Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 17: Id-Dixxipli ta’ Ġesù Kristu


Abraham on the Plains of Mamre, [Abraham ħdejn il-Ballut ta’ Mamri] minn Grant Romney Clawson

Abraham għamel patt mal-Mulej.

Kapitlu 17

Id-Dixxipli ta’ Ġesù Kristu

Id-dixxipli ta’ Ġesù Kristu huma differenti minn nies oħra. Min huma d-dixxipli tiegħu? Kif inhuma differenti?

Id-Dixxipli ta’ Ġesù Jħobbu lil Missierna fis-Smewwiet

Id-dixxipli ta’ Ġesù huma nies li jemmnu fih u jobduh. Huma jitgħallmu l-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet kif inhu mgħallem lilhom minn Ġesù u jridu jimxu warajh. Huma jħobbu lil Missierna fis-Smewwiet u jemmnu li Hu jrid li huma lkoll ikollhom l-aħjar ħajja possibbli. Huma jemmnu li Ġesù hu Iben Missierna fis-Smewwiet. Huma jemmnu li Ġesù hu s-Salvatur tagħhom. Huma jemmnu li Ġesù għamilha possibbli għalihom li jerġgħu lura biex jgħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet. Huma jemmnu li hu biss jekk jimxu wara Ġesù u jobdu l-kmandamenti tiegħu li huma jistgħu jiġu maħfurin minn dnubiethom u jerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet.

Dawk li jimxu wara Ġesù huma grati lejn Alla u lejn Ġesù għal dak kollu li Alla u Ġesù għamlu għalihom. Huma jridu jobdu lil Ġesù. Huma jindmu minn dnubiethom. Huma jitgħammdu u jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Huma jifhmu li n-nies kollha huma importanti għal Alla. Huma jippruvaw jgħinu lil ħaddieħor b’kull mod possibbli.

Id-dixxipli vera ta’ Ġesù jagħmlu wegħdiet sagri. Huma jwiegħdu lil Missierna fis-Smewwiet li huma se jieħdu fuqhom l-isem ta’ Ġesù Kristu. Dan ifisser li se jkunu magħrufa bħala membri tal-Knisja tiegħu, li jaċċettaw u jimxu wara t-tagħlim kollu tiegħu, u jiftakru dejjem fih. Huma jwiegħdu wkoll li se jħobbu lil ħaddieħor u jgħinuh.

Missierna fis-Smewwiet jagħmel ċerti wegħdiet sagri mad-dixxipli ta’ Ġesù. Fost l-affarijiet li Huwa jwiegħed hemm li Hu:

  1. Jaċċettahom bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

  2. Jagħtihom id-don tal-Ispirtu s-Santu.

  3. Jgħinhom jiksbu l-affarijiet li jeħtieġu.

  4. Jagħtihom il-qawwa tiegħu biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tiegħu.

  5. Jagħtihom barkiet kbar, bħalissa u għal dejjem.

  6. Jagħtihom iċ-ċans li jerġgħu lura biex jgħixu miegħu jekk ikomplu jobdu lil Ġesù.

Diskussjoni

  • Kif inhuma differenti d-dixxipli ta’ Ġesù minn nies oħra?

  • Id-dixxipli ta’ Ġesù xi jwiegħdu li lesti jagħmlu?

  • Xi jwegħduhom Missierna fis-Smewwiet u Ġesù lid-dixxipli ta’ Ġesù?

Moses Calls Aaron to the Ministry [Mosè Jsejjaħ lil Aron għall-Ministeru], minn Harry Anderson

Mosè ta s-saċerdozju lil Aron permezz tat-tqegħid tal-idejn.

Ġesù Jagħti s-Saċerdozju lil Membri Denji Maskili tal-Knisja

Ġesù jagħti lill-membri denji maskili tal-Knisja l-awtorità biex huma jgħinuh iwettaq il-ħidma tiegħu. Din l-awtorità tissejjaħ is-saċerdozju. Missierna fis-Smewwiet ta din l-awtorità lil Ġesù.

Li wieħed ikollu s-saċerdozju hija barka kbira. Is-saċerdozju hija awtorità sagra. Huma biss dawk il-membri maskili li huma dixxipli vera ta’ Ġesù u li qed jaħdmu b’ħerqa biex iħarsu l-kmandamenti tiegħu li jiġu mogħtija ċ-ċans li jkollhom is-saċerdozju.

Meta raġel ikollu s-saċerdozju, huwa jista’ jwettaq ċerti affarijiet li jridu jagħmel Ġesù. Hu jista’ jgħallem lil nies oħra dwar Missierna fis-Smewwiet u dwar Ġesù, jgħammidhom, u jagħtihom id-don tal-Ispirtu s-Santu. Raġel li għandu s-saċerdozju jista’ jbierek lill-membri tal-familja tiegħu meta huma jkunu morda u meta jkollhom problemi oħra. Kull meta n-nies emmnu f’Ġesù u obdew il-kmandamenti tiegħu, Ġesù tahom is-saċerdozju u barkiet oħra.

