Kapitlu 8
Nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet
Missierna fis-Smewwiet iħobbna ħafna. Hu għamel mod kif aħna nistgħu nitkellmu miegħu kull meta rridu nagħmlu dan. Kif nistgħu nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet?
Aħna Nistgħu Nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet
Li nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet jissejjaħ talb. Minkejja li Missierna fis-Smewwiet jgħix fis-smewwiet, aħna nistgħu nitkellmu miegħu, u Hu jismagħna. Huwa jrid jgħinna. Huwa talabna biex nitkellmu miegħu. Meta nitkellmu miegħu, Hu jgħinna nagħmlu l-affarijiet li huma tajbin għalina li nagħmlu.
Nistgħu nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet dwar l-affarijiet li naħsbu dwarhom. Nistgħu ngħidulu li nħobbuh. Nistgħu ngħidulu li aħna grati għall-affarijiet li Huwa tana. Nistgħu nitolbuh biex jgħinna.
Nistgħu nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet kull meta jkollna bżonn inkellmuh. Għandna nitkellmu miegħu meta nkunu weħidna. Meta nkunu weħidna nistgħu nitkellmu miegħu dwar is-sentimenti u l-problemi personali tagħna. Għandna nitkellmu miegħu għallinqas kull filgħodu u filgħaxija.
Għandna nitkellmu miegħu wkoll flimkien mal-familja tagħna. Nistgħu nagħmlu dan kull filgħodu u filgħaxija. Nistgħu nagħmlu dan ukoll qabel kull ikla meta nirringrazzjawh għall-ikel tagħna.
Missierna fis-Smewwiet ma jridna qatt nieqfu nitkellmu miegħu. Hu dejjem se jħobbna u jrid jgħinna. Anke meta nagħmlu affarijiet ħżiena, Hu jħobbna xorta waħda. Hu jismagħna u jgħinna.
Missierna fis-Smewwiet Qalilna Kif Għandna Nitkellmu Miegħu
Meta nitolbu, għandna ngħidu lil Missierna fis-Smewwiet l-affarijiet li verament inħossu u għandna bżonn. M’għandniex ngħidu l-istess kliem kull darba li nitkellmu miegħu. M’għandniex għalfejn noqogħdu nkantaw jew ngħajtu.
Huwa qalilna kif għandna nitkellmu miegħu. Għandna nitkellmu direttament miegħu, u ngħidu: “Missierna fis-Smewwiet,” jew xi kliem simili. Għandna nitkellmu miegħu b’imħabba u rispett.
Wara, għandna nirringrazzjawh għall-affarijiet li Hu għamel għalina.
Dawn huma xi wħud mill-affarijiet li għandna nirringrazzjawh għalihom:
-
Għandna nirringrazzjawh għad-dinja sabiħa u għall-ikel, għall-ilbies, u għall-affarijiet l-oħra tagħna.
-
Għandna nirringrazzjawh għat-tagħlim tiegħu u għall-abbiltà tagħna li nitgħallmu aktar dwaru.
-
Għandna nirringrazzjawh għall-familja u l-ħbieb tagħna, għas-saħħa tagħna, u għall-impjieg tagħna.
Imbagħad nitolbuh għall-affarijiet li għandna bżonn. Dawn huma xi wħud mill-affarijiet li jista’ jkun li rridu nitolbuh għalihom:
-
Nistgħu nitolbuh biex jgħinna nkunu nafu liema affarijiet huma vera u liema mhumiex.
-
Nistgħu nitolbuh jipproteġi lilna u lill-familja u l-ġirien tagħna.
-
Nistgħu nitolbuh jgħinna nagħmlu l-affarijiet li jridna nagħmlu.
-
Nistgħu nitolbuh jgħinna nagħżlu li nagħmlu affarijiet tajbin.
-
Nistgħu nitolbuh biex jgħinna nindmu minn dnubietna.
-
Nistgħu nitolbuh jgħinna biex niksbu biżżejjed ikel għal dik il-ġurnata.
-
Nistgħu nitolbuh jgħinna nsolvu l-problemi tagħna.
-
Nistgħu nitolbuh jgħin lill-familja jew lill-ħbieb tagħna biex isolvu xi problemi li għandhom.
Għandna nagħlqu t-talb tagħna billi ngħidu, “F’isem Ġesù Kristu, amen.” Dan ifakkarna biex niftakru li Ġesù huwa s-Salvatur tagħna. Ġesù jaħdem taħt id-direzzjoni ta’ Missierna fis-Smewwiet biex jgħinna b’dak kollu li neħtieġu. Aħna għandna nsemmu isem Ġesù b’rispett.
Missierna fis-Smewwiet Dejjem Jisma’ Talbna
M’għandux ikollna dubju li Missierna fis-Smewwiet jismagħna. Huwa jaf liema huma l-aħjar affarijiet li għandu jkollna. Hu dejjem jinsab lest biex jgħinna.
Ħafna drabi Missierna fis-Smewwiet iwieġeb talbna permezz tal-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu s-Santu jgħinna nifhmu l-affarijiet li hemm bżonn inkunu nafu u nagħmlu. Xi kultant l-Ispirtu s-Santu jqanqal lil xi persuna oħra biex tgħinna.
Aħna għandna nkunu lesti li naċċettaw it-tweġibiet li jagħtina Missierna fis-Smewwiet. Jista’ jkun li Hu ma jagħtiniex l-affarijiet li nitolbuh għalihom. Jista’ jkun li ma jweġibniex bil-mod li nkunu qed nistennew. Iżda Hu jaf x’inhu tajjeb għalina.
Aħna Nsiru Nies Aħjar billi Nitolbu
Jista’ jkun li aħna ma nafux x’inhuma l-aħjar affarijiet li għandna nagħmlu. Jista’ jkun qed nibżgħu. Jista’ jkun ma nafux kif għandna nsolvu l-problemi tagħna. Jista’ jkun ma nafux liema affarijiet huma vera u liema mhumiex. Jista’ jkun li nafu liema huma l-aħjar affarijiet li għandna nagħmlu iżda m’aħniex b’saħħitna biżżejjed biex nagħmluhom.
Meta nitkellmu ta’ spiss ma’ Missierna fis-Smewwiet, Hu jgħinna bil-problemi tagħna. Hu jgħinna nkunu nafu u nagħmlu l-affarijiet tajbin. Meta aħna nkunu nafu u nagħmlu l-affarijiet tajbin, aħna nsiru nies aħjar. Aħna nsiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet.