Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 31: Id-Dmir Tagħna li Nxandru l-Evanġelju


Go Ye Therefore, [Morru, Mela] minn Harry Anderson

Ġesù talab lill-Appostli tiegħu biex jgħallmu l-evanġelju fil-dinja kollha.

Kapitlu 31

Id-Dmir Tagħna li Nxandru l-Evanġelju

Kif nistgħu ngħinu lill-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet biex jisimgħu l-evanġelju?

Missierna fis-Smewwiet Irid li Wliedu Kollha Jkunu Jafu l-Evanġelju

Missierna fis-Smewwiet iħobb lil uliedu kollha. Ilkoll kemm aħna importanti għalih, u lkoll nistgħu nsiru bħalu. Huwa jridna nerġgħu lura biex ngħixu miegħu u jkollna l-istess hena u glorja li għandu Hu.

Missierna fis-Smewwiet għandu pjan biex jgħin lilna lkoll ħalli nerġgħu lura biex ngħixu miegħu. Il-pjan jissejjaħ l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Meta nistudjaw l-evanġelju, aħna nitgħallmu kemm aħna importanti. Nitgħallmu għalfejn ninsabu hawn f’din id-dinja. Nitgħallmu wkoll fejn se mmorru meta li mmutu. Nitgħallmu x’għandna nagħmlu biex nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet.

Ġesù Kristu huwa ħuna bħala spirtu. Hu l-ewwel iben spirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet. Hu ġie fid-dinja bħala l-Iben il-Waħdieni ta’ Missierna fis-Smewwiet b’ġisem tal-laħam u l-għadam. Hu jħobbna tant li bata u miet għalina. Hu għallem dak li jridna nkunu nafu u nagħmlu Missierna fis-Smewwiet. Hu organizza l-Knisja tiegħu biex jgħinna. Hu ta s-saċerdozju tiegħu lil irġiel fid-dinja ħalli jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma tiegħu.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien hi l-unika knisja li għandha s-saċerdozju ta’ Missierna fis-Smewwiet u l-pjan veru tiegħu. Missierna fis-Smewwiet irid li n-nies kollha jitgħallmu dwar il-pjan tiegħu u jaċċettawh. L-ordinanzi tal-Knisja vera huma neċessarji għalina biex nerġgħu lura ħalli ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Missierna fis-Smewwiet qal lil kull membru tal-Knisja tiegħu biex jitkellem ma’ ħaddieħor dwar l-evanġelju. Il-profeti kollha minn żmien Adam ’l hawn iddedikaw parti kbira minn ħinhom biex jgħallmu l-evanġelju lil ħaddieħor. Huma qalulna li kull membru tal-Knisja għandu jkun missjunarju. Din hi parti mill-wegħda li aħna għamilna meta tgħammidna. Aħna wegħedna li se nitkellmu ma’ ħaddieħor dwar Ġesù kull meta nistgħu nagħmlu dan.

Diskussjoni

  • Għalfejn il-bnedmin kollha għandhom bżonn jisimgħu l-evanġelju?

  • Min għandu r-responsabbiltà li jgħallem l-evanġelju lil kulħadd?

Kull familja fil-Knisja għandha tifhem l-importanza li tgħallem l-evanġelju. Aħna nafu kemm hu importanti l-pjan tal-evanġelju. Għandu jimpurtana biżżejjed mill-oħrajn li nagħmlu dak kollu meħtieġ biex ngħinuhom jifhmu l-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet.

Il-membri tal-familja jistgħu jagħmlu ħafna affarijiet biex jgħinu lil ħaddieħor jitgħallem dwar l-evanġelju. Xi wħud minn dawn l-affarijiet huma:

  1. Tagħmlu affarijiet tajbin għal ħaddieħor.

  2. Tgħidu lil ħaddieħor li intom tħossukom kuntenti għaliex tobdu t-tagħlim tal-evanġelju.

  3. Tispjegaw l-evanġelju lill-ħbieb u lill-ġirien. Tistednuhom biex jiġu magħkom għal-laqgħat tal-Knisja.

  4. Tistiednu lil nies oħra f’darkom biex ikunu magħkom waqt il-lejla d-dar mal-familja jew meta l-missjunarji jkunu jistgħu jgħallmuhom.