Diskussjoni

  • X’inhu s-saċerdozju?

  • Għalfejn Ġesù jagħti s-saċerdozju lil membri denji maskili tal-Knisja tiegħu?

Ħafna Nies Emmnu f’Ġesù u Mxew Wara l-Kmandamenti Tiegħu Qabel Hu Ġie fid-Dinja

Adam u Eva u Xi Wħud Minn Uliedhom Emmnu f’Ġesù u Mxew Wara l-Kmandamenti Tiegħu Qabel Hu Ġie fid-Dinja

Missierna fis-Smewwiet qal lil Adam u Eva biex jemmnu f’Ġesù Kristu u jobdu l-kmandamenti tiegħu. Qalilhom li xi darba Hu kien se jiġi f’din id-dinja. Adam u Eva wiegħdu li huma kienu se jobdu. Huma żammew il-wegħda tagħhom. Huma tgħammdu, u rċevew id-don tal-Ispirtu s-Santu.

Qabel Ġesù ġie fid-dinja, Hu ta s-saċerdozju lil Adam. Hu ppermetta li Adam jagħti s-saċerdozju lil uliedu s-subien li obdew lil Ġesù. Adam poġġa jdejh fuq ras kull iben ubbidjenti tiegħu u tah is-saċerdozju. Aktar tard, ulied Adam taw is-saċerdozju lil uliedhom is-subien bl-istess mod.

Diskussjoni

  • X’għamlu Adam u Eva biex isiru dixxipli ta’ Ġesù?

  • Kif irċevew is-saċerdozju d-dixxipli ta’ Ġesù?

Abraham Bierek lil Ġesù u Mexa Wara l-Kmandamenti Tiegħu

Abraham u l-familja tiegħu emmnu f’Ġesù. Huma emmnu li xi darba Huwa kellu jiġi f’din id-dinja. Abraham wiegħed lil Missierna fis-Smewwiet li hu kien se jobdi lil Ġesù u jwettaq il-ħidma tiegħu. Missierna fis-Smewwiet wiegħed lil Abraham li jekk huwa kien se jkun ubbidjenti, Missierna fis-Smewwiet kien se jbierek lilu u lid-dixxendenti tiegħu. Dawn huma wħud mill-affarijiet li wiegħed Missierna fis-Smewwiet:

  1. Hu jagħti s-saċerdozju lil Abraham u lid-dixxendenti tiegħu.

  2. Hu jagħti lil Abraham u lid-dixxendenti tiegħu art biex huma jgħixu fiha.

  3. Hu jagħti lil Abraham bosta dixxendenti.

  4. Ħafna mid-dixxendenti ta’ Abraham se jkunu dixxipli ta’ Ġesù.

  5. Ħafna mid-dixxendenti ta’ Abraham jagħżlu li jwettqu l-ħidma ta’ Ġesù u jgħallmu lil ħaddieħor dwar Missierna fis-Smewwiet u Ġesù.

Abraham għallem lil uliedu biex jemmnu f’Ġesù u jobdu l-kmandamenti tiegħu. Abraham ta s-saċerdozju lil ibnu li kien jismu Iżakk. Iżakk ta s-saċerdozju lil ibnu li kien jismu Ġakobb. Aktar tard, lil Ġakobb Missierna fis-Smewwiet bidillu ismu għal Iżrael. Iżrael kellu tnax-il tifel. Hu għallimhom biex jemmnu f’Ġesù u jobdu l-kmandamenti tiegħu. Huma kellhom is-saċerdozju. Id-dixxendenti ta’ wlied Iżrael bdew jissejħu t-tnax-il tribù ta’ Iżrael.

Diskussjoni

  • X’wiegħed Missierna fis-Smewwiet lil Abraham?

  • Min kien Iżrael?

Il-Poplu ta’ Iżrael Emmen f’Ġesù u Obda l-Kmandamenti Tiegħu

Peress li f’pajjiżhom ma kienx hemm biżżejjed ikel, Iżrael u wliedu marru jgħixu f’pajjiż jismu l-Eġittu. Maż-żmien in-nies li kienu jgħixu fl-Eġittu ġiegħlu lid-dixxendenti ta’ Iżrael jaħdmu xogħol iebes. Huma ġegħluhom biex jibqgħu fl-Eġittu sabiex ikunu l-qaddejja tagħhom. Ma ħallewhomx jerġgħu lura fl-art li Ġesù wiegħed li jagħtihom.

Ħafna snin wara, Missierna fis-Smewwiet għażel raġel jismu Mosè biex joħroġ lid-dixxendenti ta’ Iżrael ’il barra mill-Eġittu. Mosè uża l-qawwa tas-saċerdozju biex jgħinhom jaħarbu min-nies tal-Eġittu. Hu mexxihom sal-art li Ġesù wiegħed li jagħtihom. Din l-art kienet tissejjaħ Kangħan. Kienet tinsab fin-naħa tal-punent tax-Xmara Ġordan u l-Baħar il-Mejjet.

