Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 12: L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu


Kapitlu 12

L-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu

Ġesù bata bil-kbir minħabba dnubietna. Għalfejn Hu għażel li jmut għalina?

Missierna fis-Smewwiet Bagħat lil Ġesù Kristu fid-Dinja biex Ikun is-Salvatur Tagħna

Aħna jeħtieġ li jkollna ġisem tal-laħam u l-għadam biex insiru bħal Missierna fis-Smewwiet, iżda Missierna fis-Smewwiet kien jaf li aħna lkoll se mmutu u nitilfu ġisimna minħabba li Adam u Eva ma obdewx lil Missierna fis-Smewwiet. Peress li kielu mill-frotta li Missierna fis-Smewwiet qalilhom biex ma jieklux, huma eventwalment kellhom imutu, u l-istess kull min twieled warajhom. Barra minn hekk, Missierna fis-Smewwiet kien jaf li lkoll kemm aħna se nidinbu waqt li nkunu fid-dinja, u minħabba dnubietna ma nkunux nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu miegħu. Se jkollna bżonn l-għajnuna biex inħallsu l-penali għal dnubietna u biex inkunu ubbidjenti ħalli nkunu nistgħu nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Se jkollna bżonn l-għajnuna biex wara l-mewt nerġgħu niksbu lura l-ġisem tal-laħam u l-għadam tagħna. Ġesù qal li kien se jgħinna. Hu se jkun is-Salvatur tagħna.

Kellna bżonn ta’ xi ħadd mingħajr dnub biex ipatti għal dnubietna. Ġesù hu l-uniku wieħed li seta’ jagħmel dan. Hu kien mingħajr dnub. Hu kellu l-qawwa fuq il-mewt, għalhekk seta’ jgħinna niksbu lura ġisimna wara li mmutu. Hu ħabbna verament. Hu kien lest ibati għal dnubietna ħalli nkunu nistgħu nitnaddfu minnhom. Hu kien lest imut għalina ħalli nkunu nistgħu nerġgħu niksbu lura l-ħajja wara l-mewt. Is-sagrifiċċju ta’ Ġesù għalina jissejjaħ l-Espjazzjoni.

Diskussjoni

  • Għalfejn kien neċessarju għal Missierna fis-Smewwiet li jibgħat lil Ġesù f’din id-dinja?

It-Tbatija ta’ Ġesù Turina Kemm Hu u Missierna fis-Smewwiet Iħobbuna

Missierna fis-Smewwiet iħobbna tant li Hu bagħat lil Ibnu, Ġesù, fid-dinja u ppermettilu li jbati u jmut għalina. Ġesù jħobbna tant li Hu bata uġigħ mill-aktar kbir u miet għalina. Ġesù kien jaf li t-tbatija kienet se tkun kbira ħafna. Kienet kważi akbar milli kien jiflaħ. Iżda Hu riedna nkunu nistgħu nerġgħu nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet.

Ġesù mar f’post jissejjaħ il-Ġnien tal-Ġetsemani. Hemmhekk Hu niżel għarkupptejh u talab lil Missierna fis-Smewwiet biex jgħinu. Hu talab lil Missierna fis-Smewwiet jekk kienx possibbli li Hu ma jgħaddix mit-tbatija. Iżda Hu qal li kien lest jagħmel dak kollu li riedu jagħmel Missierna fis-Smewwiet. Ġesù ma ġiex imġiegħel ibati. Hu għażel li jbati għaliex kien parti mill-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet ħalli aħna nkunu nistgħu nitnaddfu minn dnubietna.

Fil-Ġetsemani, Ġesù bata għad-dnubiet tal-umanità kollha, daqslikieku kienu tiegħu. It-tbatija tiegħu għal dawn id-dnubiet kollha kienet akbar milli xi ħadd minna jista’ jifhem. L-uġigħ tant kien kbir li Hu beda jirtogħod. Id-demm ċarċar mill-pori kollha ta’ ġismu.

Wara, ġew nies ħżiena u ħaduh għand il-mexxejja ta’ Ġerusalemm. Hemmhekk huma beżqu fuqu u sawtuh. Huma għamlu kuruna tax-xewk u poġġewha fuq rasu. Huma bdew jidħku bih u jgħadduh biż-żmien.

