħu f’xi ħadd bħali.”

Kristu Ġesù, minkejja li Hu “is-sultan tas-slaten,”5 il-Messija, “Bin Alla l-ħaj,”6 jimpurtah verament minn kull wieħed u waħda minn ulied Alla. Hu ma jimpurtah bla ebda mod mill-pożizzjoni tal-persuna—hijiex fqira jew sinjura, hijiex imperfetta jew li turi l-fidi tagħha b’kuraġġ. Tul il-ħajja mortali tiegħu, is-Salvatur imministra lil kulħadd: lill-hienja u dawk li rnexxew, lill-muġugħa u l-mitlufin, u lil dawk mingħajr tama. Ħafna drabi, in-nies li lilhom Hu serva u imministra ma kenux individwi ta’ prominenza, sbuħija, jew rikkezzi. Ħafna drabi, in-nies li Hu għen ftit kellhom x’joffrulu lura ħlief gratitudni, qalb umli, u xewqa li jkollhom il-fidi.

Jekk Ġesù għadda l-ħajja mortali tiegħu jimministra lil “dawk iż-żgħar,”7 mhuwiex se jurihom imħabbtu anke fi żmienna? Fil-Knisja tiegħu m’hemmx post għall-ulied kollha ta’ Alla? Anke għal dawk li jħossuhom indenja, minsija, jew weħidhom?

M’hemm l-ebda livell ta’ perfezzjoni kif wieħed għandu jikseb biex ikun jista’ jikkwalifika għall-grazzja ta’ Alla. It-talb tagħkom m’għandux għalfejn ikun jgħajjat jew elokwenti jew grammatikament korrett biex jilħaq is-smewwiet.

Fil-verità, Alla m’għandux favuri8—l-affarijiet li għandhom valur għad-dinja ma jfissru xejn għalih. Hu jaf x’hemm f’qalbkom, u Hu jħobbkom irrispettivament mit-titlu tagħkom, kemm għandkom flus fil-bank, jew segwaċi fuq Instagram.

Hekk kif ninklinaw qlubna lejn Missierna tas-Smewwiet u nersqu lejh, aħna nħossuh jersaq lejna.9

Aħna l-ulied għeżież tiegħu.

Anke dawk li ma jaċċettawhx.

Anke dawk li, bħal tifel rasu iebsa u mqareb, iħossuhom irrabjati ma’ Alla u mal-Knisja tiegħu, jippakkjaw il-basktijiet tagħhom, u jitilqu jiġru ’l barra mill-bieb jiddikjaraw li telqin ’l hemm u qatt m’huma ġejjin lura.

Meta tifel jitlaq mid-dar, hu jista’ jkun li ma jinnotax lill-ġenituri nkwetati tiegħu jħarsu lejh mit-tieqa. B’qalb tenera, huma jaraw lil uliedhom telqin—jittamaw li uliedom il-prezzjużi jitgħallmu xi ħaġa minn din l-esperjenza ta’ qsim il-qalb u forsi jaraw il-ħajja minn lenti ġdida—u eventwalment jerġgħu lura d-dar.

L-istess hu Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna. Hu qed jistenna r-ritorn tagħna.

Is-Salvatur tagħkom, bi dmugħ ta’ mħabba u kompassjoni f’għajnejh, qed jistenna r-ritorn tagħkom. Anke meta tħossukom imbegħdin minn Alla, Huwa jarakom; Hu juri kompassjoni magħkom u jiġi jiġri biex iħaddankom miegħu.10

Ejjew u appartjenu.

Alla Jagħtina ċ-Ċans biex Nitgħallmu mill-Iżbalji Tagħna

Aħna pellegrini mexjin fit-triq tal-mortalità li qed infittxu b’ħerqa t-tifsira tal-ħajja u l-verità sħiħa. Ħafna drabi, kulma naraw hija t-triq ta’ quddiemna—ma nistgħux naraw fejn se jwassluna l-liwjiet li hemm fit-triq. Missier tas-Smewwiet kollu mħabba ma taniex kull tweġiba. Hu jistenna minna li aħna stess nippruvaw insibu x’għandna nagħmlu. Hu jistenna minna li nemmnu—anke meta jkun diffiċli nagħmlu dan.

Hu jistenna minna li nuru ftit determinazzjoni u nagħmlu ftit kuraġġ—inkunu nies ta’ sinsla—u nagħmlu pass ieħor ’il quddiem.

Dan hu l-mod kif nitgħallmu u nikbru.

Intom onestament tridu li jkollkom kollox spjegat sa l-anqas dettall? Tridu onestament li kull mistoqsija tagħkom tiġi mwieġba? Tiġu murija t-triq għal kull destinazzjoni?

Jien naħseb li ħafna minna nispiċċa ngħajjew malajr jekk nitmexxew minn Alla b’dan il-mod. Aħna nitgħallmu l-aktar lezzjonijiet importanti fil-ħajja permezz tal-esperjenza. Billi nitgħallmu mill-iżbalji tagħna. Billi nindmu u nirrealizzaw aħna stess li “il-ħażen qatt ma kien ferħ.”11

Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, miet ħalli l-iżbalji tagħna ma jikkundannawniex u ma jwaqqfux l-progress tagħna għal dejjem. Minħabba fih, aħna nistgħu nindmu, u l-iżbalji tagħna jistgħu jgħinuna niksbu glorja akbar.

