Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kliem li Għandek Tkun Taf


Kliem li Għandek Tkun Taf

Aħwa rġiel tal-ministeru:Irġiel li jingħataw sejħa li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali u temporali tal-membri tal-qasam tagħhom. Din is-sejħa hi estiża għall-irġiel kollha fil-Knisja. Tipikament huma jiġu assenjati raġel ieħor bħala s-sieħeb tagħhom u jiġu assenjati wkoll biex jimministraw lil ċerti individwi u familji.

Aħwa nisa tal-ministeru:Nisa li jingħataw sejħa li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali u temporali tal-membri tal-qasam tagħhom. Din is-sejħa hi estiża għan-nisa kollha fil-Knisja. Tipikament huma jiġu assenjati mara oħra bħala s-sieħba tagħhom u jiġu assenjati wkoll biex jimministraw lil ċertu nisa.

Alla:L-esseru suprem u l-mexxej tal-univers. L-isem Alla normalment jirreferi għal Missierna fis-Smewwiet, iżda fl-iskrittura xi kultant jirreferi wkoll għal Ġesù.

Apostasija:(1) Kundizzjoni ta’ rtirar spiritwali minn ma’ Missierna fis-Smewwiet. (2) Perjodu ta’ żmien meta t-tagħlim ta’ Missierna fis-Smewwiet u s-saċerdozju tiegħu ma kinux f’din id-dinja.

Appostlu:Uffiċċju fis-Saċerdozju ta’ Melkisedek. L-Appostli huma xhieda speċjali ta’ Ġesù Kristu fid-dinja kollha.

Dar ta’ Iżrael:Kull min hu dixxendenti, b’mod naturali jew b’adozzjoni, tat-tnax-il tifel ta’ Ġakobb, li ismu nbidel għal Iżrael (ara Ġenesi 32:28).

Dieċmi:Għaxra fil-mija ta’ dak kollu li naqilgħu, li jingħata lill-Knisja.

Dinja tal-ispirti:Il-post li fih se jmorru l-ispirti tal-bnedmin kollha wara l-mewt sakemm jasal il-qawmien mill-imwiet.

Distrett:Reġjun, jew diviżjoni, li jerġa’ jinqasam f’fergħat taħt missjoni tal-Knisja. Huwa mmexxi minn president u ż-żewġ kunsilliera tiegħu.

Djaknu:L-ewwel uffiċċju fis-Saċerdozju ta’ Aron, li jista’ jingħata lill-membri denji maskili tal-Knisja mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena li fiha huma jagħlqu 12-il sena. Dan jagħtihom l-awtorità li jwettqu ċerti dmirijiet temporali.

Don tal-Ispirtu s-Santu:Id-dritt li jkollna magħna l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu. Dan id-don jingħata lilna wara l-magħmudija.

Dota:Il-barkiet mogħtija minn Missierna fis-Smewwiet fit-tempji u li huma neċessarji biex niksbu l-eżaltazzjoni.

Duttrina u Patti:Ktieb ta’ skrittura li fih il-kliem ta’ Missierna fis-Smewwiet lil nies ta’ żminijiet moderni.

Espjazzjoni:Il-ħlas li ħallas Ġesù, permezz tat-tbatija u l-mewt tiegħu, għad-dnubiet tal-bnedmin kollha li jagħtihom iċ-ċans li huma jinħelsu mill-konsegwenzi tal-mewt fiżika u tal-mewt spiritwali li daħlu fid-dinja minħabba l-ħtija ta’ Adam u s-separazzjoni tal-bniedem minn Missierna fis-Smewwiet.

Evanġelju:It-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, li, jekk nimxu warajh, jagħtina ċ-ċans li nerġgħu lura biex ngħixu fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet.

Eżaltazzjoni:Ħajja fl-ogħla livell tas-saltna ċelestjali. Dawk li jirċievu l-eżaltazzjoni jsiru bħal Missierna fis-Smewwiet.

Fergħa:L-użu figurattiv ta’ zokk ta’ siġra li jirrappreżenta diviżjoni żgħira jew unit organizzata tal-familja akbar tal-Knisja. Id-diviżjoni hi bbażata fuq konfini ġeografiċi li fihom joqogħdu l-membri u fejn huma jiltaqgħu flimkien taħt it-tmexxija ta’ qaddejja awtorizzati ta’ Missierna fis-Smewwiet.

