Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 34: Il-Millennju


Kapitlu 34

Il-Millennju

X’Inhu l-Millennju? Kif se tkun il-ħajja f’din id-dinja waqt il-Millennju?

Nies Twajba Se Jgħixu f’Din id-Dinja waqt il-Millennju

Meta Ġesù jerġa’ jiġi, Hu se jsaltan fid-dinja għal 1,000 sena. Dan il-perjodu ta’ żmien se jkun magħruf bħala l-Millennju.

Il-Millennju se jkun żmien ta’ paċi u tjieba. Ġesù se jnaddaf lid-dinja mid-dnub qabel jibda l-Millennju. In-nies ħżiena se jinqerdu kollha. Se jkunu n-nies twajbin biss li f’dan iż-żmien se jiġu ppreservati biex jgħixu f’din id-dinja. Satana mhux se jerġa’ jkollu qawwa fuq in-nies ħlief għal żmien meta l-Millennju jkun riesaq lejn tmiemu.

Il-Profeta Joseph Smith qal li waqt il-Millennju nies mis-smewwiet se jżuru d-dinja ta’ spiss. Huma se jgħinu fil-ħidma li tkun qed issir fit-tempji u fil-ħidma missjunarja.

Diskussjoni

  • X’inhu l-Millennju?

  • Min se jkun qed jgħix f’din id-dinja waqt il-Millennju?

  • Ipprova mmaġina kif tkun l-esperjenza li tgħix f’post fejn m’hemm l-ebda ħażen.

Waqt il-Millennju se Jitwettqu Żewġ Ħidmiet Kbar

L-ewwel ħidma kbira li se sseħħ hi li jitwettqu l-ordinanzi fit-tempju kemm għan-nies ħajjin kif ukoll għan-nies mejtin. In-nies li qamu mill-mewt se jgħinu lin-nies li jkunu qed jgħixu f’din id-dinja jsibu l-ismijiet tal-qraba mejtin tagħhom u jikkoreġu xi żbalji li jkun hemm fir-reġistri.

Fit-tempji se jseħħu l-ordinanzi kollha neċessarji biex il-familji jiġu ssiġillati flimkien. Il-familji se jiġu marbutin flimkien minn ġenerazzjoni għall-oħra sa żmien Adam.

Il-ħidma kbira l-oħra hi li jiġi mxandar l-evanġelju. Kulħadd se jkun jista’ jisma’ l-evanġelju u jaċċettah. Xi nies twajbin li mhumiex membri tal-Knisja ta’ Ġesù xorta waħda se jgħixu fid-dinja meta jibda l-Millennju. Eventwalment, madankollu, in-nies kollha se jkunu jafu u se jgħidu li Ġesù hu s-Salvatur tad-dinja.

Diskussjoni

  • Liema huma ż-żewġ ħidmiet kbar li se jseħħu waqt il-Millennju?

Kif Se Tkun il-Ħajja Waqt il-Millennju

Waqt il-Millennju, din id-dinja se tkun kif kienet meta Adam u Eva kienu jgħixu fil-Ġnien tal-Għeden. Ma jkun hawn l-ebda gwerra. Ġesù se jmexxi kemm il-Knisja kif ukoll il-gvern. Il-liġijiet kollha se jkunu bbażati fuq prinċipji vera u tajbin. Se jkun hawn żewġt ibliet kapitali. Waħda minnhom se tkun Ġerusalemm. Il-belt kapitali l-oħra se tkun Ġerusalemm il-Ġdida, fl-Amerika ta’ Fuq.

In-nies se jgħixu flimkien f’paċi u mħabba. L-annimali kollha, anke dawk li bħalissa huma għedewwa, se jgħixu flimkien fil-paċi. Huma qatt mhu se jiġġieldu aktar bejniethom.

Mhux se jkun hawn aktar mard, u mhux se jkun hawn mewt. Meta n-nies jixjieħu, huma ma jmutux kif jiġri bħalissa. Huma jinbidlu f’daqqa mill-mod kif aħna bħalissa għal kundizzjoni immortali, li jfisser li huma qatt aktar ma jerġgħu jmutu.

Ikun privileġġ kbir li tgħix waqt il-Millennju. L-affarijiet li bħalissa ma nifhmux isiru ċari biżżejjed li nifhmuhom. Il-ħajja tkun tixbah ħafna l-ħajja tagħna bħalissa, ħlief li kollox se jseħħ f’imħabba u paċi. In-nies se jibqa’ jkollhom u jrabbu t-tfal, se jibqgħu jiżirgħu u jaħsdu l-art, u jibnu d-djar.

Diskussjoni

  • Kif se tkun din id-dinja waqt il-Millennju?

Se Sseħħ Taqbida Finali Qrib it-Tmiem tal-Millennju

Qrib it-tmiem tal-Millennju, Satana se jerġa’ jibda jkollu l-qawwa fid-dinja. Xi nies jibdew jemmnuh. Satana u dawk li jimxu warajh se jiġġieldu ma’ dawk li jimxu wara Ġesù. F’din il-gwerra, Satana u dawk li jimxu warajh se jiġu megħluba għal dejjem. Wara din il-gwerra, in-nies se jiġu ġġudikati, u lkoll se jiġu assenjati biex jgħixu fis-saltna li huma stess ħejjew lilhom infushom għaliha.

Diskussjoni

  • X’se jiġri fi tmiem il-Millennju?