Il-mexxejja qalu lis-suldati biex isallbu lil Ġesù. Huma ġegħluh iġorr salib tqil tal-injam sal-post fejn Hu kellu jmut. Huma dendluh mas-salib billi sammrulu l-imsiemer ma’ jdejh u ma’ saqajh. Fuq is-salib, Hu temm ibati l-penali għad-diżubbidjenza ta’ Adam u għal dnubietna.

Hu tħalla mdendel hemm għal bosta sigħat. Minkejja li kien qed ibati, u minkejja li xi nies xorta baqgħu jgħadduh biż-żmien, Hu baqa’ sieket u mimli sabar. Finalment, Hu qal lil Missierna fis-Smewwiet li Hu kien se jerħi l-ispirtu tiegħu f’idejh, imbagħad miet.

Ġesù kellu l-qawwa li jsalva lilu nnifsu mill-mewt. Hu seta’ baqa’ jgħix, iżda għażel li jmut ħalli aħna nkunu nistgħu nerġgħu ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Meta Ġesù miet, l-ispirtu tiegħu ħalla ġismu. Fit-tielet jum wara li miet, l-ispirtu tiegħu reġa’ lura ġo ġismu, u Hu reġa’ beda jgħix. Ir-ritorn tal-ispirtu fil-ġisem insejħulu l-qawmien mill-imwiet.

Ġesù deher lill-Appostli tiegħu u lil nies oħra wara li Hu qam mill-imwiet. Lill-Appostli Hu wrihom il-marki f’idejh u f’saqajh fejn Huwa kellu l-imsiemer. Huma messewhom u għarfu li dan kien il-mexxej tagħhom, Ġesù, li ġie lura għall-ħajja. Huwa tkellem magħhom u kiel magħhom.

Diskussjoni

  • Kif wera mħabbtu għalina Missierna fis-Smewwiet?

  • Kif wera mħabbtu għalina Ġesù?

Christ in Gethsemane [Kristu fil-Ġetsemani], minn Harry Anderson

Fil-Ġnien tal-Ġetsemani u aktar tard fuq is-salib, Ġesù ħa fuqu nnifsu d-dnubiet tal-bnedmin kollha.

Ġesù Għamilha Possibbli Għalina li Nitnaddfu mid-Dnub

Ġesù biss seta’ jħallas għal dnubietna. Aħna nirċievu l-benefiċċji kollha tas-sagrifiċċju tiegħu billi nemmnu li Hu jgħix u billi nħarsu l-kmandamenti tiegħu. Għandu jiddispjaċina għal dnubietna. M’għandna nagħmluhom qatt aktar. Aħna għandna nimxu wara t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Jekk nagħmlu dan Missierna fis-Smewwiet jaħfrilna dnubietna.

Diskussjoni

  • Għalfejn għandek bżonn lil Ġesù biex jgħinek tegħleb dnubietek?

  • X’hemm bżonn tagħmel ħalli l-Espjazzjoni ta’ Ġesù tkun tista’ tpatti għal dnubietek?

Christ on the Cross [Kristu fuq is-Salib], minn Carl Heinrich Bloch

Ġesù miet fuq is-salib għad-dnubiet tal-bnedmin kollha.

Ġesù Għamilha Possibbli Għalina Lkoll li Niksbu Lura Ġisimna

Ġesù miet minn jeddu u kien l-ewwel bniedem li qam mill-imwiet. Hu l-uniku bniedem li kellu l-qawwa li jqajjem lilu nnifsu. Hu għamilha wkoll possibbli għalina li nqumu mill-mewt.

Minkejja li mmutu, aħna nerġgħu ngħixu mill-ġdid. Meta mmutu, l-ispirtu tagħna jħalli ġisimna. Iżda peress li Ġesù għeleb il-mewt, l-ispirtu u l-ġisem tagħna se jerġgħu jingħaqdu flimkien għal dejjem. Aħna ma mmutu qatt aktar. Dan hu rigal li Ġesù ta lil kull min twieled f’din id-dinja.

Diskussjoni

  • Kif jagħmilha possibbli Ġesù li aħna niksbu lura ġisimna?

  • Min se jqum mill-mewt?