Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 24: Il-Jum ta’ Qima


Kapitlu 24

Il-Jum ta’ Qima

Missierna fis-Smewwiet qalilna biex niddedikaw jum wieħed fil-ġimgħa biex inqimuh. Aħna nirċievu bosta barkiet meta nqaddsu dak il-jum.

Missierna fis-Smewwiet Tana Jum ta’ Qima sabiex Jgħinna

Missierna fis-Smewwiet jaf li aħna għandna ħafna problemi. Kuljum ikollna ħafna x’nagħmlu. Jeħtieġ li naħdmu biex ikollna x’nilbsu u x’nieklu. Jeħtieġ li nippreparaw l-ikel tagħna u nagħmlu ċertu xogħol ieħor ta’ kuljum.

B’daqstant affarijiet x’nagħmlu, hu faċli li ninsew lil Missierna fis-Smewwiet. Hu faċli wkoll li ninsew dak li Missierna fis-Smewwiet iridna nagħmlu. Aħna nispiċċaw naħsbu aktar fil-bżonnijiet tagħna ta’ kuljum milli naħsbu f’Missierna fis-Smewwiet.

Missierna fis-Smewwiet jaf li aħna neħtieġu ħin biex naħsbu dwaru. Għandna bżonn ħin li fih nitgħallmu x’iridna nagħmlu Hu. Minħabba f’hekk, Hu qalilna biex darba f’ġimgħa aħna għandna nqattgħu jum nistrieħu mix-xogħol tagħna u nitgħallmu dwaru.

Missierna fis-Smewwiet ħoloq din id-dinja permezz ta’ Ġesù Kristu fi żmien maqsum f’sitt perjodi. Hu sejjaħ dawn il-perjodi jiem. Fis-seba’ jum, Hu straħ mix-xogħol tal-ħolqien ta’ din id-dinja. Hu qalilna li jum wieħed fil-ġimgħa għandna nistrieħu mix-xogħol tagħna ta’ kuljum.

Missierna fis-Smewwiet Qalilna Liema Jum Huwa l-Jum ta’ Qima

Missierna fis-Smewwiet qal lin-nies fiż-żminijiet tal-qedem biex jiddedikaw il-seba’ jum tal-ġimgħa bħala l-jum ta’ qima. Dan il-jum kellu jgħin lin-nies jiftakru li wara li Hu ħoloq id-dinja Huwa straħ fis-seba’ jum.

Wara li miet, Ġesù qam mill-imwiet fl-ewwel jum tal-ġimgħa. Id-dixxipli ta’ Ġesù ddedikaw l-ewwel jum tal-ġimgħa bħala l-jum ta’ qima biex jgħin lin-nies jiftakru u jonoraw il-jum tal-qawmien ta’ Ġesù. Dan il-jum insejħulu jum il-Mulej. (Lil Ġesù xi kultant insejħulu l-Mulej.) B’hekk nirreferu għal dan il-jum bħala Jum il-Mulej.* Minkejja li hu jum differenti tal-ġimgħa milli kienu jqimu fih fi żmien il-qedem, xorta waħda huwa jum wieħed minn sebgħa. Aħna xorta waħda nwettqu l-ħidma ordinarja tagħna sitt ijiem fil-ġimgħa. Imbagħad fis-seba’ jum aħna nqimu lil Missierna fis-Smewwiet.

Fi żmienna, il-biċċa l-kbira tan-nies jiddedikaw l-ewwel jum tal-ġimgħa, li hu l-Ħadd, bħala l-jum ta’ qima. F’xi ftit każijiet Missierna fis-Smewwiet qal lill-profeta tiegħu li n-nies tiegħu f’ċerti pajjiżi jistgħu jiddedikaw jum ieħor bħala l-jum ta’ qima.

nies ikantaw fil-knisja

Il-Ħadd huwa jum ta’ qima.

