Kapitlu 14
L-Indiema
Meta nagħmlu affarijiet ħżiena nħossuna mdejqin. Kif nistgħu nerġgħu nkunu ferħanin wara li nkunu għamilna xi ħaġa ħażina?
Missierna fis-Smewwiet Ippjana Mod kif Aħna Nistgħu Negħlbu d-Dnub
Missierna fis-Smewwiet kien jaf li f’din id-dinja lkoll kemm aħna konna se nagħmlu affarijiet ħżiena. L-affarijiet ħżiena li nagħmlu huma dnubiet. Aħna nidinbu meta nagħmlu l-affarijiet li Alla qalilna biex ma nagħmlux. Aħna nidinbu wkoll meta ma nagħmlux l-affarijiet li Alla qalilna biex nagħmlu.
Missierna fis-Smewwiet ma jidnibx, u ma jippermettix illi n-nies li jidinbu jgħixu miegħu. Biex ngħixu miegħu jeħtieġ li nindmu minn dnubietna. Li nindmu jfisser li nħossuna dispjaċuti għal dnubietna u li nieqfu nagħmluhom.
Missierna fis-Smewwiet iħobbna. Hu ma jridx li dnubietna jżommuna milli mmorru lura għandu. Għalhekk Huwa ppjana mod kif jgħinna.
Missierna fis-Smewwiet bagħat lil Ġesù biex jgħinna nindmu minn dnubietna. Ġesù jgħallimna l-affarijiet li għandna nagħmlu biex nevitaw id-dnub. Huwa jagħtina wkoll il-qawwa biex nagħmlu dawn l-affarijiet. Meta aħna nemmnu fih u nimxu warajh, Hu jwettaq bidla f’qalbna biex aħna lanqas biss inkunu rridu naqgħu fid-dnub, iżda nkunu rridu nagħmlu biss it-tajjeb. Jekk aħna ma rridux inbatu għal dnubietna, jeħtieġ nemmnu f’Ġesù. Dawk li verament jemmnu f’Ġesù jindmu minn dnubiethom.
Meta aħna nemmnu f’Ġesù u nindmu, it-tbatija ta’ Ġesù tpatti għal dnubietna u aħna niġu mnaddfin. Aħna nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet peress li nkunu ndaf.
Missierna fis-Smewwiet Qalilna X’Għandna Nagħmlu biex Nindmu
Biex nindmu, jeħtieġ li nemmnu f’Ġesù u fl-affarijiet li Huwa għallem. Għandna nemmnu li Huwa bata għal dnubietna. Għandna nemmnu li Hu biss seta’ jpatti għal dnubietna. Għandna nemmnu li Hu jridna negħlbu dnubietna u li Hu jgħinna nagħmlu dan. Jeħtieġ naħdmu ħafna biex nagħmlu dak li jitlobna nagħmlu Hu.
Meta nindmu, aħna nħallu lil Ġesù jibdilna biex insiru kif iridna nkunu Hu. Aħna nieqfu nagħmlu affarijiet ħżiena u nibdew nagħmlu affarijiet tajbin. Jekk aħna għidna affarijiet li mhumiex vera, għandna nieqfu nagħmlu dan u ngħidu biss il-verità. Jekk aħna sraqna xi ħaġa, għandna nrodduha lura lil sidha u ma nerġgħu nisirqu xejn qatt aktar. Jekk ma mxejniex sew ma’ ħaddieħor, għandna nieqfu nagħmlu dan u nagħmlu magħhom għemejjel tajbin.
Meta nindmu aħna nagħmlu dan li ġej:
Nammettu magħna nfusna li aħna dnibna. Aħna nkunu nafu li qed nidinbu meta ma nkunux qed nobdu lil Missierna fis-Smewwiet. Meta nindmu, aħna ma nġibux skużi għall-affarijiet ħżiena li nagħmlu. Aħna nammettu li għamilna ħażin, u nkunu rridu ninbidlu.
Aħna nħossuna dispjaċuti għall-affarijiet ħżiena li għamilna. Meta nindmu, aħna nħossuna sinċerament imnikktin talli għamilna affarijiet ħżiena. Mhux sempliċiment ngħidu li qed jiddispjaċina għal dnubietna. Jeħtieġ li verament inħossuna dispjaċuti talli wettaqnihom u nkunu nixtiequ li ma wettaqnihomx. Inkunu rridu nagħmlu wkoll dak li jitlobna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet.
Aħna nieqfu nagħmlu affarijiet ħżiena. Jekk sempliċiment nammettu magħna nfusna li waqajna fid-dnub, u jekk ngħidu biss li qed jiddispjaċina, aħna ma nkunux indimna verament. Biex nindmu verament, jeħtieġ li nieqfu nagħmlu l-ħażin. Xi kultant mhux faċli li nieqfu, iżda Ġesù ġie fid-dinja biex jagħtina l-għajnuna li neħtieġu. Missierna fis-Smewwiet iridna nħallu lil Ġesù jgħinna għaliex dak hu l-uniku mod kif aħna nistgħu nipperfezzjonaw ruħna u nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Alla.