Ġawhra li Tiswa Ħafna:Ktieb ta’ skrittura li fih il-kitbiet ta’ Mosè, ta’ Abraham, u ta’ Joseph Smith. L-isem fil-fatt ifisser ġawhra mill-aktar prezzjuża, li huwa sewwasew kif il-ktieb hu meqjus mill-membri tal-Knisja.

Ġenna:Il-parti tad-dinja tal-ispirti li fiha jgħixu l-ispirti t-twajbin.

Ġerusalemm il-Ġdida:Belt li se tinbena fl-istat ta’ Missouri, fl-Istati Uniti, ftit qabel ma’ jingħata bidu għall-Millennju. Waqt il-Millennju Ġesù se jamministra l-gvern tiegħu, is-saltna ta’ Missierna fis-Smewwiet f’din id-dinja, minn dan il-post.

Ġesù Kristu:It-tifel il-kbir fost l-ulied spirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet, il-Ħallieq tad-dinja, u s-Salvatur u l-Feddej tagħna. Hu ġie fid-dinja biex ipatti għad-dnubiet tagħna lkoll. (Ara speċjalment kapitli 3, 11, u 12.)

Għalliem:Uffiċċju fis-Saċerdozju ta’ Aron, li jista’ jingħata lil membri denji maskili tal-Knisja mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena li fiha huma jagħlqu 14-il sena. L-isem ġej minn waħda mir-responsabbiltajiet ta’ dan l-uffiċċju, li hi li tgħallem lill-membri tal-Knisja.

Għaxar tribujiet:Id-dixxendenti ta’ għaxra mit-tnax-il tifel ta’ Iżrael (Ġakobb) li ttieħdu fil-jasar, u llum il-post li ttieħdu fih ħadd ma jaf fejn hu.

Ħabs tal-ispirti:Parti mid-dinja tal-ispirti li fiha wara l-mewt se jmorru tliet tipi ta’ nies: dawk li f’din il-ħajja kienu ħżiena, dawk li għexu ħajja tajba iżda ma aċċettawx jew ma kinux jgħixu l-evanġelju, u dawk li qatt ma kellhom l-opportunità li jisimgħu l-evanġelju. Eventwalment dawk in-nies kollha se jqumu mill-imwiet.

Ħajja eterna:Din tirreferi mhux biss għall-ħajja ta’ dejjem izda wkoll li ngħixu t-tip ta’ ħajja li jgħix Missierna fis-Smewwiet u li nsiru bħalu. Tfisser l-istess bħal eżaltazzjoni.

’Il Barra fid-dlam:Il-post li fih se jgħixu Satana u dawk li għażlu li jimxu warajh. Dawk li jgħixu hemm mhux se jgawdu mill-influwenza tal-Ispirtu s-Santu u għalhekk se jkunu mingħajr id-dawl u l-verità.

Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien:L-isem uffiċjali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu, li Hu rrestawra permezz tal-Profeta Joseph Smith fi żmienna. Il-Knisja xi kultant jirreferu għaliha bil-laqam tal-Knisja Mormona.

Imfietaħ tas-saċerdozju:Id-dritt li tagħti l-awtorizzazzjoni li jitwettqu l-ordinanzi tas-saċerdozju.

Indiema:Il-proċess li jeħtieġ tgħaddi minnu persuna li waqgħet fid-dnub biex hija tiġi maħfura. (Ara kapitlu 14.)

Isqof:Uffiċċju fis-Saċerdozju ta’ Aron li jagħti lil raġel ċerta awtorità għall-benesseri spiritwali u temporali ta’ grupp ta’ membri tal-Knisja.

Jum il-Mulej:Il-jum ta’ mistrieħ magħżul minn Ġesù bħala jum li fih inqimu lil Missierna fis-Smewwiet u naqdu lil ħaddieħor. Jiġi osservat fil-jum tal-Ħadd f’ħafna postijiet fid-dinja.

Kelma tal-Għerf:Kmandament minn Missierna fis-Smewwiet li jgħidilna x’għandna nieklu jew nixorbu u x’m’għandniex. Jgħid speċifikament li m’għandniex nieħdu alkoħol, tabakk, te u kafè. (A(ra kapitlu 27.)

Knisja:Ara Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Ktieb ta’ Mormon:Ktieb ta’ skrittura li fih it-tagħlim ta’ Missierna fis-Smewwiet lil nies li għexu fil-kontinenti Amerikani.

