Kapitlu 27
Il-Kelma tal-Għerf
Il-ġisem tal-laħam u l-għadam tagħna hu waħda mill-akbar barkiet li tana Missierna fis-Smewwiet. Hu tana liġi tas-saħħa biex tgħinna nieħdu ħsieb ġisimna. X’nafu dwar din il-liġi tas-saħħa?
Ġisimna Huwa Sagru
Raġuni importanti għaliex ġejna f’din id-dinja hi biex nirċievu ġisem tal-laħam u l-għadam. Aħna neħtieġu ġisem sabiex inkunu nistgħu nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet. Hu biss permezz ta’ ġisem tal-laħam u l-għadam li aħna nistgħu nitgħallmu l-affarijiet li jeħtieġ inkunu nafu biex insiru bħalu. Aħna jista’ jkollna t-tfal. Nistgħu nirċievu l-ordinanzi neċessarji sabiex nerġgħu lura biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet. Mingħajr ġisem ma nistgħux nagħmlu dawn l-affarijiet.
Peress li l-ispirtu tagħna jgħix f’ġisimna, ġisimna huwa sagru. Meta aħna jkollna l-fidi f’Ġesù Kristu u nippruvaw nobduh, Missierna fis-Smewwiet jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex ikun magħna. L-Ispirtu s-Santu ma jistax jibqa’ magħna jekk aħna ma nobdux u ma nieħdux ħsieb ġisimna.
Meta mmutu, l-ispirtu tagħna jħalli ġisimna. Meta Ġesù miet, l-ispirtu tiegħu ħalla ġismu. Wara tlett ijiem, l-ispirtu tiegħu reġa’ daħal f’ġismu u Huwa qam mill-imwiet. Ġesù kellu l-qawwa li jerġa’ lura għall-ħajja; u minħabba s-sagrifiċċju tiegħu għalina, aħna wkoll se nqumu mill-mewt wara li mmutu. L-ispirtu u l-ġisem tagħna jerġgħu jingħaqdu flimkien. Ġesù kien jaf li aħna se jkollna bżonn ġisem immortali tal-laħam u l-għadam biex inkunu nistgħu nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet u ngħixu għal dejjem miegħu.
Missierna fis-Smewwiet iridna nieħdu ħsieb sewwa ta’ ġisimna. Jekk nieħdu ħsieb sewwa ta’ ġisimna, aħna nistgħu nkunu b’saħħitna u nkunu nistgħu nagħmlu l-affarijiet l-oħra li jridna nagħmlu Hu. Ilkoll kemm aħna jeħtieġ niddeċiedu jekk nieħdux ħsieb sewwa ta’ ġisimna jew nagħmlux affarijiet li jagħmlulu l-ħsara. Aħna nafu li ġisimna hu importanti f’din il-ħajja u wara din il-ħajja. Għandu jkollna r-rieda li nieħdu ħsiebu sewwa. Missierna fis-Smewwiet ma jieħux pjaċir meta aħna ma nieħdux ħsieb ġisimna.
Il-ġenituri għandhom ikunu dawk li jgħallmu lil uliedhom li ġisimhom huwa rigal sagru mingħand Missierna fis-Smewwiet u jispjegawlhom għalfejn ġisimhom huwa importanti. Meta t-tfal jifhmu għaliex huwa importanti li jieħdu ħsieb sewwa ta’ ġisimhom, huma ma jkunux iridu jimxu wara t-tentazzjoni ta’ Satana.
Missierna fis-Smewwiet Tana Liġi tas-Saħħa
Missierna fis-Smewwiet qalilna liema huma wħud mill-affarijiet li huma tajbin għal ġisimna u affarijiet oħra li mhumiex tajbin għalih. Dan nsibuh miktub fl-iskrittura u jissejjaħ il-Kelma tal-Għerf.
Missierna fis-Smewwiet żvela l-Kelma tal-Għerf lill-Profeta Joseph Smith. Din hi liġi. Jeħtieġ li aħna nobdu din il-liġi biex ikollna ġisem u moħħ b’saħħtu.
Il-Kelma tal-Għerf tgħallimna x’inhu tajjeb għal ġisimna. Aħna għandna nieklu u nixorbu biss affarijiet li huma tajbin għal ġisimna. Għandna nieklu l-frott, il-ħaxix, u ċ-ċereali. Għandna nieklu ammont xieraq minn dan l-ikel u ma niklux iżżejjed. M’għandniex nieklu ħafna laħam.
