Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 21: Ordinanzi


Kapitlu 21

Ordinanzi

X’jistgħu jagħmlu l-irġiel u s-subien bis-saċerdozju?

Permezz tas-Saċerdozju, l-Irġiel Għandhom l-Istess Awtorità li Jwettqu l-Ordinanzi li Kellu Ġesù

L-ordinanzi huma ċerimonji sagri mwettqa minn dawk li ngħataw l-awtorità tas-saċerdozju. Il-magħmudija, il-konferma, it-tqegħid tal-idejn għall-fejqan tal-morda, u t-tberik u l-għotja tas-sagrament huma wħud mill-ordinanzi.

Meta Ġesù kien f’din id-dinja, Huwa wettaq ordinanzi biex jgħin lin-nies. Hu fejjaq lill-morda u ġab lill-għomja jaraw. Hu ta s-smigħ lit-torox u saħansitra ġab lura għall-ħajja lill-mejtin. Hu ta s-sagrament lid-dixxipli tiegħu.

Lill-irġiel li jħaddnu s-saċerdozju Ġesù tahom il-qawwa u l-awtorità li jwettqu l-ordinanzi. L-irġiel u s-subien denji li jħaddnu s-saċerdozju jistgħu jwettqu l-ordinanzi. Huma jwettqu l-ordinanzi biex iberkuna u jgħinuna ħalli nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet. L-ordinanzi jgħinuna nitħejjew biex nerġgħu lura u ngħixu miegħu.

Peress li Ġesù ta s-saċerdozju lill-irġiel li jgħixu llum fid-dinja, aħna nistgħu nirċievu ħafna barkiet f’ħajjitna. Aħna nistgħu nitgħammdu, nirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu, u niġu ssiġillati mal-familji tagħna għal dejjem.

Il-presidenti tal-kworum għandhom jgħallmu lill-membri tal-kworums tagħhom kif iwettqu l-ordinanzi. Jekk raġel li għandu s-saċerdozju jkun se jwettaq ordinanza u ma jafx kif, għandu jitlob lill-president tal-kworum tiegħu biex jgħallmu.

Diskussjoni

  • Għalfejn jitwettqu l-ordinanzi?

The Last Supper, [L-Aħħar Ikla] minn Carl Heinrich Bloch

Ġesù waqqaf is-sagrament fl-Aħħar Ikla mal-Appostli tiegħu.

L-Ordinanzi Jiġu Mwettqa biex Jgħinuna

Il-Magħmudija

Il-magħmudija hija l-ewwel ordinanza tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Qabel jitgħammdu, in-nies jeħtieġ li jkollhom il-fidi f’Ġesù, jindmu minn dnubiethom, u jkunu jridu jagħmlu l-affarijiet li għallem Ġesù.

Min għandu s-saċerdozju biss jista’ jgħammed lil ħaddieħor. Biex jgħammed persuna, hemm bżonn li hu jkollu l-permess tal-isqof jew tal-president tal-fergħa tiegħu. Dak li jkun se jgħammed għandu jinżel fl-ilma mal-persuna li tkun se titgħammed. Dak li jkun qed jgħammed isejjaħ lill-persuna li tkun se titgħammed b’isimha u jgħid talba qasira. Imbagħad hu jniżżel lill-persuna li tkun qed titgħammed kompletament taħt l-ilma u jerġa’ joħroġha mill-ilma.

It-talba li jgħid dak li qed jgħammed hi: “Hekk kif ġejt ikkummissjonat minn Ġesù Kristu, jiena ngħammdek fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Amen.”

Diskussjoni

  • X’inhi l-ewwel ordinanza tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu?

L-Għotja tad-Don tal-Ispirtu s-Santu

Wara li persuna titgħammed, l-irġiel li għandhom is-Saċerdozju ta’ Melkisedek ipoġġu jdejhom fuq ras il-persuna, u wieħed minnhom jgħid talba speċjali. F’dik it-talba, huma jikkonfermaw lil dik il-persuna bħala membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien u jgħidulha, “Irċievi l-Ispirtu s-Santu.” Dan ifisser li l-persuna tirċievi d-dritt li jkollha l-gwida tal-Ispirtu s-Santu dejjem magħha, hekk kif dik il-persuna tipprova b’onestà tobdi l-kmandamenti ta’ Ġesù. Din l-għotja tad-don tal-Ispirtu s-Santu hija t-tieni ordinanza tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Imbagħad dak li jkun qed iwettaq l-ordinanza jagħti barka lill-persuna kif jiġi spirat mill-Ispirtu s-Santu. L-irġiel għandu jkollhom il-permess tal-isqof jew tal-president tal-fergħa tagħhom biex jagħtu d-don tal-Ispirtu s-Santu lil xi ħadd.

