Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 26: L-Onestà


Kapitlu 26

L-Onestà

Missierna fis-Smewwiet hu onest f’dak kollu li jagħmel. Hu jrid li aħna nkunu onesti wkoll?

Missierna fis-Smewwiet Jgħidilna biex Inkunu Onesti f’Dak Kollu li Nagħmlu

Li tkun onest ifisser li tgħid il-verità. Li tkun onest ifisser li ma tigdibx jew ma tisraqx. Meta ngħidu affarijiet li mhumiex vera, aħna nkunu qed nigdbu. Meta ngħidu nofs verità, inkunu qed nigdbu. Meta nwasslu lin-nies biex jemmnu xi ħaġa li mhijiex vera, ma nkunux qed inkunu onesti.

Li tisraq ifisser li tieħu xi ħaġa li hi ta’ ħaddieħor mingħajr il-permess ta’ dik il-persuna. Li tieħu xi ħaġa minn xi ħanut mingħajr ma tħallas għaliha huwa serq. Missierna fis-Smewwiet qalilna biex ma nisirqux.

In-nies onesti jaħdmu iebes fis-sigħat kollha li għalihom qed jitħallsu. Jekk min iħaddem hu onest, huwa jħallas lill-impjegati tiegħu skont kemm jistħoqqilhom. In-nies onesti jitħallsu b’mod ġust għas-servizz tagħhom u għall-affarijiet li jbigħu. Jeħtieġ li nkunu onesti jekk irridu ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Satana jipprova jipperswadina biex inkunu diżonesti. Meta b’xi mod aħna nkunu diżonesti, aħna nkunu qed nimxu wara Satana. Satana iħobb il-gideb. Satana jridna naħsbu li hu għaqli li nkunu diżonesti. Hu jipprova jġegħelna naħsbu li aħna nkunu kuntenti meta nkunu diżonesti. Hu jridna naħsbu li mhuwiex dnub li tkun diżonest. Satana jridna nkunu diżonesti ħalli nħossuna mdejqin.

Missierna fis-Smewwiet għallimna biex inkunu onesti dejjem. Huwa jitnikket meta aħna nigdbu. Huwa jridna nkunu nafu li l-gideb huwa dejjem ħażin. Id-diżonestà hija dejjem ħażina u twassalna biex inkunu mdejqin.

Xi nies jisirqu l-affarijiet għaliex jaħsbu li għandhom dritt jeħduhom. Xi żgħażagħ iqarrqu fl-iskola biex jirċievu marki aħjar jew għax studenti oħra hekk jagħmlu. Xi nies jigdbu ħalli ħaddieħor jieħu impressjoni tajba tagħhom. L-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma tiġġustifika s-serq jew il-gideb. Meta aħna nġibu xi skuża talli nkunu gdibna, ma nkunux onesti.

Diskussjoni

  • X’inhi l-onestà?

  • Wara min inkunu qed nimxu jekk inkunu onesti?

Aħna Nistgħu Nkunu Onesti f’Dak Kollu Li Nagħmlu

Aħna nistgħu nkunu onesti billi jkollna l-kuraġġ li ngħidu l-verità, anke meta jkun diffiċli nagħmlu dan. Missierna fis-Smewwiet jgħinna nkunu onesti jekk nitolbuh. Hu jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jgħinna nagħżlu nkunu onesti. L-Ispirtu s-Santu jgħinna nkunu nafu li t-triq tal-onestà hija t-triq it-tajba.

Meta aħna nifhmu t-tagħlim ta’ Ġesù, inkunu rridu nkunu onesti f’dak kollu li nagħmlu. Ġesù għallimna li aħna wlied Missierna fis-Smewwiet u li aħna lkoll aħwa. Hu għallem li aħna nistgħu nkunu verament ferħanin biss meta nkunu onesti. Aħna ma nkunux f’paċi magħna nfusna jekk fid-dar tagħna jkollna xi ħaġa li mhux tagħna. Hu għallimna wkoll li jekk aħna jkollna l-fidi fih, nindmu, u nkunu verament onesti, aħna nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet u nkunu ferħanin għal dejjem.

Meta aħna nifhmu dan kollu, aħna nkunu rridu nkunu dejjem onesti. Ma nkunux irridu nigdbu ma’ ħaddieħor. Inkunu rridu nogħġbu lil Missierna fis-Smewwiet ħalli nerġgħu lura biex ngħixu miegħu. Inkunu rridu nammettu l-iżbalji tagħna u nikkoreġuhom ħalli Missierna fis-Smewwiet jaħfrilna.

Diskussjoni

  • Jekk inkunu gdibna mqar gidba żgħira, għalfejn jeħtieġ li nindmu?

  • Kif nistgħu nkunu onesti f’dak kollu li nagħmlu?

  • Missierna fis-Smewwiet kif jista’ jgħinna nkunu onesti?

Li Nkunu Onesti Jagħmilna Ferħanin

Meta nkunu onesti, aħna nħossuna tajbin. Missierna fis-Smewwiet hu kuntent bina. Aħna ma nħossuniex ħatja. Aħna nħossuna tajbin għaliex nafu li m’għandna xejn x’naħbu minn ħaddieħor. Ma jkollniex għalfejn ninkwetaw li xi ħadd se jkun jaf li gdibna.

Meta nkunu onesti aħna nsiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet. Aħna nafu li qed nippreparaw biex nerġgħu lura ħalli ngħixu miegħu. Meta nkunu onesti, ħaddieħor jafdana. Meta nkunu onesti, Missierna fis-Smewwiet jgħinna nagħmlu l-affarijiet li rridu nagħmlu li huma tajbin.

Diskussjoni

  • Kif inħossuna meta nkunu onesti?

  • Kif tkun id-dinja kieku kulħadd kien onest?