Kworum:Grupp organizzat ta’ rġiel u subien li jħaddnu l-istess uffiċċju fis-saċerdozju. Kull kworum huwa mmexxi minn president u żewġ kunsilliera.

Lejla d-dar mal-familja:Laqgħa tal-familja, normalment kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija, li fiha l-membri tal-familja jkantaw, jistudjaw l-evanġelju, jiddiskutu xi problemi li jista’ jkollhom, jilagħbu xi logħob, u jagħmlu affarijiet oħra bħala familja.

Liġi tal-kastità:Kmandament ta’ Missierna fis-Smewwiet li persuna għandha jkollha relazzjonijiet sesswali biss mal-konjuġi tagħha.

Magħmudija:Ordinanza tal-evanġelju neċessarja li fiha persuna tagħmel patt ma’ Missierna fis-Smewwiet li hi sejra tobdih u Missierna fis-Smewwiet iwiegħed li Hu sejjer jaħfer u jnaddaf lil dik il-persuna mid-dnub u jagħtiha ċ-ċans li tkun membru fil-Knisja tiegħu. L-ordinanza tissimbolizza t-twelid mill-ġdid ta’ persuna billi l-persuna tindifen fl-ilma u mbagħad terġa’ tinħareġ mill-ilma għal ħajja ġdida. Din l-ordinanza titwettaq minn dawk awtorizzati li jħaddnu s-saċerdozju u jaġixxu għal Missierna fis-Smewwiet.

Magħmudija għall-mejtin:Magħmudija f’tempju ta’ Missierna fis-Smewwiet ta’ persuna ħajja li taġixxi f’isem persuna li mietet.

Mewt fiżika:Il-mewt li aħna nesperjenzaw meta ġisimna jiġi separat mill-ispirtu tagħna.

Mewt spiritwali:L-istat li tkun separat minn Missierna fis-Smewwiet.

Millenju:Elf sena ta’ paċi li se jibdew meta Ġesù jerġa’ jiġi f’din id-dinja f’dik li nirreferu għaliha bħala t-Tieni Miġja.

Missier Etern:Isem ieħor li nagħtu lil Missierna fis-Smewwiet.

Missierna fis-Smewwiet:Bniedem perfett li jixbah lil bniedem mortali iżda li għandu ġisem tal-laħam u l-għadam imqajjem mill-imwiet. Huwa Missier l-ispirtu tagħna, li lilu aħna nitolbu. Huwa immortali u setgħan. Huwa jħobbna għaliex aħna wliedu. Aħna nsejħulu wkoll Missier fis-Smewwiet.

Missierna tas-Smewwiet:Ara Missier fis-Smewwiet.

Missjoni:(1) Reġjun tad-dinja li fih il-Knisja jew qed twettaq ħidma missjunarja jew inkella hemm ħsieb li tagħmel dan. Normalment hu maqsum f’units iżgħar jissejħu distretti. (2) Sejħa minn mexxej tal-Knisja biex wieħed ixandar l-evanġelju jew jagħti servizz għal perjodu ta’ żmien speċifiku.

Mulej:Titlu għal Alla. Xi drabi jirreferi għal Missierna fis-Smewwiet u drabi oħra għal Ġesù Kristu.

Offerta tas-sawm:Id-donazzjoni ta’ flus li nkunu faddalna minn żewġ ikliet li fihom konna qed insumu. Din tingħata lill-Knisja biex tgħin lill-foqra.

Ordinanza:Rit jew ċerimonja li jitwettqu permezz tal-awtorità tas-saċerdozju.

Patrijarka:Uffiċċju fis-Saċerdozju ta’ Melkisedek li jingħata lil xi ħadd li diġà huwa qassis il-kbir, li wara li jiġi ordnat għall-uffiċċju ta’ patrijarka jagħti ċerti barkiet speċjali, li jissejħu barkiet patrijarkali, lil membri denji tal-Knisja.

Patti:Wegħdiet sagri li jsiru bejn Missierna fis-Smewwiet u l-bniedem.

Presbiteru:L-ewwel uffiċċju fis-Saċerdozju ta’ Melkisedek mogħti lil irġiel denji li għandhom 18-il sena jew aktar. Dan jagħtihom l-awtorità li jwettqu ċerti ordinanzi, li huma barkiet fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

Profeta:Raġel imsejjaħ minn Missierna fis-Smewwiet li jikkomunika miegħu u jitkellem f’ismu.

