Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 25: Il-Liġi tal-Kastità


Kapitlu 25

Il-Liġi tal-Kastità

Missierna fis-Smewwiet tana l-qawwa sagra li jkollna t-tfal. Hu qalilna kif nużaw din il-qawwa. Jekk nużawha sewwa, aħna nistgħu nkunu verament ferħanin.

Missierna fis-Smewwiet Qalilna biex Ikollna t-Tfal u Nobdu l-Liġi tal-Kastità

Wara li Adam u Eva żżewġu, Missierna fis-Smewwiet qalilhom biex ikollhom it-tfal. Hu qal lil Adam u lil martu, Eva, biex ikollhom it-tfal ħalli l-ispirti fis-smewwiet ikunu jistgħu jiġu f’din id-dinja u jirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam. Il-ġisem tal-laħam u l-għadam hu wieħed mill-akbar rigali li tana Missierna fis-Smewwiet. Missierna fis-Smewwiet għandu ġisem tal-laħam u l-għadam, u Hu jrid li wliedu jsiru bħalu.

Il-qawwa li jkollna t-tfal hi verament sagra. Missierna fis-Smewwiet tana liġi li tgħidilna kif nużaw din il-qawwa. Din il-liġi tissejjaħ il-liġi tal-kastità. Tgħid li għandu jkollna relazzjonijiet sesswali biss mal-persuna li magħha aħna legalment miżżewġin. Dan ifisser li aħna m’għandux ikollna relazzjonijiet sesswali qabel niżżewġu, u wara li niżżewġu għandu jkollna relazzjonijiet sesswali biss mar-raġel jew mal-mara tagħna.

Li tagħmel abort, jew li tneħħi tarbija li għadha ma twelditx minn ġuf ommha u tħalliha tmut jew li toqtol lit-tarbija waqt li għadha f’ġuf ommha, huwa ħażin sakemm ma jkunx hemm xi ċirkustanzi speċjali, li għandhom jiġu kkunsidrati bir-reqqa bl-għajnuna tat-talb u bl-għajnuna tal-isqof jew tal-president tal-fergħa tagħna. M’għandniex ngħinu xi persuna oħra tagħmel abort.

Il-ġenituri huma dawk li għandhom jgħallmu l-liġi tal-kastità lil uliedhom. Il-ġenituri għandhom jgħallmuhom li ġisimhom huwa sagru u li m’għandhom iħallu lil ħadd imissilhom ċerti partijiet ta’ ġisimhom. Huma għandhom jikkoreġu ċerti ideat ħżiena u ċertu kliem ħażin li wliedhom jitgħallmu mingħand ħaddieħor.

Meta t-tfal jibdew jikbru, huma għandhom jiġu mgħallmin li Missierna fis-Smewwiet tana l-qawwa li jkollna t-tfal u li hu tajjeb li aħna nużaw din il-qawwa wara li niżżewġu. Meta wliedna jkollhom 12 jew 13-il sena, jeħtieġ li aħna nkunu diġà għinnihom jifhmu kif jinħolqu t-tfal. Jeħtieġ ngħallmuhom kmieni b’mod mill-aktar tattiku biex nipproteġuhom mill-periklu jew mit-tagħlim falz.

Diskussjoni

  • Għalfejn Missierna fis-Smewwiet tana l-qawwa li jkollna t-tfal?

  • X’inhi l-liġi tal-kastità?

  • X’għandna ngħallmu lil uliedna dwar ġisimhom?

Satana Jridna Niksru l-Liġi tal-Kastità

Satana jrid iwaqqafna milli nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Satana jridna niksru l-liġi tal-kastità. Hu jridna naħsbu li l-qawwa li jkollna t-tfal mhijiex sagra. Hu jridna naħsbu li mhux dnub li aħna niksru l-liġi tal-kastità.

