Kapitlu 4
Aħna Liberi li Nagħżlu
Ilkoll kemm aħna nagħmlu għażliet kuljum. Missierna fis-Smewwiet tana d-dritt li nagħżlu għalina nfusna. Għalfejn għandna nippruvaw nagħmlu għażliet tajbin?
Missierna fis-Smewwiet Jagħtina d-Dritt li Nagħżlu
Fis-smewwiet aħna konna liberi li nagħżlu. Aħna konna liberi li nagħżlu jekk nimxux wara Ġesù jew nimxux wara Satana. Il-parti l-kbira ta’ wlied Missierna fis-Smewwiet għażlu li jimxu wara Ġesù. L-oħrajn għażlu li jimxu wara Satana. Missierna fis-Smewwiet ippermetta lill-uliedu kollha li jagħmlu l-għażla tagħhom.
Missierna fis-Smewwiet jippermetti wkoll li aħna nagħżlu għalina nfusna f’din id-dinja. Meta ġejna f’din id-dinja, Hu għamel li aħna ninsew il-ħajja tagħna miegħu. Aħna kellna bżonn nitgħallmu nagħżlu għalina nfusna meta ma nkunux qegħdin miegħu.
Il-Pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet Jista’ Jaħdem Biss Jekk Aħna Liberi li Nagħżlu
Parti mill-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet kien li jibgħatna f’din id-dinja li fiha jkun hawn kemm affarijiet tajbin kif ukoll ħżiena. Hu jridna nagħżlu dak li hu tajjeb. Satana jipprova jipperswadina biex nagħżlu l-ħażin. Aħna ninsabu liberi li nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Meta nagħmlu għażliet tajbin, aħna nsiru aktar kapaċi li nagħmlu dak li jridna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet. Hekk kif nagħmlu dak li jridna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet, aħna nsiru aktar bħalu. Aħna stess insibu liema huma l-aqwa għażliet li għandna nagħmlu. Aħna nifhmu aħjar l-affarijiet li jagħmluna kuntenti u dawk li jagħmluna mdejqin.
Jekk ma nistgħux nagħżlu għalina nfusna, aħna ma nkunux nistgħu nsiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet. Ma nkunux nistgħu nitgħallmu għalina nfusna liema huma l-aħjar affarijiet li għandna nagħżlu. Ma nkunux nistgħu nuru lil Missierna fis-Smewwiet li aħna nħobbuh u li verament irridu nimxu warajh.
L-Għażla Tagħna li Nobdu lil Missierna fis-Smewwiet Tagħmilna Ferħanin
L-għażliet tajbin iġibulna riżultati tajbin; l-għażliet ħżiena jġibulna riżultati ħżiena. Jekk nagħżlu li nobdu lil Missierna fis-Smewwiet, aħna nkunu nies aktar ferħanin u aħjar. Jekk nagħżlu li ma nobduhx, aħna nsiru mdejqin u ma nsirux aħjar.
Meta nagħżlu dak li hu tajjeb, naraw li aħna aktar ferħanin minħabba dawk l-għażliet. Nitgħallmu li għandna nagħmlu aktar affarijiet tajbin. Meta naraw li l-għażla tagħna li nagħmlu affarijiet tajbin twassalna biex inkunu ferħanin, inkunu rridu nagħmlu aktar għażliet tajbin. Aħna nixtiequ ferm aktar li nkunu tajbin. Ikun aktar faċli għalina li nagħmlu għażliet tajbin għax nafu li r-riżultati se jkunu tajbin għalina. Aħna nitgħallmu l-affarijiet li hemm bżonn inkunu nafu u nagħmlu biex insiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet.
Meta nagħmlu għażliet ħżiena, aħna nħossu n-niket u l-għajb. Jekk inkomplu nagħmlu affarijiet ħżiena, Satana jibda jkollu ċerta qawwa fuqna. Isir ferm aktar diffiċli li nagħżlu li nagħmlu dak li hu tajjeb. Ma nibqgħux nippruvaw nimxu wara l-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet.
Missierna fis-Smewwiet Jgħinna Nagħmlu Għażliet Tajbin
Missierna fis-Smewwiet iridna nagħmlu għażliet tajbin ħalli nkunu nistgħu nitgħallmu l-affarijiet li jaf Hu, nagħmlu l-affarijiet li jagħmel Hu, u jkollna l-affarijiet li għandu Hu. Hu jaf li aħna nkunu ferħanin u nkunu kapaċi nerġgħu lura biex ngħixu miegħu jekk nagħżlu li nagħmlu dak li hu tajjeb.
Missierna fis-Smewwiet irid jgħinna nagħmlu għażliet tajbin. Bl-għajnuna tiegħu, nistgħu nagħżlu li nagħmlu dak kollu li qalilna nagħmlu Hu. Meta nitolbuh, Hu jgħinna nirreżistu t-tentazzjonijiet ta’ Satana. Hu jagħtina l-qawwa li nagħżlu dak li hu tajjeb. Hu jgħinna nimxu wara l-pjan tiegħu u nsiru aktar bħalu.