Kapitlu 1
Hemm Alla
Xi kultant in-nies jistaqsu lilhom infushom: Hemm Alla? Jekk hemm Alla, kif inhu? Kif nista’ nkun naf dwaru?
Ħafna Affarijiet Juruna li Hemm Alla
Meta nħarsu lejn il-ħafna ħwejjeġ meraviljużi li hawn f’din id-dinja, nafu li xi ħadd għaqli u twajjeb ippjanaha u għamilha. Billejl, meta naraw il-ħafna kwiekeb u pjaneti dejjem jiċċaqalqu fil-postijiet eżatti tagħhom, nafu li xi ħadd li għandu qawwa kbira għamilhom u qed jikkontrollhom. Alla hu dak li għamel dan kollu.
Hawn nies twajbin li raw u tkellmu ma’ Alla. Huma qalulna kif inhu Alla u xi jridna nagħmlu. Qalulna li Hu Missierna fis-Smewwiet. Huma kitbu kotba sagri ħalli nkunu nistgħu nitgħallmu dwaru.
Ilkoll kemm aħna nistgħu nkunu nafu li hemm Alla u li Hu Missierna fis-Smewwiet. Hu jgħinna biex insiru nafu li Hu reali u li nistgħu nkunu nafu aktar dwaru.
Missierna fis-Smewwiet Hu Bniedem Perfett
Il-bnedmin twajba li raw lil Missierna fis-Smewwiet qalu li Hu reali. Huwa jgħix. Jixbah lil bniedem.
Missierna fis-Smewwiet mhuwiex xi idolu jew xi annimal. Hu għandu ġisem tal-laħam u l-għadam. Ġismu jixbah lil ġisem ta’ bniedem, iżda hu differenti.
Ġismu ma jmut qatt. Ġismu ma jħoss l-ebda uġigħ u ma jistax jimrad.
Huwa jħoss. Hu jista’ jħossu ferħan jew imnikket. Hu jħobb lill-bnedmin kollha u jridhom ikunu kuntenti. Huwa ta’ qalb tajba u ġust. Hu jagħmel biss ħwejjeġ tajbin, u jgħid biss il-verità. Hu jaf kollox. Hu jista’ jagħmel kollox. Hu mdawwar bid-dawl. Id-dija u s-sbuħija tiegħu huma akbar minn kull ħaġa li qatt rajna.
Missierna fis-Smewwiet hu l-uniku bniedem li għandna naduraw. Hu jgħix f’post jissejjaħ smewwiet. Hu post aktar sabiħ minn din id-dinja.
Missierna fis-Smewwiet Juri Mħabbtu Għalina b’Ħafna Modi
Missierna fis-Smewwiet juża l-qawwa tiegħu biex jgħinna. Hu qabbad lil Ibnu, Ġesù, biex jagħmel is-sema u l-art. Hu qabbad lil Ġesù biex jagħmel ix-xemx, il-qamar, u l-kwiekeb. Hu talab lil Ġesù biex ipoġġi l-pjanti u l-annimali fid-dinja. Missierna fis-Smewwiet għamel dan kollu għalina għax iħobbna. Hu jrid jgħinna nkunu twajbin u ferħanin.
Missierna fis-Smewwiet juża l-għarfien tiegħu biex jgħinna. Hu jaf b’dak kollu li seħħ fil-passat. Hu jaf b’dak kollu li qed iseħħ bħalissa. U Hu jaf x’se jseħħ fil-futur. Hu jaf il-ħsibijiet tagħna lkoll. Peress li Hu jaf kollox, Hu jaf x’neħtieġu biex inkunu ferħanin. Hu jaf li biex verament inkunu ferħanin jeħtieġ li nkunu twajbin. Hu jrid jgħinna nkunu twajbin u ferħanin għax iħobbna.
Missierna fis-Smewwiet Iridna Nsiru Nafuh
Peress li Missierna fis-Smewwiet iħobbna, Hu tana l-ħajja u dinja sabiħa biex ngħixu fiha. Hu jridna nkunu nafu dak kollu li għandna nagħmlu. Huwa wegħedna li nistgħu nsiru nafuh.
Li nagħmlu dawn l-affarijiet jista’ jgħinna nitgħallmu aktar dwar Missierna fis-Smewwiet:
-
Nistgħu nħarsu lejn id-dinja li Hu għamel u nkunu grati.
-
Nistgħu nemmnu li Missierna fis-Smewwiet hu reali u li Huwa jħobbna.
-
Nistgħu naqraw il-ħwejjeġ li kitbu l-bnedmin twajbin dwar Missierna fis-Smewwiet.
-
Nistgħu nitgħallmu u nagħmlu l-ħwejjeġ li Hu jridna nitgħallmu u nagħmlu.
-
Nistgħu nitkellmu ma’ Missierna fis-Smewwiet u nitolbuh biex jgħinna nsiru nafuh.
Li nkunu nafu dwar Missierna fis-Smewwiet jista’ jkun ta’ għajnuna f’ħajjitna. Li nkunu nafu dwaru jista’ jgħinna nħossuna ferħanin u siguri. Huwa twajjeb u mhux se jagħmel affarijiet li mhumiex tajbin għalina. Aħna nistgħu nitgħallmu l-affarijiet li jridna nagħmlu. Nistgħu nitgħallmu kif nistgħu nitolbuh jgħinna. Nistgħu nsiru nies aktar twajbin u kuntenti.