Satana juża ċerta makakkerija biex jipperswadina ħalli niksru din il-liġi. Hu jipprova jġegħelna naħsbu li hu aċċettabbli li nħallu lil ħaddieħor jara u jmiss ġisimna. Satana jridna naħsbu ħsibijiet ħżiena. Hu jħeġġiġna biex inħarsu lejn stampi, filmati, u żfin li jħajruna biex ma nibqgħux safja. Hu jħeġġiġna wkoll biex nieħdu sehem fi żfin u nisimgħu stejjer, ċajt, u mużika li jħajruna biex ma nibqgħux safja. Satana jridna nagħmlu dawn l-affarijiet ħalli ġisimna ma jidhirx bħala xi ħaġa sagra u b’hekk aħna nużaw il-qawwa li jkollna t-tfal b’mod ħażin.

Xi kultant Satana jġarrabna permezz tas-sentimenti tagħna. Satana jaf meta aħna nkunu qed inħossuna weħidna, konfużi, jew imdejqin. Hu jagħżel dan iż-żmien ta’ dgħjufija biex iwassalna ħalli niksru l-liġi tal-kastità. Hu jridna naħsbu li aħna għandna d-dritt li nużaw il-qawwa li jkollna t-tfal b’kwalunkwe mod li nixtiequ nużawha. Hu jipprova jġegħelna naħsbu li aħna m’aħna se nbatu l-ebda konsegwenza jekk niksru l-liġi tal-kastità.

Missierna fis-Smewwiet jista’ jagħtina l-qawwa li nirreżistu t-tentazzjoni ta’ Satana. Hu ma jridniex naraw affarijiet ħżiena jew naħsbu ħsibijiet ħżiena. Hu wiegħed li mhux se jippermetti lil Satana li jġarrabna aktar milli kapaċi nirreżistu. Hu ħejja mod kif aħna nistgħu negħlbu t-tentazzjoni.

Aħna nistgħu nitolbu lil Missierna fis-Smewwiet biex jgħinna nirreżistu lil Satana. Meta aħna nitolbu, Missierna fis-Smewwiet jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jgħinna. L-Ispirtu s-Santu jgħinna niftakru li ġisimna huwa sagru u li l-qawwa li jkollna t-tfal hija qawwa sagra. L-Ispirtu s-Santu jgħinna biex ma nużawx din il-qawwa b’mod ħażin. Hu jgħinna nagħżlu li naraw u naqraw u naħsbu affarijiet tajbin. Hu jgħinna niftakru li jekk aħna niksru l-liġi tal-kastità aħna nħossuna mdejqin u jekk aħna nobdu din il-liġi aħna nħossuna ferħanin.

Diskussjoni

  • Għaliex Satana jridna niksru l-liġi tal-kastità?

  • X’nistgħu nagħmlu biex nirreżistu t-tentazzjoni ta’ Satana?

  • Kif jgħinna Missierna fis-Smewwiet nobdu l-liġi tal-kastità?

Il-Ksur tal-Liġi tal-Kastità Hu Dnub Serju Ħafna

Ir-relazzjonijiet sesswali huma tajbin u safja meta jinżammu bejn raġel u martu li jħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Huwa l-mod li tana Missierna fis-Smewwiet biex ikollna t-tfal. Huwa wkoll mod kif raġel u martu jesprimu l-imħabba tagħhom lejn xulxin u jsiru aktar viċin ta’ xulxin fis-sentimenti tagħhom. Iżda li xi ħadd ikollu relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ huwa dnub mill-aktar serju.

Il-ksur tal-liġi tal-kastità jwassalna biex inħossuna mdejqin. Meta aħna nirrealizzaw li ma obdejniex lil Missierna fis-Smewwiet, aħna nħossuna ħatja u nkunu rridu naħbu wiċċna. Nirrealizzaw li aħna wżajna ħażin il-qawwa sagra li Huwa tana u li wassalna biex ħaddieħor iħossu mdejjaq. Il-ksur tal-liġi tal-kastità jista’ jwassal biex tarbija titwieled mingħajr familja xierqa.

