Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 35: Il-Ħajja wara l-Mewt


The City Eternal [Il-Belt Eterna] minn Keith Larson

Kristu għamilha possibbli għalina li ngħixu wara li mmutu.

Kapitlu 35

Il-Ħajja wara l-Mewt

Aħna kif nistgħu nippreparaw għall-ħajja li jmiss?

L-Ispirti Tagħna Jibqgħu Jgħixu wara li Mmutu

Aħna l-ulied spirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet. Meta konna ngħixu miegħu fis-smewwiet bħala spirti, aħna ma kellniex ġisem fiżiku. Kien parti mill-pjan tiegħu għalina li aħna nitwieldu f’din id-dinja u l-ispirti tagħna jirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam. L-ispirtu tagħna hu dak li jagħti l-ħajja lil ġisimna meta nkunu qed ngħixu f’din id-dinja.

L-istess kif it-twelid tagħna kien parti mill-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet għalina, parti oħra mill-pjan tiegħu hi li aħna mmutu. Meta mmutu, l-ispirtu tagħna jħalli ġisimna. Mingħajr l-ispirtu, il-ġisem m’għandu l-ebda ħajja u jitpoġġa f’qabar.

Iżda l-ispirtu tagħna kien jgħix qabel aħna twelidna, u se jkompli jgħix wara l-mewt. Meta aħna mmutu, l-ispirtu tagħna jmur fid-dinja tal-ispirti fejn hemm jistenna l-qawmien mill-imwiet, filwaqt li l-ġisem jibqa’ fil-qabar.

Fid-dinja tal-ispirti l-ispirtu tagħna se jkollu l-istess forma li kellu meta konna ngħixu f’din id-dinja b’ġisem tal-laħam u l-għadam. Għalhekk aħna se nkunu nidhru kif nidhru hawnhekk. Aħna se naħsbu bl-istess mod u nemmnu l-istess affarijiet li nemmnu hawnhekk. Dawk li huma twajbin f’din il-ħajja se jibqgħu twajbin. Dawk li kienu ħżiena se jibqgħu ħżiena. Wara li mmutu aħna se jkollna l-istess xewqat li kellna waqt li konna f’din id-dinja.

Diskussjoni

  • Minn fejn ġie l-ġisem spirtu tagħna?

  • X’jiġri minnu wara li aħna mmutu?

  • Kif ikun ġisem spirtu?

Id-Dinja tal-Ispirti Hi Post li Fih Naħdmu, Nitgħallmu, u Nistennew

Il-profeti ta’ Missierna fis-Smewwiet qalulna ħafna affarijiet dwar id-dinja tal-ispirti. Wieħed mill-postijiet jissejjaħ il-ġenna. Meta xi ħadd li aċċetta l-evanġelju u kien dixxiplu fidil ta’ Ġesù jmut, l-ispirtu tiegħu jmur fil-ġenna. Dan hu post fejn in-nies huma ferħanin u fil-paċi. Huma jinsabu ħielsa mill-inkwiet, min-niket, u mill-uġigħ. Huma jistgħu jagħmlu ħafna affarijiet utli, bħalli jgħallmu lil ħaddieħor dwar l-evanġelju jew jitgħallmu aktar dwaru huma stess.

Il-post l-ieħor jissejjaħ il-ħabs tal-ispirti. Hemmhekk se jkun hemm tliet tipi ta’ nies. Se jkun hemm dawk li f’din il-ħajja kienu ħżiena, dawk li għexu ħajja tajba iżda ma aċċettawx l-evanġelju, u dawk li qatt ma kellhom l-opportunità li jisimgħu l-evanġelju.

