Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 7: L-Ispirtu s-Santu


Kapitlu 7

L-Ispirtu s-Santu

Missierna fis-Smewwiet għażel lil xi ħadd biex jgħidilna l-affarijiet li jridna nkunu nafu. Min hi din il-persuna, u kif nistgħu nitgħallmu nifhmu l-messaġġi ta’ Missierna fis-Smewwiet?

L-Ispirtu s-Santu Jaħdem ma’ Missierna fis-Smewwiet u ma’ Ġesù biex Jgħinna

L-Ispirtu s-Santu jaħdem ma’ Missierna fis-Smewwiet u ma’ Ġesù. Hu jixhed magħna li Huma jgħixu u jħobbuna. Hu jgħinhom jgħallmuna l-affarijiet li jeħtieġ inkunu nafu u nagħmlu u jgħinna nobdu l-kmandamenti tagħhom. Hu m’għandux ġisem tal-laħam u l-għadam kif għandhom Missierna fis-Smewwiet u Ġesù. Huwa spirtu. Hu jixbah lill-bniedem.

Missierna fis-Smewwiet, Ġesù Kristu, u l-Ispirtu s-Santu huma tliet persuni separati. Huma jaħdmu flimkien biex jgħinuna nitgħallmu l-affarijiet li hemm bżonn inkunu nafu u nagħmlu. Meta nirċievu xi messaġġi mingħand Missierna fis-Smewwiet jew Ġesù, normalment ikun l-Ispirtu s-Santu li jgħaddihom lilna. Hu jgħinna wkoll nobdu l-kmandamenti tagħhom.

Diskussjoni

  • Ma’ min jaħdem l-Ispirtu s-Santu?

  • L-Ispirtu s-Santu kif inhu differenti minn Missierna fis-Smewwiet u minn Ġesù?

Il-Ħidma tal-Ispirtu s-Santu

L-Ispirtu s-Santu jgħallimna dwar Missierna fis-Smewwiet u dwar Ġesù. Hu jgħidilna li Huma jgħixu u jħobbuna. Jgħidilna li Missierna fis-Smewwiet hu Missier l-ispirti tagħna. Jgħidilna wkoll li Ġesù hu s-Salvatur tagħna.

L-Ispirtu s-Santu jgħinna nifhmu dwar Missierna fis-Smewwiet u Ġesù u dwar il-ħwejjeġ li għandna nagħmlu sabiex nerġgħu lura fis-smewwiet. Hu jgħinna wkoll nitgħallmu u nifhmu l-verità kollha.

L-Ispirtu s-Santu jagħtina wkoll qawwa biex nobdu l-kmandamenti ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù. Hu jista’ jgħinna nieħdu deċiżjoni tajba meta nkunu bejn ħaltejn. Huwa jista’ jagħtina l-paċi fi żmien ta’ nkwiet.

Diskussjoni

  • X’inhi l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu?

  • L-Ispirtu s-Santu x’jista’ jgħinna nkunu nafu?

  • L-Ispirtu s-Santu x’jista’ jgħinna nagħmlu?

L-Ispirtu s-Santu Jgħallimna b’Qawwa

L-Ispirtu s-Santu jgħallimna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Dan tant hu tagħlim qawwi li qatt ma nistgħu ninsewh. L-Ispirtu s-Santu normalment ma jkellimniex b’mod li nistgħu nisimgħuh b’widnejna. Minflok, Hu jwassalna biex naħsbu jew inħossu jekk dak li naqraw jew nisimgħu huwiex veru. Dawn huma verament sentimenti qawwijin.

Il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tista’ tinħass minn ħafna nies fl-istess ħin. Biex tifhem dan aħjar, aħseb fix-xemx. Xemx waħda biss hawn, iżda d-dawl u s-sħana tagħha jinħassu minn nies f’postijiet diversi fl-istess ħin. L-Ispirtu s-Santu nistgħu nħarsu lejh bl-istess mod. Il-qawwa tiegħu tista’ tinħass minn nies f’postijiet diversi fl-istess ħin minkejja li Hu nnifsu jinsab f’post wieħed biss f’ħin wieħed.

Diskussjoni

  • L-Ispirtu s-Santu kif jgħidilna l-affarijiet li jeħtieġ inkunu nafu?

  • Kif jista’ l-Ispirtu s-Santu jgħin ħafna nies fl-istess ħin?

L-Ispirtu s-Santu Jgħin lil Kull Wieħed u Waħda Minna

Wara li Missierna fis-Smewwiet bagħat lil Adam u Eva ’l barra mill-Ġnien tal-Għeden, huma bdew jitolbu u staqsewh x’għandhom jagħmlu. Missierna fis-Smewwiet bagħat lill-Ispirtu s-Santu biex jgħallimhom dwaru u dwar Ġesù u dwar l-affarijiet li Adam u Eva għandhom jagħmlu. L-Ispirtu s-Santu qalilhom li t-tagħlim ta’ Missierna fis-Smewwiet kien veru. Hu tahom il-qawwa biex jagħmlu l-affarijiet li riedhom jagħmlu Missierna fis-Smewwiet.

Hu għinhom ukoll biex ikunu umli u grati għall-affarijiet li għamel għalihom Missierna fis-Smewwiet.

Permezz tal-gwida tal-Ispirtu s-Santu, Adam u Eva tgħallmu li xi darba huma setgħu jerġgħu jgħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet jekk huma jimxu dejjem wara Ġesù u jobdu l-kmandamenti tiegħu. Il-gwida tal-Ispirtu s-Santu għamlithom verament ferħanin.

Missierna fis-Smewwiet iħobb lil kull wieħed u waħda minna. Huwa jibgħat lill-Ispirtu s-Santu biex jiggwidana u jgħallimna l-verità. Madankollu, l-Ispirtu s-Santu jista’ jgħinna biss jekk aħna nippruvaw nimxu b’ħerqa wara l-kmandamenti u t-tagħlim li Hu jwasslilna mingħand Missierna fis-Smewwiet u Ġesù. Jekk aħna ma nippruvawx nobdu b’ħerqa l-kmandamenti tagħhom, jew jekk ma rridux li l-Ispirtu s-Santu jgħallimna, Hu ma jgħidilna xejn. Aħna ngħixu ħajja aħjar jekk nimxu wara t-tagħlim tal-Ispirtu s-Santu.

Diskussjoni

  • Kif għen lil Adam u Eva l-Ispirtu s-Santu?

  • X’nistgħu nagħmlu biex nirċievu l-għajnuna mingħand l-Ispirtu s-Santu?