Tnejn biss huma d-dnubiet li huma aktar serji mill-ksur tal-liġi tal-kastità. Dawn huma li tiċħad l-Ispirtu s-Santu u li toqtol. Dawk li kisru l-liġi tal-kastità jistgħu jiġu maħfura. Missierna fis-Smewwiet qal li jekk huma jkollhom il-fidi f’Ġesù u jindmu minn dnubiethom, Huwa jaħfrilhom. Dawk li jiksru l-liġi tal-kastità u ma jindmux ma jkunux jistgħu jgħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Dawk li ġew stuprati jew abbużati sesswalment mhumiex ħatja ta’ ksur tal-liġi tal-kastità.

Il-maħfra tista’ tiġi biss permezz tal-fidi f’Ġesù u l-indiema. Jeħtieġ nirrealizzaw li aħna dnibna u verament inħossuna dispjaċuti għall-ħażin li wettaqna. Jeħtieġ nieqfu nagħmlu dak li hu ħażin u nistqarru dnubietna ma’ Missierna fis-Smewwiet, mal-persuni li weġġajna, u mal-awtorità tas-saċerdozju xierqa (l-isqof, il-president tal-fergħa, il-president tal-wited, jew il-president tal-missjoni). Missierna fis-Smewwiet qal li Hu jaħfer lil dawk li għandhom il-fidi f’Ġesù, jistqarru dnubiethom ma’ Missierna fis-Smewwiet u mal-mexxej xieraq tal-Knisja, u jindmu sinċerament. Kull min ma jagħmilx dawn l-affarijiet kollha ma jkunx nidem verament u ma jiksibx il-maħfra.

Diskussjoni

  • Għalfejn il-ksur tal-liġi tal-kastità huwa dnub mill-aktar serju?

  • X’jista’ jiġrilna meta niksru l-liġi tal-kastità?

  • Għalfejn għandna nobdu l-liġi tal-kastità?

  • X’għandna nagħmlu biex nindmu jekk niksru l-liġi tal-kastità?

Inkunu Ferħanin Jekk Nobdu l-Liġi tal-Kastità

Meta nobdu l-liġi tal-kastità, aħna nkunu qed nagħtu eżempju tajjeb li wliedna jistgħu jimxu warajh. Aħna nafu li Missierna fis-Smewwiet ikun kuntent bina meta nobduh. Meta nobdu din il-liġi, il-membri tal-familja tagħna jkunu jafu li aħna nħobbuhom, u ma jkollniex għalfejn inħossuna ħatja jew li għandna naħbu wiċċna. Aħna nsiru aktar bħal Missierna fis-Smewwiet. Missierna fis-Smewwiet ibierek lilna u lil uliedna, jew l-ulied li għad irid ikollna, meta aħna nobdu l-liġi tal-kastità.

Li fiż-żwieġ aħna nużaw il-qawwa li Missierna fis-Smewwiet poġġa f’ġisimna jġibilna l-ferħ. Għall-koppji miżżewġin, li jkollhom relazzjonijiet sesswali bejniethom iġibilhom il-ferħ. Dan jista’ jressaqhom aktar viċin ta’ xulxin b’sentimenti qawwija ta’ mħabba. It-tfal li jistgħu jitwieldu huma barka minn Missierna fis-Smewwiet. Minkejja li t-tfal xi kultant jinkwetaw jew inikktu bil-kbir lill-ġeniturii tagħhom, huma jġibu wkoll ħafna ferħ. Fost l-akbar ferħ li nesperjenzaw f’ħajjitna hemm il-ferħ li nħossu hekk kif uliedna jikbru, jitgħallmu, jiżżewġu, u jkollhom it-tfal.

Diskussjoni

  • X’barkiet nirċievu meta nobdu l-liġi tal-kastità?

  • Għalfejn aħna nkunu aktar ferħanin meta nobdu l-liġi tal-kastità milli meta ma nobduhiex?