Profezija:Kliem ispirat ta’ profeta, normalment dwar xi ġrajja li għad trid isseħħ.

Qaddis:It-terminu użat biex jidentifika membru tal-Knisja vera ta’ Ġesù.

Qasam:Grupp ta’ membri organizzati tal-Knisja taħt wited, li jitmexxa minn isqof u ż-żewġ kunsilliera tiegħu.

Qassis:Uffiċċju fis-Saċerdozju ta’ Aron, li jista’ jingħata lil membri denji maskili tal-Knisja mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena li fiha huma jagħlqu 16-il sena. Dan l-uffiċċju jagħtihom l-awtorità li jwettqu l-magħmudijiet u l-ordinazzjonijiet għas-Saċerdozju ta’ Aron, li jbierku s-sagrament, u li jwettqu dmirijiet oħra.

Qassis il-kbir:Uffiċċju fis-Saċerdozju ta’ Melkisedek li hu responsabbli mill-amministrazzjoni tal-affarijiet spiritwali.

Qawmien mill-imwiet:L-għaqda mill-ġdid, wara l-mewt, tal-ġisem u l-ispirtu, biex jiġi ffurmat ġisem immortali.

Rakkomandazzjoni tat-tempju:Karta ffirmata li permezz tagħha persuna tkun tista’ tidħol fi kwalunkwe tempju tal-Knisja. Biex tikseb din il-karta, il-persuna jeħtieġ li tkun membru denju tal-Knisja. Ir-rakkomandazzjoni tiġi ffirmata mill-mexxejja tas-saċerdozju xierqa, li jixhdu li l-persuna hija denja.

Rivelazzjoni:Għarfien mogħti lill-bniedem minn Missierna fis-Smewwiet, normalment permezz tal-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li jista’ jirreferi għal affarijiet tal-passat, tal-preżent, jew tal-futur.

Ruħ:Tfisser l-istess bħal persuna (ġisem u spirtu magħqudin flimkien). Xi kultant, madankollu, din il-kelma tintuża biex tirreferi għall-ispirtu ta’ persuna.

Saċerdozju:L-awtorità li Missierna fis-Smewwiet jagħti lill-irġiel biex huma jwettqu l-ħidma tiegħu u jitkellmu f’ismu. Hu maqsum fi tnejn: is-Saċerdozju ta’ Melkisedek jew kif inhu magħruf ukoll bħala s-Saċerdozju akbar u s-Saċerdozju ta’ Aron jew kif inhu magħruf ukoll bħala s-Saċerdozju minuri.

Saċerdozju ta’ Aron:Is-saċerdozju bl-anqas awtorità fost iż-żewġ saċerdozji li Missierna fis-Smewwiet ta lil irġiel fid-dinja biex huma jaġixxu f’ismu għas-salvazzjoni ta’ wliedu. Dan is-saċerdozju minuri ġie msemmi għal Aron, ħu Mosè, u hu differenti mis-saċerdozju akbar ta’ Melkisedek. Is-Saċerdozju ta’ Aron jinkludi l-uffiċċji ta’ djaknu, għalliem, qassis, u isqof.

Saċerdozju ta’ Melkisedek:L-akbar fost iż-żewġ saċerdozji, li għandu l-uffiċċji ta’ presbiteru, qassis il-kbir, patrijarka, Sebgħin, u Appostlu.

Sagrament:Ordinanza li fiha l-membri tal-Knisja jieklu mill-ħobż u jixorbu mill-ilma li jirrappreżentaw il-ġisem u d-demm ta’ Ġesù biex ifakkruna fl-Espjazzjoni tiegħu għal dnubietna.

Sagrifiċċju:(1) Fi żmien il-qedem, il-qtil ta’ annimali biex tkun obduta l-liġi ta’ Missierna fis-Smewwiet. (2) Illum, li nissagrifikaw xi ħaġa ta’ valur għalina, bħall-ħin u r-riżorsi tagħna, biex ngħinu lil ħaddieħor.

Saltna ċelestjali:Is-saltna li fiha jgħixu t-twajbin fil-preżenza ta’ Missierna fis-Smewwiet fejn huma jirtu dak kollu li Huwa għandu.

Saltna telestjali:L-anqas fost it-tliet saltniet ta’ glorja li għalihom in-nies se jiġu assenjati wara l-qawmien mill-imwiet. Din is-saltna hi riservata għall-giddibin, għall-qattiela, għal dawk li jisirqu, u għal nies ħżiena oħra.