Missierna fis-Smewwiet Qalilna X’Mhuwiex Tajjeb għal Ġisimna
Missierna fis-Smewwiet jaf li Satana jipprova jipperswadina sabiex nużaw ġisimna b’mod ħażin. Missierna fis-Smewwiet qalilna x’inhuma wħud mill-affarijiet li mhumiex tajbin għal ġisimna. Mhux tajjeb għal ġisimna li nixorbu l-alkoħol. Missierna fis-Smewwiet talabna biex ma nixorbux birra, xorb alkoħoliku, u xorb ieħor li fih l-alkoħol. Dawn l-affarijiet jistgħu jikkawżaw il-mard u jistgħu jwasslu għall-iskuntentizza fid-dar. Meta n-nies jixorbu dawn l-affarijiet, huma ma jibqgħux jaħsbu b’mod ċar. Dan ix-xorb ħafna drabi jwassal lin-nies biex jagħżlu affarijiet ħżiena, biex jigdbu, biex iberbqu flushom kollha, u biex jiksru l-liġi tal-kastità. Meta mara tqila tixrob xorb alkoħoliku, hija tista’ tagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. In-nies li jixorbu x-xorb alkoħoliku jikkawżaw bosta problemi serji.
Missierna fis-Smewwiet qalilna wkoll li t-tabakk jagħmel ħsara lil ġisimna. M’għandniex inpejpu jew nomogħdu t-tabakk. Ix-xjentisti sabu li t-tabakk jikkawża l-mard u jagħmel ħsara lit-trabi li għadhom ma twieldux.
Missierna fis-Smewwiet qalilna wkoll biex ma nixorbux kafè u te. M’għandniex nixorbu kafè u te għaliex fihom sustanzi li jagħmlu l-ħsara. M’għandniex nużaw drogi, ħlief fil-mediċina li jagħtuna t-tobba.
Missierna fis-Smewwiet qalilna li l-alkoħol, it-tabakk, u d-drogi jistgħu jgħinuna jekk inkunu nafu kif għandna nużawhom. Hu qal li l-alkoħol għandu jintuża biss biex naħslu ġisimna bih. It-tabakk jista’ jintuża biex ifejjaq il-ġrieħi fil-baqar morda. Id-drogi xi kultant jgħinu biex ifejquna meta nkunu morda. Iżda qabel nippruvaw nużaw dawn l-affarijiet, għandna nitgħallmu minn min jifhem għalfejn għandna nużawhom u kif għandna nużawhom. Jekk nużawhom ħażin, jistgħu jagħmlulna l-ħsara.
M’għandna nieħdu xejn f’ġisimna li mhux tajjeb għalina. Il-Kelma tal-Għerf tgħidilna x’inhuma wħud mill-aktar affarijiet li jagħmlu ħsara. Hija liġi importanti.
Il-Kelma tal-Għerf ma tgħidilniex dwar kull ħaġa li m’għandniex nużaw. Jeħtieġ nifhmu li kull ħaġa li tagħmel ħsara lil ġisimna jew lil moħħna, anke jekk mhix imsemmija fil-Kelma tal-Għerf, m’għandniex nużawha. Aħna għandna nieħdu ħsieb ġisimna b’modi oħra, bħal per eżempju billi naħsluh ta’ spiss biex inżommuh nadif u billi nagħmlu biżżejjed eżerċizzju u nistrieħu.
Aħna Niksbu Barkiet Kbar jekk Nobdu l-Kelma tal-Għerf
Jekk nobdu l-Kelma tal-Għerf, Missierna fis-Smewwiet ibierek ġisimna biex ikun aktar b’saħħtu milli jkun kieku aħna ma nobdux dan il-kmandament. Aħna nkunu kapaċi nwettqu l-ħidma tiegħu f’din id-dinja. Hu qal li jekk aħna nobdu din il-liġi aħna nkunu kapaċi niġru mingħajr ma ngħejjew u nimxu mingħajr ma nħossuna ħażin. Din hi barka kbira.
Missierna fis-Smewwiet wiegħed ukoll li jberikna b’għerf u għarfien kbir jekk aħna nobdu l-Kelma tal-Għerf. L-Ispirtu s-Santu jiżvelalna bosta affarijiet importanti li kieku ma nkunux nafu. Satana ma jkollux qawwa fuqna. Jekk aħna nobdu l-Kelma tal-Għerf, aħna nkunu aktar b’saħħitna u nkunu qegħdin nitħejjew għall- ħajja eterna* ma’ Missierna fis-Smewwiet.