Diskussjoni

  • X’qawwa uża Mosè biex jgħin lin-nies ta’ Ġesù jaħarbu mill-Eġittu?

In-Nies ta’ Iżrael Ma Baqgħux Jemmnu f’Ġesù

Wara li n-nies ta’ Iżrael kienu ilhom bosta snin jgħixu fl-art ta’ Kangħan, huma ma baqgħux jemmnu f’Ġesù u jobdu l-kmandamenti tiegħu. Ġesù bagħat profeti biex jgħidulhom ħalli jindmu u jobdu l-kmandamenti tiegħu. Isaija, Elija, u Ġeremija kienu wħud mill-profeti li bagħat Ġesù. Kien hemm ħafna profeti oħra.

Iżda n-nies ta’ Iżrael baqgħu ma nidmux. Għalhekk Missierna fis-Smewwiet ippermetta li nies oħra jiġu u jaħkmuhom u jeħdulhom arthom u jġiegħlu lil ħafna minnhom biex jaħarbu f’artijiet oħra. Dan wassal biex in-nies saru umli u bdew jiftakru f’Ġesù u jobduh. Iżda ħafna snin qabel twieled Ġesù f’Betlehem, in-nies ta’ Iżrael reġgħu saru ħżiena, u Missierna fis-Smewwiet ippermetta lin-nies li jissejħu Rumani li jaħkmu lill-poplu ta’ Iżrael. Huma ħadu f’idejhom il-kontroll ta’ arthom u l-bini sagru tagħhom.

Diskussjoni

  • X’ġara meta n-nies insew il-wegħdiet li huma għamlu ma’ Missierna fis-Smewwiet u ma baqgħux jobdu lil Ġesù?

Ġesù Ġie fid-Dinja u Organizza lid-Dixxipli Tiegħu

Meta Ġesù ġie fid-dinja, Huwa għallem lin-nies li Hu kien Iben Alla. Hu għallem li huma ma kellhomx għalfejn ibatu għal dejjem minħabba dnubiethom jekk huma jobdu t-tagħlim tiegħu. Hu qalilhom biex jemmnu fih u jindmu. Hu qal li huma kellhom bżonn jitgħammdu. Hu wiegħed li jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jgħinhom. Huwa għallimhom biex iħobbu u jobdu lil Alla. Huwa għallimhom biex iħobbu lil ħaddieħor u jgħinuh.

In-nies li emmnu f’Ġesù u obdewh saru dixxipli tiegħu. Hu organizza lin-nies tiegħu fi grupp jissejjaħ il-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Hu ta s-saċerdozju lill-irġiel li kienu l-mexxejja u l-għalliema fil-Knisja tiegħu.

Diskussjoni

  • Ġesù kif jgħin lin-nies jimxu warajh?

  • X’jeħtieġ li jagħmlu n-nies biex ikunu jistgħu jsiru dixxipli ta’ Ġesù?

Li Tkun Wieħed mid-Dixxipli ta’ Ġesù Hu Privileġġ Kbir

Dawk li jimxu wara Ġesù huma nies ferħanin. Huma jafu l-pjan li għandu għalihom Missierna fis-Smewwiet. Jafu li Missierna fis-Smewwiet iħobbhom. Jafu li Hu jridhom jimxu wara Ġesù ħalli Ġesù jkun jista’ jgħinhom jerġgħu lura għandu. Huma jafu x’affarijiet għandhom jagħmlu biex ikunu ferħanin. Huma għandhom id-don tal-Ispirtu s-Santu biex jgħinhom u jfarraġhom. Meta jkollhom il-problemi, huma jafu li Ġesù lest li jgħinhom. Jafu li Alla jberikhom għall-fidi li għandhom li jimxu wara Ġesù.

Dawk li jimxu wara Ġesù huma grati għall-ħafna barkiet li jagħtihom Missierna fis-Smewwiet. Huma jirringrazzjaw lil Missierna fis-Smewwiet għal dawn il-barkiet meta huma jitolbu.

In-nies li mhumiex dixxipli ta’ Ġesù jistgħu jsiru dixxipli tiegħu. Huma jistgħu jitgħallmu dwaru billi jaqraw l-iskrittura u jisimgħu dak li jgħidu l-mexxejja tal-Knisja tiegħu. Huma jistgħu jemmnu fih, jindmu, u jitgħammdu. Jekk jobdu lil Ġesù, huma jistgħu jirċievu l-istess affarijiet li Alla minn dejjem wiegħed lid-dixxipli ta’ Ġesù.

Diskussjoni

  • Għalfejn huwa privileġġ kbir li tkun wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù?