Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 2: Ħajjitna fis-Smewwiet


Kapitlu 2

Ħajjitna fis-Smewwiet

Fejn konna ngħixu qabel twelidna f’din id-dinja? Hemm x’konna nagħmlu?

Ilkoll Kemm Aħna Wlied Missierna fis-Smewwiet

Qabel twelidna f’din id-dinja, aħna konna ngħixu fis-smewwiet. Id-dar tagħna fis-smewwiet kienet aktar meraviljuża u sabiħa minn kull ħaġa li nafu biha f’din id-dinja. Hemmhekk konna parti minn familja. Konna nħobbu lil xulxin u konna kuntenti. Missierna fis-Smewwiet kien Missier l-ispirti tagħna, u għalhekk aħna ta’ spiss insejħulu Missierna fis-Smewwiet. Peress li Hu Missierna, Huwa jħobbna u jimpurtah minna.

Kull bniedem li jgħix f’din id-dinja kien ħuna jew oħtna fis-smewwiet. It-tifel il-kbir fil-familja tagħna tas-smewwiet kien Ġesù Kristu.* Huwa ħuna l-kbir.

Meta konna ngħixu fis-smewwiet aħna ma kellniex ġisem tal-laħam u l-għadam bħal dak li għandna bħalissa. Aħna konna spirti. Spirtu għandu l-istess forma ta’ persuna. Bħala spirti, aħna konna kapaċi nitkellmu bejnietna, immorru minn post għall-ieħor, nagħżlu, u nkunu nafu d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin.

Ma konniex kollha l-istess fis-smewwiet. Konna differenti, kif aħna bħalissa. Kellna xewqat u abbiltajiet differenti. Tgħallimna nużaw l-abbiltajiet tagħna b’modi differenti.

Diskussjoni

  • Kif kienet id-dar tagħna fis-smewwiet?

  • Min kien Missierna?

  • Min kien ħuna l-kbir?

Missierna fis-Smewwiet Kien Jaf li Stajna Nsiru Bħalu

Peress li Missierna fis-Smewwiet hu Missier l-ispirti tagħna, Hu kien jafna sew. Hu kien iħobbna. Hu kien jaf li aħna konna rċevejna mingħandu l-abbiltà li nitgħallmu l-affarijiet li jaf Hu u li nsiru bħalu. Hu jridna nkunu dejjem twajbin, kif inhu Hu. Hu jrid jgħinna ntejbu l-abbiltà tagħna li nsiru bħalu.

Diskussjoni

  • Kif iħossu dwarna Missierna fis-Smewwiet, u xi jrid minna?

  • Xi tħoss ġo fik li taf li għandek Missier fis-Smewwiet?

Pre-Existence [Pri-Eżistenza], minn Jerry Harston

Qabel ġejna f’din id-dinja, aħna konna ngħixu fis-smewwiet.

Missierna fis-Smewwiet Għamel Pjan biex Jgħinna

Fis-smewwiet aħna tgħallimna ħafna affarijiet u avvanzajna kemm stajna, iżda kien hemm affarijiet li ma stajniex nitgħallmu u nagħmlu hemm. Missierna fis-Smewwiet għamel pjan għalina biex nitgħallmu aktar.

Hu sejħilna għal laqgħa fis-smewwiet. Aħna lkoll konna hemm. Hu spjega l-pjan tiegħu biex jgħinna nitgħallmu u qalilna li jekk aħna nimxu mal-pjan tiegħu nistgħu nsiru bħalu.

Missierna fis-Smewwiet qal li kien se jara li tinħoloq dinja, li fiha se ngħixu għal xi żmien. F’din id-dinja, aħna mhux se niftakru l-ħajja tagħna miegħu fis-smewwiet. Aħna se nkunu kapaċi nagħżlu ħwejjeġ tajbin jew ħwejjeġ ħżiena. Dan se jkun test biex nuru jekk aħna nobdux lil Missierna fis-Smewwiet meta ma nkunux miegħu.

Skont il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet, aħna lkoll se nirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam. Se jkollna bżonn dan it-tip ta’ ġisem biex nitgħallmu l-affarijiet li jaf Hu u nagħmlu l-affarijiet li jagħmel Hu. Aktar tard, aħna mmutu, u l-ispirtu tagħna jħalli l-ġisem tal-laħam u l-għadam tagħna. Iżda l-ispirti tagħna jerġgħu jingħaqdu mal-ġisem tagħna, u ma nerġgħu mmutu qatt aktar. Dawk li jagħmlu l-affarijiet li qalilna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet jerġgħu lura biex jgħixu miegħu għal dejjem.

Aħna tgħallimna li kulħadd se jkollu l-problemi f’din id-dinja, bħall-mard, l-uġigħ, in-niket, u l-mewt. Iżda fhimna li minn dawn il-ħwejjeġ aħna se nitgħallmu. Dawn il-problemi jistgħu jgħallmuna nħobbu u ngħinu lil xulxin.

Missierna fis-Smewwiet jagħżel iż-żmien u l-post li fih ilkoll kemm aħna nitwieldu f’din id-dinja. Hu kien jaf fejn fid-dinja kellu jibgħat lil kull wieħed u waħda minna biex nitgħallmu l-affarijiet li jeħtieġ inkunu nafu. Ilkoll se jkollna opportunitajiet biex nagħmlu ħafna affarijiet differenti. Missierna fis-Smewwiet riedna nagħmlu affarijiet tajbin u nkunu nistgħu nerġgħu lura għandu. Madankollu, Hu qatt ma jġegħelna nagħmlu xi ħaġa.

Xi wħud minna nagħżlu li nobduh. Jekk aħna nobduh, aħna nsiru aktar bħalu u nerġgħu lura biex ngħixu miegħu. Xi wħud minna jagħżlu li ma jobduhx. Jekk ma nobduhx, aħna ma nkunux nistgħu nsiru bħalu u ma nkunux nistgħu nerġgħu lura biex ngħixu miegħu.

Meta smajna x’kien il-pjan li Missierna fis-Smewwiet kellu għalina, aħna verament fraħna. Ridna li nkunu nistgħu nitgħallmu u niżviluppaw. Kull bniedem li għex f’din id-dinja qabel li kien lest jgħix skont il-pjan tiegħu.

Diskussjoni

  • X’kien il-pjan li Missierna fis-Smewwiet kellu għalina?

  • Għalfejn kellna bżonn inħallu d-dar tagħna fis-smewwiet?

  • Xi jridna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet f’din id-dinja?