  5. Tagħtu lill-missjunarji l-ismijiet u l-indirizzi tal-ħbieb jew tal-qraba tagħkom li jista’ jkun li jridu jitgħallmu dwar l-evanġelju.

  6. Tgħallmu lit-tfal dwar l-importanza li jservu bħala missjunarji. Tgħinuhom ifaddlu l-flus biex imorru missjoni.

  7. Tħallsu d-dieċmi tagħkom.

  8. Tagħtu l-flus lill-fond missjunarju.

Diskussjoni

  • Aħsbu f’xi mod kif tistgħu titkellmu dwar l-evanġelju ma’ xi ħadd li mhux membru tal-Knisja.

  • X’tista’ tagħmel il-familja tiegħek biex tgħin lil ħaddieħor jitgħallem dwar l-evanġelju?

Il-Familja Tiegħek Tista’ Tkun Parti mill-Ħidma Missjunarja Importanti tal-Knisja

Il-Knisja tagħna bagħtet eluf ta’ missjunarji biex jgħallmu l-evanġelju f’diversi pajjiżi. Ħafna minnhom huma żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-25 sena. Nies aktar anzjani wkoll iservu bħala missjunarji. Huma membri fidili u ubbidjenti tal-Knisja li għandhom xewqa li jservu lil Missierna fis-Smewwiet.

Hemm bżonn ta’ ħafna aktar missjunarji. Il-familja tiegħek tista’ tieħu sehem f’din il-ħidma importanti billi tħejji lil membri tal-familja biex imorru jservu missjoni. Il-ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom jiksbu testimonjanza tal-evanġelju u jitgħallmu kif għandhom jispjegaw l-evanġelju lil ħaddieħor. Huma jistgħu jgħallmu lil uliedhom biex iħobbu lin-nies ta’ kull kultura. Il-ġenituri għandhom iħejju wkoll lilhom infushom biex imorru missjoni wara li wliedhom ikunu kibru.

Ħafna nies għadhom ma semgħux dwar l-evanġelju. Xi wħud minnhom jgħixu f’pajjiżi fejn il-missjunarji qatt ma setgħu jmorru. Dawn in-nies għandu jkollhom l-opportunità li jisimgħu u jaċċettaw l-evanġelju. Missierna fis-Smewwiet se jipprovdi mod biex dan iseħħ. Aħna għandna nitolbuh biex il-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi jħallu lill-missjunarji jidħlu u jgħallmu lin-nies tagħhom.

Diskussjoni

  • Il-familji fil-Knisja kif iwettqu r-responsabbiltà tagħhom li jgħallmu l-evanġelju lin-nies kollha?

  • Għalfejn illum hemm bżonn ta’ aktar missjunarji?

Dawk li Jitkellmu ma’ Ħaddieħor dwar l-Evanġelju Jiksbu Barkiet Kbar

Missierna fis-Smewwiet iberikna jekk aħna jimpurtana biżżejjed mill-oħrajn li nitkellmu magħhom dwar l-evanġelju. Hu jberikna talli nobdu l-kmandament tiegħu u tal-ferħ li aħna nwasslu lil dawk li jaċċettaw l-evanġelju. Hu qalilna li aħna nkunu ferħanin jekk ngħinu mqar wieħed minn uliedu jitgħallem l-evanġelju u jerġa’ lura għandu. Il-ferħ tagħna jkun saħansitra akbar jekk aħna ngħinu ħafna minn uliedu jerġgħu lura għandu.

Diskussjoni

  • X’barkiet niksbu meta nwasslu l-evanġelju lil ħaddieħor?

  • Qatt esperjenzajt xi waħda minn dawn il-barkiet?