Aħna Nistgħu Nqaddsu Jum il-Mulej

Hemm ħafna affarijiet li għandna nagħmlu f’jum il-Mulej. L-aktar ħaġa importanti li nistgħu nagħmlu hi li matul il-jum aħna naħsbu dwar Missierna fis-Smewwiet u dwar Ġesù. Għandna naħsbu dwar l-affarijiet li Huma jriduna nkunu nafu u nagħmlu. Xi affarijiet li nistgħu nagħmlu fil-jum ta’ qima li jgħinuna niftakru u nitgħallmu dwar Missierna fis-Smewwiet huma:

  1. Nistudjaw l-iskrittura li tgħallimna dwar Missierna fis-Smewwiet u Ġesù.

  2. Ngħinu lil ħaddieħor jitgħallem dwar il-Knisja.

  3. Ngħallmu lill-familji tagħna dwar Missierna fis-Smewwiet u Ġesù u dwar dak li Huma jriduna nagħmlu.

  4. Nattendu l-laqgħat u l-lezzjonijiet tal-Knisja fejn nistgħu nitgħallmu flimkien dwar l-evanġelju. Aħna nistgħu nitgħallmu xi stejjer dwar Ġesù u xi tagħlim ieħor tal-evanġelju, u nistgħu nitkellmu bejnietna dwar l-affarijiet li għamlu għalina Missierna fis-Smewwiet u Ġesù.

  5. Nistrieħu mix-xogħol li aħna nagħmlu fil-jiem l-oħra tal-ġimgħa.

  6. Nitolbu.

  7. Inżuru lill-morda u ngħinuhom iħossuhom aħjar.

  8. Niktbu dwar ċerti affarijiet li jiġru fil-familji tagħna ħalli nkunu nistgħu niftakruhom aktar tard.

Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu għandhom jieħdu sehem fis-sagrament fil-jum ta’ qima. Huma jistgħu jippreparaw għal dan billi jaħsbu dwar Ġesù u dwar l-affarijiet li Hu għamel għalina. Għandhom jitolbu lil Missierna fis-Smewwiet biex jgħinhom jiftakru f’Ġesù. Meta jieħdu s-sagrament, huma għandhom jiftakru fil-wegħdiet sagri li huma għamlu. Għandhom jaħsbu dwar l-affarijiet li Missierna fis-Smewwiet wiegħedhom jekk jobdu lil Ġesù.

Hemm ħafna affarijiet li m’għandniex nagħmlu fil-jum ta’ qima. Aħna m’għandniex naħdmu. M’għandniex inġiegħlu lill-familji, lill-qaddejja, jew lill-annimali tagħna jaħdmu. M’għandniex naqraw affarijiet, naraw programmi fuq it-televiżjoni, jew nisimgħu mużika li jżommuna milli naħsbu dwar Missierna fis-Smewwiet u Ġesù. M’għandniex immorru avvenimenti sportivi. M’għandniex nixtru jew inbiegħu affarijiet. Dawn l-affarijiet jafu jidhru importanti, iżda ma jgħinuniex naħsbu dwar Missierna fis-Smewwiet u dwar Ġesù f’dan il-jum sagru.

Jaf ikun hemm drabi li jkollna naħdmu fil-jum ta’ qima, iżda għandna nippruvaw ma naħdmux. Meta jkun assolutament neċessarju li aħna naħdmu, għandna naħsbu dwar Missierna fis-Smewwiet u dwar Ġesù waqt li naħdmu.

Diskussjoni

  • X’għandna nagħmlu f’jum il-Mulej?

  • X’m’għandniex nagħmlu fil-jum ta’ qima?

Missierna fis-Smewwiet Iberikna talli Nqaddsu Jum il-Mulej

L-għan tal-jum ta’ qima hu dejjem l-istess. Hu jum li fih nistrieħu mix-xogħol li nagħmlu ta’ kuljum. Hu jum li fih nitgħallmu dwar Missierna fis-Smewwiet u nippreparaw biex ngħixu ħajja miegħu. Hu jum li fih intejbu ħajjitna billi nitgħallmu aktar dwar dak li jridna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet.

Dan hu jum tajjeb għalina. Jgħinna niftakru f’Missierna fis-Smewwiet u r-raġuni għalfejn ninsabu hawn fid-dinja. Meta f’jum il-Mulej aħna nagħmlu l-affarijiet li jridna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet, aħna nirċievu għadd ta’ barkiet. Il-familji tagħna jkunu aktar ferħanin. Ġisimna jerġa’ jieħu s-saħħa. Aħna nersqu aktar viċin ta’ Missierna fis-Smewwiet u t-tagħlim tiegħu. Matul il-ġimgħa nkunu kapaċi nħossu l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu b’aktar qawwa. Peress li konna ubbidjenti, Missierna fis-Smewwiet jgħinna niksbu l-ikel, l-ilbies, u affarijiet oħra li neħtieġu. Hu jgħinna nitgħallmu aktar dwaru u nkunu kuntenti.

Diskussjoni

  • X’inhuma wħud mir-raġunijiet għalfejn il-jum ta’ qima għandna nżommuh bħala jum qaddis?