Il-profeti ta’ Missierna fis-Smewwiet qalulna li se jintbagħtu missjunarji minn fost it-twajbin li jkun hemm fid-dinja tal-ispirti biex huma jgħallmu l-evanġelju lill-ispirti kollha tan-nies mejtin. Ħafna se jaċċettaw l-evanġelju u jindmu. Se jitwettqu għalihom ċerti ordinanzi tas-salvazzjoni neċessarji minn nies ħajjin fit-tempji ta’ Missierna fis-Smewwiet. Qraba jew membri oħra tal-Knisja jagħmlu dawn l-ordinanzi għalihom. Imbagħad huma jkunu jistgħu joħorġu mill-ħabs tal-ispirti. B’dan il-mod, Missierna fis-Smewwiet jipprovdi opportunità biex uliedu kollha jirċievu l-barkiet tal-evanġelju irrispettivament meta huma għexu f’din id-dinja.

Eventwalment kull min se jkun fid-dinja tal-ispirti se jqum mill-imwiet. Fil-qawmien mill-imwiet, l-ispirtu u l-ġisem se jerġgħu jingħaqdu flimkien. Minkejja li meta kien fil-qabar il-ġisem tmermer u sar trab, hu jsir ġisem immortali u perfett. L-iskrittura tgħid li lanqas xagħra waħda minn rasna mhi se tintilef u li kollox se jiġi rrestawrat fil-qafas xieraq u perfett tiegħu.

Fil-qawmien mill-imwiet, il-ġisem u l-ispirtu se jingħaqdu flimkien, fejn huma qatt aktar ma jerġgħu jiġu separati. Permezz tal-Imħabba tiegħu u tas-sagrifiċċju l-kbir tal-Espjazzjoni tiegħu għalina, Ġesù ta dan ir-rigal meraviljuż tal-qawmien mill-imwiet lil kull bniedem li qatt għex f’din id-dinja.

Diskussjoni

  • Tista’ ssemmi żewġ diviżjonijiet li hemm fid-dinja tal-ispirti?

  • Min se jkun hemm fil-ġenna? X’se jkunu qed jagħmlu l-ispirti fil-ġenna?

  • Min se jkun hemm fil-ħabs tal-ispirti? Hemmhekk x’se jkun qed jiġri?

Aħna Se Niġu Ġġudikati fil-Ġudizzju Finali

Aħna niġu ġġudikati diversi drabi fil-ħajja eterna tagħna. Aħna ġejna ġġudikati meta konna għadna ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet biex nuru jekk konniex denji li niġu f’din id-dinja u niksbu ġisem. Aħna niġu ġġudikati f’din id-dinja biex nuru jekk aħniex denji li nitgħammdu. L-irġiel jiġu ġġudikati biex juru jekk humiex denji li jingħataw is-saċerdozju. Aħna niġu ġġudikati biex nuru jekk aħniex denji li nidħlu fit-tempju biex nirċievu barkiet speċjali. Wara li mmutu, aħna niġu ġġudikati, u l-premju li nirċievu jiddependi minn kif għexna f’din id-dinja.

Wara li nqumu mill-mewt, aħna nittieħdu quddiem Missierna fis-Smewwiet biex niġu ġġudikati għall-aħħar darba. Dan jissejjaħ l-Aħħar Ġudizzju. Dan l-aħħar ġudizzju jiddeċiedi fejn se mmorru ngħixu għal dejjem. Aħna niġu ġġudikati skont l-affarijiet li ngħidu u li nagħmlu u li naħsbu f’din il-ħajja. Se niġu ġġudikati skont kemm imxejna tajjeb wara t-tagħlim ta’ Ġesù. Se niġu ġġudikati skont reġistri li nżammu kemm f’din id-dinja kif ukoll fis-smewwiet. Missierna fis-Smewwiet se jqabbad lil Ġesù biex jiġġudikana.

Ġesù jħobbna ħafna, iżda Hu mħallef ġust u jeħtieġ li jiġġudikana skont it-tip ta’ ħajja li aħna għexna. Dak kollu li aħna ħsibna jew għidna jew għamilna jiġi rreġistrat, kemm f’moħħna kif ukoll fir-reġistri li jinżammu. Ġesù jaf l-għemejjel tagħna kollha, u meta aħna se nieqfu quddiemu aħna se niftakruhom, ukoll.

