Kapitlu 19
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu Llum
Illum fejn nistgħu nsibu l-evanġelju veru ta’ Ġesù Kristu?
Għal Ħafna Snin il-Knisja ta’ Ġesù Kristu Ma Kinitx fid-Dinja
Ġesù organizza l-Knisja tiegħu meta kien f’din id-dinja. Il-Knisja tiegħu baqgħet fid-dinja għal xi żmien wara li Hu reġa’ lura fis-smewwiet. Meta n-nies ma baqgħux jgħallmu u jemmnu t-tagħlim veru tiegħu, Ġesù ħa lura s-saċerdozju u l-knisja tiegħu mid-dinja.
Għal ħafna snin in-nies għexu mingħajr l-evanġelju veru u l-Knisja vera ta’ Ġesù Kristu. In-nies organizzaw ħafna knejjes, ibbażati fuq l-ideat tagħhom u xi ftit tagħlim mill-Bibbja. Iżda dawn il-knejjes ma kellhomx is-saċerdozju ta’ Missierna fis-Smewwiet. Huma ma kellhomx it-tagħlim kollu ta’ Ġesù. Huma ma kellhomx ir-rivelazzjoni kontinwa mingħand Ġesù. Huma ma kellhomx id-doni spiritwali kollha.
In-nies riedu jkunu jafu l-verità dwar Missierna fis-Smewwiet. Huma bdew ifittxu l-verità dwar Missierna fis-Smewwiet u t-tagħlim tiegħu. Xi wħud minnhom irrealizzaw li l-evanġelju veru u l-Knisja vera ta’ Ġesù Kristu ma kinux aktar fid-dinja. Missierna fis-Smewwiet kien jaf li kien wasal iż-żmien biex jirrestawra l-evanġelju veru u l-Knisja vera ta’ Ġesù Kristu fid-dinja.
Missierna fis-Smewwiet Żamm il-Wegħda Tiegħu li Jġib Lura l-Knisja Vera
Missierna fis-Smewwiet iħobb lil uliedu kollha. Hu jridhom ikunu jafu x’għandhom jagħmlu biex jerġgħu jgħixu miegħu wara li jmutu u jqumu mill-mewt. Qabel ma neħħa l-Knisja vera ta’ Ġesù Kristu mid-dinja, Ġesù qal lill-profeti u lill-Appostli x’kien se jiġri. Huwa wiegħed ukoll li xi darba Hu kien se jirrestawra l-Knisja fid-dinja. Hu kien se jagħmel dan meta fid-dinja jerġa’ jkun hawn nies li huma lesti li jirċievu l-evanġelju veru.
Ġesù Rrestawra l-Knisja Tiegħu fid-Dinja
Ġesù rrestawra l-Knisja tiegħu fid-dinja bl-istess awtorità u barkiet li kellha l-Knisja li Hu organizza meta kien jgħix f’din id-dinja. Kull bniedem li hu lest li jobdi l-kmandamenti tiegħu jista’ jsir membru tal-Knisja tiegħu.
Missierna fis-Smewwiet Għażel lil Joseph Smith biex Jgħin Jirrestawra l-Knisja
Fis-sena 1820, Ġesù beda jirrestawra l-evanġelju veru u l-Knisja vera fid-dinja. Wieħed żagħżugħ jismu Joseph Smith ried ikun jaf liema knisja kienet il-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Fil-Bibbja huwa qara li jekk xi ħadd ried ikun jaf xi ħaġa kellu jistaqsi lil Missierna fis-Smewwiet. Hu ddeċieda li jistaqsi lil Missierna fis-Smewwiet ma’ liema knisja kellu jingħaqad. Huwa mar fil-bosk ħdejn id-dar tiegħu u talab lil Missierna fis-Smewwiet biex ikun jaf ma’ liema knisja kellu jingħaqad. Missierna fis-Smewwiet u Ġesù dehru lil Joseph Smith. Missierna fis-Smewwiet qal lil Joseph biex jisma’ milli kellu xi jgħidlu Ġesù u jobdih. Imbagħad Ġesù qal lil Joseph biex ma jingħaqad ma’ l-ebda knisja. Huwa qal li l-vera Knisja ma kinitx fid-dinja.