Diskussjoni

  • Min jista’ jagħti d-don tal-Ispirtu s-Santu?

Ordinazzjoni għas-Saċerdozju

L-għotja tas-saċerdozju lil xi raġel hija ordinanza. Għandha ssir minn irġiel oħra li għandhom is-saċerdozju. Jeħtieġ li huma jkollhom il-permess tal-isqof jew tal-president tal-fergħa biex jagħtu s-Saċerdozju ta’ Aron, u tal-president tal-wited biex jagħtu s-Saċerdozju ta’ Melkisedek. Hu unur kbir li raġel jew tifel jirċievi s-saċerdozju. Dawk li jżommu l-wegħdiet li huma jagħmlu meta jirċievu s-saċerdozju jkollhom is-saċerdozju għal dejjem.

Diskussjoni

  • Min jista’ jagħti s-saċerdozju lil ħaddieħor?

Is-Sagrament

Wieħed li għandu s-saċerdozju jgħid talba biex ibierek ftit ħobż u ftit ilma. Imbagħad hu jew xi ħadd ieħor li għandu s-saċerdozju jagħti lill-membri tal-Knisja biċċa ħobż biex jikluha u ftit ilma biex jixorbuh. Dan jissejjaħ is-sagrament. Is-sagrament huwa ordinanza.

Il-ħobż u l-ilma huma simboli tal-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. Huma jgħinuna niftakru li Hu ssagrifika* ħajtu għalina. Jeħtieġ li aħna niftakru fl-imħabba tiegħu lejna. Jeħtieġ inkunu grati li Hu għamilha possibbli għalina li ninħafru minn dnubietna u nerġgħu ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Kull darba li nieħdu s-sagrament, aħna nerġgħu nagħmlu l-wegħdiet li għamilna ma’ Missierna fis-Smewwiet meta tgħammidna. Aħna nerġgħu nwiegħdu li dejjem se niftakru f’Ġesù, li aħna lesti li nissejħu b’ismu, u li dejjem se nobdu l-kmandamenti tiegħu. Qabel nieħdu s-sagrament, jeħtieġ li nindmu minn dak kollu li għamilna ħażin u naħsbu dwar il-wegħdiet li aħna għamilna.

Missierna fis-Smewwiet iwegħidna li jekk aħna nagħmlu l-affarijiet li wegħedna li nagħmlu, Huwa jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex ikun dejjem magħna.

It-Tberik tal-Ħobż

Ġesù tana talb speċjali għas-sagrament. Din hi t-talba għall-ħobż:

“O Alla, il-Missier Etern, aħna nistaqsuk f’isem Ibnek, Ġesù Kristu, sabiex tbierek u tqaddes dan il-ħobż għall-erwieħ ta’ dawk kollha li jieħdu minnu, biex huma jieklu b’tifkira ta’ ġisem Ibnek, u jixhdu miegħek, O Alla, il-Missier Etern, li huma lesti jieħdu fuqhom isem Ibnek, u dejjem jiftakru fih u jħarsu l-kmandamenti li huwa tahom; ħalli jkunu jistgħu jkollhom l-Ispirtu tiegħu dejjem magħhom. Amen.”

It-Tberik tal-Ilma

Din hi t-talba għall-ilma:

“O Alla, il-Missier Etern, aħna nistaqsuk f’isem Ibnek, Ġesù Kristu, sabiex tbierek u tqaddes dan l-ilma għall-erwieħ ta’ dawk kollha li jixorbu minnu, sabiex huma jagħmlu dan b’tifkira ta’ demm Ibnek, li xxerred għalihom; biex jixhdu miegħek, O Alla, il-Missier Etern, li huma dejjem jiftakru fih, ħalli jkunu jistgħu jkollhom l-Ispirtu tiegħu magħhom. Amen.”

Diskussjoni

  • X’inhu s-sagrament?

  • Waqt li dawk li jħaddnu s-saċerdozju jkunu qed ibierku u jqassmu s-sagrament aħna fiex għandna naħsbu?

  • Aħna x’wegħdiet nagħmlu meta nieħdu s-sagrament?

