Kapitlu 6
Adam u Eva
Min kienu Adam u Eva? X’għamlu biex jgħinuna?
Adam u Eva Kienu l-Ewwel Nies li Ġew f’Din id-Dinja
Missierna fis-Smewwiet semma l-ewwel nies f’din id-dinja Adam u Eva. Kienu tnejn mill-aktar ulied qalbiena tiegħu. Huma għamluha possibbli għalina lkoll biex niġu fid-dinja.
Fis-smewwiet, Adam kien jismu Mikiel. Kien wieħed mill-mexxejja tagħna. Hu mexxiena fil-gwerra kontra Satana. Mikiel kien raġel twajjeb. Hu għamel dak li riedu jagħmel Missierna fis-Smewwiet. Hu sar l-ewwel raġel li ġie f’din id-dinja.
Eva kienet bint twajba ħafna ta’ Missierna fis-Smewwiet. Missierna fis-Smewwiet bagħat lil Eva f’din id-dinja ma’ Adam biex tkun martu u biex tgħinu. Missierna fis-Smewwiet kien jaf li ma kienx tajjeb għal Adam li jkun waħdu. Adam, waħdu, ma setax jagħmilha possibbli għalina li niġu f’din id-dinja. Il-parti li kellha Eva fil-pjan kienet importanti daqs ta’ Adam.
Il-Ġnien tal-Għeden Kien l-Ewwel Dar ta’ Adam u Eva
Missierna fis-Smewwiet ħoloq post sabiħ f’din id-dinja biex fih jgħixu Adam u Eva. Kien jissejjaħ il-Ġnien tal-Għeden. Meta Adam u Eva kienu fil-Ġnien tal-Għeden, it-tnejn li huma kellhom ġisem tal-laħam u l-għadam li ma setax imut. Huma ma kellhomx tfal. Ma kellhomx għalfejn jiżirgħu u jaħsdu jew jaħdmu għall-affarijiet li kellhom bżonn. Huma ma baqgħux jiftakru l-ħajja tagħhom fis-smewwiet. Ma kinux jafu x’kien tajjeb u x’kien ħażin.
Fil-Ġnien tal-Għeden, Adam u Eva setgħu jimxu u jitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet. Hu qalilhom l-affarijiet li għandhom jagħmlu. Qalilhom biex jieħdu ħsieb tal-ġnien u jżommuh sabiħ. Qalilhom biex ikollhom it-tfal. Qalilhom ukoll li setgħu jieklu mill-frott ta’ kull siġra fil-ġnien, ħlief waħda. Missierna fis-Smewwiet qalilhom biex ma jiklux mill-frotta tas-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin. Hu wissiehom li jekk huma jieklu mill-frotta ta’ dik is-siġra kienu se jmutu.
Adam u Eva Ġew Separati minn Missierna fis-Smewwiet
Satana ħaseb li seta’ jeqred il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet. Hu ġie fil-Ġnien tal-Għeden u pprova jipperswadi lil Eva biex tiekol mill-frotta tas-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin. Hu qalilha li jekk hi tiekol mill-frotta hi ma tmutx. Hu qal li hi ssir taf id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin, kif kien jaf Missierna fis-Smewwiet. Eva emmnet lil Satana, u kielet mill-frotta. Meta Eva qalet lil Adam li kienet kielet ftit mill-frotta, hu kien jaf li hi kien se jkollha titlaq mill-ġnien. Hu kiel ukoll ftit mill-frotta ħalli huma setgħu jibqgħu flimkien.
Il-ħajja ta’ Adam u Eva nbidlet wara li huma kielu mill-frotta li Missierna fis-Smewwiet qalilhom biex ma jieklux minnha. Missierna fis-Smewwiet bagħathom ’il barra mill-Ġnien tal-Għeden. Huma ma setgħux aktar jimxu u jitkellmu miegħu. Minn dak iż-żmien ’il quddiem il-bniedem ġie sseparat mill-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet. Li ma tkunx tista’ tkun ma’ Missierna fis-Smewwiet tissejjaħ mewt spiritwali.* Adam u Eva kellhom jgħixu fid-dinja ’l barra mill-ġnien sabiħ. Kellhom jaħdmu biex jiksbu l-affarijiet li kellhom bżonn.
Ġisimhom inbidel. Issa seta’ jkollhom it-tfal. Setgħu jimordu u jħossu l-uġigħ u n-niket, u xi darba kienu se jmutu. It-tibdil li esperjenzaw Adam u Eva jissejjaħ il-Waqgħa ta’ Adam.
Dan it-tibdil jaffettwa lid-dixxendenti kollha ta’ Adam u Eva. Bħalhom, aħna wkoll għandna l-qawwa li jkollna t-tfal; u lkoll nesperjenzaw il-mard, l-uġigħ, in-niket, u l-mewt.
Il-Waqgħa ta’ Adam Kienet Parti Neċessarja mill-Pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet
Missierna fis-Smewwiet ippjana biex uliedu jiġu fid-dinja ħalli jirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam. Wara li Hu bagħat lil Adam u Eva ’l barra mill-Ġnien tal-Għeden, huma beda jkollhom it-tfal. Aktar tard uliedhom iżżewġu u kellhom it-tfal. B’dan il-mod l-ulied spirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet li kienu jgħixu miegħu bdew jiġu f’din id-dinja kif ippjana Hu. Minħabba dak li għamlu Adam u Eva, ilkoll kemm aħna stajna niġu f’din id-dinja u nirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam.
Missierna fis-Smewwiet ippjana wkoll biex uliedu jaħdmu ħalli jiksbu l-affarijiet li huma riedu u li kellhom bżonn. Minn dakinhar li Adam u Eva telqu mill-Ġnien tal-Għeden, l-ulied ta’ Missierna fis-Smewwiet f’din id-dinja kellhom jaħdmu biex jiksbu l-affarijiet li huma riedu u li kellhom bżonn.
Wara li Adam u Eva kielu mill-frotta li Missierna fis-Smewwiet qalilhom biex ma jieklux minnha, huma saru jafu d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin. Issa, ilkoll kemm aħna f’din id-dinja nistgħu nitgħallmu d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin u nagħżlu aħna stess li nagħmlu affarijiet tajbin jew affarijiet ħżiena.
Meta Missierna fis-Smewwiet bagħat lil Adam u Eva ’l barra mill-Ġnien tal-Għeden, huma ppruvaw jitgħallmu l-affarijiet li Hu riedhom jagħmlu. Huma obdewh u għallmu lil uliedhom biex jobduh. Ilkoll kemm aħna għandna wkoll nitgħallmu l-affarijiet li Missierna fis-Smewwiet iridna nagħmlu, u għandna nobduh u ngħallmu lil uliedna biex jobduh.