Rivelazzjoni bħal din mingħand Missierna fis-Smewwiet kienet ilha ma tingħata minn meta l-evanġelju veru u l-Knisja vera ta’ Ġesù Kristu ttieħdu mid-dinja. Minn dik ir-rivelazzjoni ’l hawn, ingħataw bosta rivelazzjonijiet oħra. Missierna fis-Smewwiet għażel lil Joseph Smith biex jirrappreżentah fid-dinja. Ġesù rrestawra l-evanġelju veru u l-Knisja vera ta’ Ġesù Kristu permezz ta’ Joseph Smith.
Is-Saċerdozju Ġie Rrestawrat
Is-saċerdozju ġie rrestawrat fid-dinja fl-1829. Ġwanni l-Battista ġie mis-smewwiet u ta ftit mill-awtorità tas-saċerdozju lil Joseph Smith billi poġġa jdejh fuq ras Joseph. Din l-awtorità tas-saċerdozju tissejjaħ is-Saċerdozju ta’ Aron. Ġwanni l-Battista, li rrestawra din l-awtorità tas-saċerdozju, kien l-istess bniedem li għammed lil Ġesù. Ġew ukoll Pietru, Ġakbu u Ġwanni, tlieta mill-ewwel Appostli ta’ Ġesù, u taw aktar awtorità tas-saċerdozju lil Joseph. Din l-awtorità tas-saċerdozju tissejjaħ is-Saċerdozju ta’ Melkisedek.
Ġew ukoll profeti oħra, fosthom Mosè u Elija, u huma taw lil Joseph Smith l-awtorità li jwettaq ħidmiet oħra sagri. L-awtorità mingħand Missierna fis-Smewwiet biex wieħed jgħallem l-evanġelju, iwettaq ħidmiet sagri, u jmexxi l-Knisja reġgħet tinsab fid-dinja.
Ġesù Reġa’ Organizza l-Knisja Tiegħu
Permezz tar-rivelazzjoni, Ġesù dderieġa lil Joseph Smith biex jerġa’ jorganizza l-Knisja tiegħu, fis-6 ta’ April, 1830. Ġesù kien il-kap tal-Knisja tiegħu meta Hu kien jgħix f’din id-dinja. Huwa l-kap tal-Knisja tiegħu llum. Il-membri tal-Knisja tiegħu għadhom jissejħu Qaddisin.
Illum Ġesù semma l-Knisja tiegħu Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Il-kliem l-Aħħar Żmien jindika li din hi l-Knisja ta’ Ġesù Kristu fi żminijiet aktar riċenti fid-dinja. Ġesù qal li din il-Knisja hija l-unika Knisja vera fid-dinja kollha u li Hu kuntent ħafna biha.
Ġesù jagħżel profeta biex imexxi l-Knisja fid-dinja. Ġesù jmexxi lil dan il-profeta. Huwa jagħti lil dan il-profeta l-awtorità li jmexxi l-Knisja. Joseph Smith kien l-ewwel profeta tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Il-profeta tal-Knisja jissejjaħ ukoll il-President tal-Knisja. Il-President għandu rġiel oħra biex jgħinuh. Huma jissejħu Kunsilliera. Meta jmut il-profeta, Ġesù jagħżel profeta ġdid biex jieħu postu.
Ġesù jagħżel ukoll tnax-il Appostlu biex jgħinu fit-tmexxija tal-Knisja. Irġiel oħra magħżulin biex ikunu membri tal-Kworum tas-Sebgħin jgħinu lill-Appostli u lill-President. Hemm ukoll irġiel u ġuvintur oħra twajbin li jirċievu s-saċerdozju u jservu fil-Knisja. Huma jissejħu bħala qassisin il-kbar, presbiteri, isqfijiet, qassisin, għalliema, u djakni, l-istess kif kienu jissejħu fil-Knisja ta’ qabel ta’ Ġesù Kristu.
Ġesù qal lil Joseph Smith kif għandha tiġi organizzata l-Knisja tiegħu. Meta l-Knisja tiġi organizzata kompletament f’xi reġjun, dak ir-reġjun jiġi magħruf bħala wited.* Il-wited jitmexxa minn president. Hu għandu żewġ kunsilliera biex jgħinuh.
Wited hu maqsum f’zoni iżgħar. Dawn iz-zoni huma magħrufin bħala oqsma.* Il-qasam jitmexxa minn mexxej tas-saċerdozju li jissejjaħ isqof. Hu għandu żewġ kunsilliera biex jgħinuh.