Saltna terrestjali:Saltna ta’ glorja li hi anqas mis-saltna ċelestjali iżda ogħla mis-saltna telestjali. Hija riservata għan-nies twajbin tad-dinja li m’għamlux dak kollu li Missierna fis-Smewwiet kien jeħtieġ minnhom.

Salvatur:Wieħed li jsalva lil ħaddieħor minn xi ħaġa li tagħmel ħsara. Ġesù hu s-Salvatur tagħna għaliex Huwa salvana kemm mill-mewt fiżika kif ukoll mill-mewt spiritwali.

Sebgħin:Uffiċċju fis-Saċerdozju ta’ Melkisedek. Raġel li jħaddan dan l-uffiċċju huwa xhud speċjali ta’ Ġesù Kristu u jgħin lill-Appostli fit-tmexxija tal-Knisja.

Siġill:Ordinanza mwettqa fit-tempju li tgħaqqad għall-eternità lil raġel u martu, jew lit-tfal mal-ġenituri tagħhom.

Sijon:Isem ieħor għal Ġerusalemm il-Ġdida, belt li minnha Ġesù se jmexxi lid-dinja waqt il-Millennju.

Smewwiet:Il-post li fih jgħix Missierna fis-Smewwiet. Xi kultant din il-kelma tintuża biex tirreferi għall-post li fih kienu jgħixu l-ispirti tagħna qabel ġejna f’din id-dinja, u fejn se jmorru wara li aħna mmutu (dinja tal-ispirti). Huwa wkoll isem tal-post li fih jgħixu t-twajbin għall-eternità kollha wara l-qawmien mill-imwiet (saltna ċelestjali).

Spirtu:Dak li jagħti l-ħajja lill-ġisem. Huwa l-parti mill-ġisem li kien jeżisti qabel din il-ħajja u li se jkompli jeżisti wara li mmutu. L-ispirtu u l-ġisem se jerġgħu jingħaqdu flimkien fil-qawmien mill-imwiet, fejn qatt aktar ma jerġgħu jiġu separati minn xulxin.

Spirtu s-Santu:Persuna magħmula minn spirtu li m’għandhiex ġisem fiżiku u li l-għan tagħha hu li tkun xhud ta’ dak li jgħidu u jagħmlu Missierna fis-Smewwiet u Ġesù. Meta ngħidu li l-Ispirtu ta’ Missierna fis-Smewwiet jinsab magħna, inkunu qed nirreferu għall-Ispirtu s-Santu.

Tempju:Bini sagru, li spiss nirreferu għalih bħala d-dar tal-Mulej, li fih jitwettqu ordinanzi sagri, fosthom l-ordinanza taż-żwieġ etern.

Tgħammed:Tgħoddos persuna fl-ilma u mbagħad terġa’ toħroġha ’l barra mill-ilma biex tgħix ħajja ġdida. Ara Magħmudija.

Tieni Miġja:Ir-ritorn tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, biex jagħti bidu għall-Millennju, jew għal perjodu ta’ elf sena ta’ paċi.

Tordna:Li tagħti uffiċċju fis-saċerdozju lil raġel denju permezz tat-tqegħid tal-idejn.

Uffiċċju:Pożizzjoni ta’ awtorità fis-saċerdozju. (Ara Djaknu, Għalliem, Qassis, eċċ.)

Veġġent:Wieħed li jipprevedi l-futur għaliex ġie żvelat lilu minn Missierna fis-Smewwiet. Veġġent jixbah lil profeta.

Waqgħa ta’ Adam:Il-bidla li esperjenzaw Adam u Eva minħabba li huma kielu mill-frotta pprojbita. Missierna fis-Smewwiet neħħihom mill-preżenza tiegħu, u huma saru mortali. Dan għamilha possibbli li l-bnedmin kollha jitwieldu u jmutu.

Wited:Organizzazzjoni ta’ membri f’reġjun ġeografiku li fih il-Knisja hija organizzata kompletament u mmexxija minn mexxejja maħtura tas-saċerdozju. Hi maqsuma f’units iżgħar li jissejħu oqsma u fergħat.

Żwieġ etern:Żwieġ li ġie ssiġillat fit-tempju u li jibqa’ għall-eternità kollha wara li mmutu jekk aħna nkunu denji li ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.