Aħna nistqarru dnubietna. Fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, li nistqarru jfisser li ngħidu lil Missierna fis-Smewwiet u lil xi mexxej tal-Knisja x’għamilna ħażin. Xi dnubiet li aħna nwettqu jaffettwaw biss lilna nfusna. Meta nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet, jeħtieġ ngħidulu dwar dawn id-dnubiet u nitolbuh jaħfrilna u jgħinna negħlbuhom. Jekk dnubietna jaffettwaw xi persuna oħra, għandna nistqarruhom ma’ dik il-persuna u ma’ Alla. Għandna nistqarru dnubiet ħżiena ħafna, bħal adulterju, mal-mexxej tagħna tal-Knisja, li jista’ jkun l-isqof* tagħna jew il-president tal- fergħa* tagħna.
Aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insewwu l-ħażin li nkunu għamilna. Meta nindmu, aħna nikkoreġu l-affarijiet ħżiena li nkunu għamilna. Per eżempju, jekk sraqna xi ħaġa mingħand xi ġar tagħna, għandna nroddu lura l-oġġett li aħna sraqna. Jekk l-oġġett li ħadna m’għadux aktar għandna, nagħtu ieħor floku jew inħallsu tiegħu.
Aħna naħfru d-dnubiet ta’ ħaddieħor. Missierna fis-Smewwiet talabna naħfru lil ħaddieħor. Jekk irridu li Hu jaħfrilna, jeħtieġ naħfru lil ħaddieħor. Jekk aħna nobogħdu lil ħaddieħor minħabba l-affarijiet ħżiena li huma għamlu u ma naħfrulhomx, Missierna fis-Smewwiet lilna ma jaħfrilniex għal dnubietna.
Aħna nippruvaw sinċerament nobdu l-kmandamenti kollha ta’ Ġesù tul ħajjitna kollha. Aħna nkomplu nibdlu dak li nagħmlu ħażin sakemm nagħmlu t-tajjeb. Nagħmlu dak kollu li nistgħu kuljum biex nikkoreġu l-affarijiet ħżiena li nagħmlu.
Jeħtieġ li aħna nindmu kull meta nagħmlu xi ħaġa ħażina. Jista’ jkun naħsbu li hu diffiċli nindmu issa stess. Jista’ jkun naħsbu li jkun aktar faċli li nindmu aktar tard, iżda dan mhux il-każ. Aktar ma nistennew aktar isir diffiċli li nindmu. Li noqogħdu nistennew li nindmu jżommna lura wkoll spiritwalment, għaliex Ġesù ma jkunx jista’ jgħinna nitgħallmu aktar dwar Missierna fis-Smewwiet u nitħejjew biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet jekk aħna ma nindmux mill-affarijiet ħżiena li nagħmlu. Kull meta aħna nirrealizzaw li qed nagħmlu xi ħaġa ħażina, għandna nindmu minnufih.
Ilkoll Kemm Aħna Nistgħu Nindmu
Ilkoll kemm aħna nistgħu nindmu. Xi kultant l-indiema taf tidher diffiċli wisq għalina. Nafu nħossu li qatt m’aħna se nkunu kapaċi negħlbu d-dgħjufijiet tagħna. Satana jridna nemmnu dan ħalli nkomplu nagħmlu affarijiet ħżiena. Jeħtieġ niftakru li aħna nistgħu nindmu. Dan ma nistgħux nagħmluh weħidna. Għandna bżonn l-għajnuna. Ilkoll kemm aħna wlied Missierna fis-Smewwiet, u Hu bagħat lil Ġesù biex jgħinna. Bl-għajnuna ta’ Ġesù aħna nistgħu nagħmlu dak kollu li talabna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet.
Ġesù jgħinna nindmu jekk aħna nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet għall-għajnuna ta’ Ġesù. Hu u Missierna fis-Smewwiet iriduna nagħmlu affarijiet tajbin. Huma ma jħobbux l-affarijiet ħżiena li aħna nagħmlu. Iżda Huma xorta waħda jħobbuna, anke meta nagħmlu affarijiet ħżiena. Huma jriduna nindmu ħalli Missierna fis-Smewwiet ikun jista’ jaħfrilna u nkunu nistgħu nkunu ferħanin.
Missierna fis-Smewwiet Jippremjana Meta Aħna Nindmu
Meta nuru l-fidi tagħna f’Ġesù u nindmu, Missierna fis-Smewwiet jaħfrilna kompletament. Ma jkollniex għalfejn noqogħdu ninkwetaw li se niġu kkastigati għal dnubietna. Mhux biss Huwa jaħfrilna; Hu jagħtina wkoll l-għajnuna ħalli aħna ma nkunux irridu nidinbu aktar iżda dejjem nagħmlu biss it-tajjeb. Ġesù jagħtina din l-għajnuna.
Għandna niftakru li aħna mhux se nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet f’ħakka t’għajn. Iżda hekk kif inkomplu neżerċitaw il-fidi tagħna f’Ġesù u nindmu minn dnubietna u nagħmlu li nistgħu biex nobdu lil Ġesù, Missierna fis-Smewwiet ikompli jaħfrilna dnubietna. Ġesù jkompli jgħinna. Aħna nsiru dejjem aktar bħal Missierna fis-Smewwiet. Eventwalment, aħna nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.
Meta nindmu, aħna nħossuna kuntenti. Aħna ma nħossuniex imnikktin minħabba l-affarijiet ħżiena li nkunu għamilna, iżda nħossuna ferħanin għax inkunu għelibna d-dgħjufijiet tagħna bl-għajnuna ta’ Ġesù. Hemmhekk nindunaw li aħna għandna l-qawwa li nirreżistu t-tentazzjoni u li nagħmlu affarijiet tajbin.