F’reġjuni li fihom l-utied għadhom ma ġewx organizzati, jista’ jkun hemm distretti,* li huma magħmulin minn fergħat. Il-fergħat jitmexxew minn president u żewġ kunsilliera. Reġjuni li fihom hemm ħafna missjunarji li qed jgħallmu l-evanġelju jissejħu missjonijiet.*
Irġiel Li Għandhom is-Saċerdozju Jiġu Organizzati fi Kworums
Irġiel li jħaddnu s-saċerdozju jiġu organizzati fi gruppi jissejħu kworums. Kworum tas-saċerdozju huwa grupp ta’ rġiel li jħaddnu l-istess uffiċċju fis-saċerdozju. Huma jingħaqdu flimkien biex jgħinu lil xulxin u lil ħaddieħor.
Illum il-Knisja Hi Organizzata bl-Istess Mod bħall-Knisja Li Organizza Ġesù Meta Kien f’Din id-Dinja
Ġesù Għadu Jmexxi l-Knisja Tiegħu Permezz tar-Rivelazzjoni
Permezz tal-Ispirtu s-Santu, Ġesù jgħid lill-profeta kif għandu jmexxi l-Knisja. Lill-Appostli u lil mexxejja oħra tal-Knisja Hu jiżvelalhom ukoll xi jridhom jagħmlu. Permezz tar-rivelazzjoni, Ġesù jiggwida kontinwament lill-membri tal-Knisja tiegħu.
Kulħadd Jista’ Jsir Membru tal-Knisja
Illum kulħadd jista’ jsir membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu bl-istess mod kif in-nies ingħaqdu mal-Knisja tiegħu meta Hu kien jgħix f’din id-dinja. Il-persuna jeħtieġ li jkollha l-fidi f’Ġesù u tindem. Il-persuna jeħtieġ li titgħammed. Wara li l-persuna titgħammed, hi tirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu.
Illum il-Membri tal-Knisja Jirċievu Doni Spiritwali
Ġesù dejjem jagħti doni spiritwali lill-membri tal-Knisja tiegħu. Dawn il-qawwiet spiritwali jinsabu fil-Knisja llum.
Ġesù Rrestawra t-Tagħlim Veru Tiegħu
Ġesù rrestawra t-tagħlim li ġie mgħallem minnu u mill-Appostli tiegħu. It-tagħlim bażiku huwa l-fidi f’Ġesù Kristu, l-indiema, il-magħmudija, u d-don tal-Ispirtu s-Santu. Xi veritajiet importanti li Ġesù ta lill-Knisja tiegħu huma:
-
Missierna fis-Smewwiet għandu ġisem tal-laħam u l-għadam.
-
Aħna wlied spirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet. Aħna għexna miegħu fis-smewwiet bħala spirti qabel twelidna f’din id-dinja.
-
Aħna se niġu kkastigati biss għal dnubietna u mhux għal dak li għamel Adam. Ħafna nies jemmnu li peress li Adam u Eva kielu mill-frotta pprojbita, aħna, uliedhom, nitwieldu bid-dnub. Dan mhux veru. It-tfal jitwieldu mingħajr ebda dnub. Huma innoċenti. Għalhekk, huma m’għandhomx għalfejn jitgħammdu qabel ma jkollhom tmien snin.
-
Raġel jeħtieġ li jkollu s-saċerdozju biex ikun jista’ jwettaq l-ordinanzi* (ara kapitlu 21) tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu Qatt Mhu Se Terġa’ Tittieħed mid-Dinja
Illum li l-vera Knisja ta’ Ġesù Kristu, l-awtorità tas-saċerdozju, u l-evanġelju ġew irrestawrati fid-dinja, huma qatt mhu se jerġgħu jittieħdu mid-dinja. Missierna fis-Smewwiet qal li Hu kien se jistabbilixxi saltna li qatt mhu se tinqered. Din is-saltna hi Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Hi se tibqa’ għal dejjem.
Huma ħafna n-nies li ngħaqdu mal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Hawn membri tal-Knisja f’ħafna mill-pajjiżi tad-dinja. Aktar u aktar nies se jkomplu jingħaqdu mal-Knisja. L-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet se jisimgħu l-evanġelju u se jkollhom ċans li jaċċettawh.