M’għandkomx għalfejn timxu din it-triq weħidkom. Missierna tas-Smewwiet ma ħalleniex niġġerrew fid-dalma.

Għalhekk, fir-rebbiegħa tal-1820, Huwa deher ma’ ibnu, Ġesù Kristu, lit-tfajjel, Joseph Smith.

Aħsbu dwar dan għal ftit ħin! L-Alla tal-univers deher lil bniedem!

Dan kien l-ewwel fost il-ħafna laqgħat li Joseph kellu ma’ Alla u ma’ esseri divini oħra. Ħafna mill-kliem li tkellmu miegħu dawn l-esseri divini jinsabu miġburin fl-iskrittura tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Huma faċilment aċċessibbli. Kulħadd jista’ jaqrahom u jitgħallem għalih innifsu l-messaġġ li Alla għandu għalina fi żmienna.

Aħna nistednukom biex tistudjawhom intom stess.

Joseph Smith kien għadu żgħir meta rċieva dawn ir-rivelazzjonijiet. Ħafna minnhom waslu qabel hu kellu 30 sena.12 Hu kien nieqes mill-esperjenza, u għal xi nies, hu probabbilment deher li ma kienx jikkwalifika biex ikun il-profeta tal-Mulej.

Madankollu, il-Mulej sejjaħlu xorta waħda—mexa fuq il-mudell li nsibu tul l-iskrittura mqaddsa kollha.

Alla ma qagħadx jistenna xi persuna perfetta biex tirrestawra l-evanġelju tiegħu.

Kieku għamel hekk, Hu għadu qed jistenna.

Joseph kien jixbah ħafna lilkom u lili. Minkejja li Joseph għamel l-iżbalji, Alla użah biex iwettaq l-għanijiet kbar tiegħu.

Il-President Thomas S. Monson spiss kien itenni dan il-parir: “Lil dak li l-Mulej isejjaħ, il-Mulej jikkwalifika.”13

L-Appostlu Pawlu rraġuna mal-Qaddisin f’Korintu: “Ikkunsidraw is-sejħa tagħkom, ħuti: mhux ħafna minnkom kontu għaqlin skont l-istandard tad-dinja, mhux ħafna kontu setgħana, mhux ħafna kontu ta’ twelid nobbli.”14

Alla juża lid-dgħajfin u lis-sempliċi biex iġib fis-seħħ l-għanijiet tiegħu. Din il-verità tieqaf bħala testimonjanza li hija l-qawwa ta’ Alla, mhux tal-bniedem, li twettaq il-ħidma tiegħu fid-dinja.15

Isimgħuh, Imxu Warajh

Meta Alla deher lil Joseph Smith, Hu introduċa lill-Ibnu, Ġesù Kristu, u qal, “Isimgħu!”16

Joseph għadda l-kumplament ta’ ħajtu jisimgħu u jimxi warajh.

Bħal Joseph, id-dixxipulat tagħna jibda bid-deċiżjoni tagħna li nisimgħu u nimxu wara s-Salvatur Ġesù Kristu.

Jekk intom għandkom ix-xewqa li timxu warajh, saħħu l-fidi tagħkom u ġorru salibu.

Intom issibu li intom fil-fatt tappartjenu fil-Knisja tiegħu—post ta’ mħabba u merħba fejn intom tistgħu tissieħbu fit-tfittxija l-kbira tad-dixxipulat u l-ferħ.

Hi t-tama tiegħi li, f’din is-sena biċentinarja tal-Ewwel Viżjoni, hekk kif aħna nikkontemplaw u nitgħallmu dwar ir-Restawrazzjoni tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu, aħna nirrealizzaw li din ma kenitx sempliċiment ġrajja storika. Jien u intom għandna parti kruċjali x’nagħmlu f’din l-istorja kbira u kontinwa.

Għalhekk, x’inhi l-parti tiegħi u tagħkom?

Hi li nitgħallmu dwar Ġesù Kristu. Nistudjaw kliemu. Nisimgħuh u nimxu warajh billi nieħdu sehem b’mod attiv f’din il-ħidma kbira. Nistedinkom biex tiġu u tappartjenu!

M’hemmx għalfejn tkunu perfetti. Għandkom bżonn biss xewqa li tiżviluppaw il-fidi tagħkom u tersqu aktar viċin tiegħu kuljum.

Il-parti tagħna hi li nħobbu u nservu lil Alla u li nħobbu u nservu lil ulied Alla.

Hekk kif tagħmlu dan, Alla jdawwarkom permezz tal-imħabba, tal-ferħ, u tal-gwida tiegħu tul din il-ħajja, anke qalb l-aktar ċirkustanzi serji, u anke lil hinn.

Dwar dan jiena nixhed, u nħallikom bil-barka tiegħi bi gratitudni u mħabba kbira lejn kull wieħed u waħda minnkom, fl-isem sagru tas-Salvatur tagħna, l-Imgħallem tagħna—f’isem Ġesù Kristu, amen.

Ipprintja