It-Tberik tat-Tfal

L-irġiel li għandhom is-saċerdozju jistgħu jbierku lit-trabi, normalment ftit ġimgħat wara li jitwieldu t-trabi. Huma għandu jkollhom il-permess tal-isqof jew tal-president tal-fergħa biex jagħmlu dan. Missier it-tarbija jista’ jbierek lit-tarbija jekk hu għandu s-Saċerdozju ta’ Melkisedek. Jekk hu m’għandux is-Saċerdozju ta’ Melkisedek, hu ma jistax ibierek lit-tarbija jew ikun fiċ-ċirku mal-irġiel li jbierku lit-tarbija. Hu jista’ jitlob lil xi ħadd li jħaddan is-Saċerdozju ta’ Melkisedek biex ibierek lit-tarbija. Il-missier, jekk hu jħaddan is-Saċerdozju ta’ Melkisedek u hu denju, jew xi ħadd ieħor li jħaddan is-Saċerdozju ta’ Melkisedek, iżomm lit-tarbija f’dirgħajh, megħjun minn oħrajn li jħaddnu wkoll is-Saċerdozju ta’ Melkisedek, u jgħid talba. Fit-talba, hu jindirizza lil Missierna fis-Smewwiet, jgħid li qed iwettaq l-ordinanza bl-awtorità tas-Saċerdozju ta’ Melkisedek, u lit-tarbija jagħtiha l-isem li ġie magħżul mill-ġenituri. Imbagħad hu jbierek lit-tarbija kif jispirah l-Ispirtu s-Santu.

Diskussjoni

  • X’jagħmel raġel li għandu s-Saċerdozju ta’ Melkisedek meta jbierek tarbija?

It-Tberik tal-Morda

Meta n-nies jimirdu, huma jistgħu jitolbu lill-irġiel li għandhom is-Saċerdozju ta’ Melkisedek biex iberkuhom. L-ewwel, wieħed minn dawk li jħaddnu s-saċerdozju jidlek lill-marid. Hu jagħmel dan billi jpoġġi ftit żejt ikkonsagrat fuq ras il-persuna, imbagħad ipoġġi jdejh fuq ras il-persuna u jgħid talba speċjali. Wara li jagħmel dan, dawk li jħaddnu s-saċerdozju jpoġġu jdejhom fuq ras il-persuna, u wieħed minnhom jissiġilla d-dlik u jbierek lill-persuna skont kif jiġi spirat mill-Ispirtu s-Santu. Ħafna nies ħassewhom aħjar jew ġew imfejqin mill-mard tagħhom meta huma rċevew din il-barka tas-saċerdozju. Il-barka tal-morda hija ordinanza.

Iż-żejt li jintuża fid-dlik tal-morda jiġi kkonsagrat għal dan il-għan f’ordinanza oħra. Biex jikkonsagra ż-żejt, raġel li għandu s-Saċerdozju ta’ Melkisedek iżomm f’idu ftit żejt f’kontenitur miftuħ u jgħid talba speċjali.

Raġel li għandu s-Saċerdozju ta’ Melkisedek m’għandux bżonn permess mill-isqof, mill-president tal-fergħa, jew mill-president tal-wited biex iwettaq dawn l-ordinanzi.

Diskussjoni

  • Min jista’ jbierek lill-morda?

Missier Jista’ Jbierek lill-Membri tal-Familja Tiegħu

Missier li għandu s-Saċerdozju ta’ Melkisedek jista’ jbierek lill-membri tal-familja tiegħu. Hu jista’ jagħmel dan meta l-membru tal-familja jkun marid jew għandu bżonn xi għajnuna speċjali. Hu m’għandux bżonn permess mill-isqof, mill-president tal-fergħa, jew mill-president tal-wited biex jagħmel dan. Il-missier ipoġġi jdejh fuq ras il-persuna u jgħid talba. Fit-talba, hu jagħti lill-persuna l-barkiet li l-Ispirtu s-Santu jgħidlu f’moħħu li għandu jagħti. It-tberik tal-membri tal-familja hija ordinanza.

Diskussjoni

  • Meta jista’ missier ibierek lill-membri tal-familja tiegħu?

Xi Ordinanzi Tant Huma Importanti Li Kulħadd Għandu Jirċevihom

Xi ordinanzi tas-saċerdozju huma neċessarji sabiex persuna terġa’ lura u tgħix ma’ Missierna fis-Smewwiet. Tnejn minn dawk l-ordinanzi huma l-magħmudija u l-għotja tad-don tal-Ispirtu s-Santu. L-irġiel u s-subien għandhom jirċievu wkoll is-saċerdozju. L-ordinanzi l-oħra, bħall-barkiet li missier jagħti lill-membri tal-familja tiegħu, jiġu mwettqa meta aħna nkunu neħtieġu l-għajnuna u l-faraġ.

Diskussjoni

  • X’inhuma wħud mill-ordinanzi?

  • X’barkiet iġġibilna kull waħda minnhom?