Diskussjoni

  • Semmi xi mumenti li fihom aħna niġu ġġudikati.

  • X’inhuma wħud mill-affarijiet li għalihom se niġu ġġudikati?

Aħna Niddeċiedu permezz tal-Għemejjel Tagħna ta’ Kuljum X’Se Jiġri Minna Wara li Mmutu

Jekk f’ħajjitna nagħmlu dak li hu tajjeb, aħna nkunu qed nippreparaw lilna nfusna biex ngħixu għal dejjem ma’ Missierna fis-Smewwiet u man-nies twajbin tad-dinja. Jekk aħna ma nkunux imxejna wara l-kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet, aħna nħossuna verament ħażin meta nieqfu quddiem Ġesù biex niġu ġġudikati.

Il-Profeti qalu li kliemna, ħsibijietna, u l-għemejjel kollha tagħna se jikkundannawna jekk ma kinux tajbin. Huma qalu li l-ħżiena lanqas biss ikunu jridu juru wiċċhom u huma se jħossu fihom ħtija kbira meta jieqfu quddiem Ġesù u jkunu jixtiequ jinħbew mill-preżenza tiegħu.

Għalhekk għal kull bniedem li għex f’din id-dinja, il-jum tal-Aħħar Ġudizzju jew se jkun jum meraviljuż jew inkella jum ta’ niket. Aħna għandna nippreparaw għal dan il-mument li għandu jiġi ħalli l-jum tagħna jkun jum ta’ ferħ. Aħna rridu li nkunu nistgħu nieqfu quddiem Missierna fis-Smewwiet mingħajr ma jkollna naħbu wiċċna u li lilu nisimgħuh jgħidilna li Hu japprova dak li aħna għamilna f’ħajjitna.

Aħna għandna naħsbu dwar dan l-aħħar ġudizzju. Għandna nkunu fidili lejn Ġesù Kristu u nkomplu nindmu minn dnubietna sat-tmiem ta’ ħajjitna ħalli nkunu lesti għal dak il-mument. Dan hu l-uniku mod kif aħna nistgħu nkunu ħielsa minn kull dnub meta jasal dak iż-żmien. Jekk aħna għandna l-fidi f’Ġesù Kristu u nindmu minn dnubietna kollha, Missierna fis-Smewwiet jaħfrilna dnubietna u jgħinna nitnaddfu kompletament minn kull dnub. Jekk aħna fidili lejn Ġesù Kristu, aħna ngħaddu ħajjitna nagħmlu t-tajjeb, naħsbu ħsibijiet tajbin, u ngħidu kliem tajjeb. Aħna nevitaw ċerti nies, kotba, u postijiet li jwassluna biex naħsbu ħsibijiet ħżiena jew li b’xi mod nagħmlu l-ħażin.

Missierna fis-Smewwiet iħobb lil kull wieħed u waħda minna u jridna ngħixu b’tali mod li nkunu denji biex nerġgħu lura fil-preżenza tiegħu. Jekk aħna nixtiequ ngħixu miegħu u man-nies twajbin li aħna nħobbu, jeħtieġ li jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu u nagħmlu l-affarijiet li jitlobna nagħmlu Hu. Jeħtieġ ukoll ngħinu lill-familji tagħna biex jgħixu ħajja tajba. Missierna fis-Smewwiet jgħinna nagħmlu dan. Huwa tana l-evanġelju biex jurina x’għandna nagħmlu u qalilna li nistgħu nitolbuh biex jgħinna.

Diskussjoni

  • Għalfejn il-ħsibijiet u l-għemejjel tagħna ta’ kuljum huma daqstant importanti?

  • X’tista’ tagħmel biex ittejjeb ħsibijietek, kliemek, u għemilek?

  • Għalfejn għandna bżonn l-għajnuna ta’ Missierna fis-Smewwiet biex insiru perfetti?

  • Għalfejn hu biss permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu li aħna nistgħu niġu ġġudikati li aħna denji biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet?