Kapitlu 10
L-Iskrittura
Missierna fis-Smewwiet tana erba’ kotba sagri biex jgħinuna. Taf l-isem ta’ dawn l-erba’ kotba?
Missierna fis-Smewwiet Juri Mħabbtu Għalina billi Jagħtina Kitbiet Sagri
Missierna fis-Smewwiet qal lill-profeti biex jiktbu l-affarijiet li jridna nkunu nafu. Dawn il-kitbiet jissejħu skrittura. Huma sagri ħafna għax l-affarijiet li nsibu fihom ġejjin mingħand Missierna fis-Smewwiet. Huma akbar u aktar importanti minn kull ħaġa li bniedem jista’ jikteb mingħajr l-għajnuna ta’ Missierna fis-Smewwiet.
Missierna fis-Smewwiet tana dawn il-kitbiet biex jgħinna. Meta naqrawhom aħna nistgħu nitgħallmu dwar il-pjan il-kbir li Missierna fis-Smewwiet għandu għalina. Aħna nistgħu nitgħallmu dwar il-ħajja tagħna miegħu qabel twelidna. Nistgħu nitgħallmu dwar Ġesù Kristu. Nistgħu nitgħallmu l-affarijiet li għandna nagħmlu biex inkunu ferħanin u nsiru bħal Missierna fis-Smewwiet.
Dawn il-kitbiet jgħinuna nitgħallmu li Missierna fis-Smewwiet iħobbna u jridna nagħmlu dak li hu tajjeb. Jgħidulna dwar nies oħra li tgħallmu dwar Missierna fis-Smewwiet. Jgħidulna li Hu jħobb lil kulħadd. F’din l-iskrittura aħna naqraw li meta n-nies jagħżlu li jobdu lil Missierna fis-Smewwiet, huma jkunu ferħanin, u Hu jgħinhom. Meta ma jobduhx, huma ma jkunux ferħanin u ma jirċevux l-għajnuna tiegħu.
Aħna Għandna Erba’ Kotba tal-Iskrittura
L-erba’ kotba tal-iskrittura huma l-Bibbja, il-Ktieb ta’ Mormon, id-Duttrina u Patti, u l-Ġawhra li Tiswa Ħafna. Kollha fihom il-kliem ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu. Kollha jgħallmu t-tagħlim veru ta’ Missierna fis-Smewwiet u Ġesù Kristu.
Il-Bibbja
Il-Bibbja fiha l-kliem ta’ Missierna fis-Smewwiet mogħti lil diversi nies minn żmien Adam saż-żmien li fih għexu l-Appostli* ta’ Ġesù. Dan il-kliem huwa wkoll għalina llum biex nistudjawh u nimxu warajh. Il-Bibbja hi maqsuma f’żewġ partijiet. Dawn huma t-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid.
It-Testment il-Qadim jibda bl-istorja ta’ kif Missierna fis-Smewwiet ħoloq din id-dinja u bagħat l-ewwel raġel u mara fid-dinja. It-Testment il-Qadim fih l-istejjer ta’ ħafna profeti bħal Noè, Abraham, Iżrael, Mosè, Isaija, u Elija. L-istejjer jgħidulna kif Missierna fis-Smewwiet għen lin-nies meta huma għamlu dak li hu tajjeb. Jispjega wkoll li meta n-nies ma semgħux mill-profeti u ma obdewx it-tagħlim ta’ Missierna fis-Smewwiet, huma ma setgħux jirċievu l-għajnuna tiegħu.
It-Testment il-Ġdid huwa t-tieni parti tal-Bibbja. Jirrakkonta l-istorja tat-twelid u l-ħajja ta’ Ġesù f’din id-dinja. Fih xi wħud mill-isbaħ tagħlim ta’ Ġesù u ħafna stejjer dwar l-imħabba tiegħu lejn in-nies u kif għinhom. Jispjega kif Hu sejjaħ lill-Appostli minn fost id-dixxipli tiegħu u kif għallem lil dawn l-Appostli u tahom l-awtorità li jwettqu l-ħidma tiegħu. Id-dixxipli tiegħu kienu jafu li Hu kien il-Mulej. Kittieba li ġew wara sejħulu l-Mulej Ġesù Kristu.
It-Testment il-Ġdid jitkellem dwar kif Ġesù bata u miet għal kulħadd. It-Testment il-Ġdid jagħlaq bl-istejjer ta’ kif l-Appostli tiegħu għallmu lil ħaddieħor dwaru, jitkellem dwar l-affarijiet li għandhom iseħħu qabel jerġa’ jiġi Ġesù, u dwar tmiem id-dinja.
In-nies tad-dinja ma aċċettawx lill-Appostli iżda daħku bihom, ippersegwitawhom, u qatluhom. Meta mietu l-Appostli u l-profeti kollha, ma kien baqa’ ħadd biex jikteb il-kliem ta’ Missierna fis-Smewwiet.
Il-Bibbja fiha l-kliem ta’ Missierna fis-Smewwiet sakemm hi tradotta b’mod korrett.
Il-Ktieb ta’ Mormon
Il-Ktieb ta’ Mormon fih it-tagħlim ta’ Missierna fis-Smewwiet lil nies li għexu fil-kontinenti Amerikani. Partijiet minn dawn l-annali nkitbu 2,000 sena qabel twieled Ġesù Kristu. Parti oħra tibda madwar 600 sena qabel Ġesù Kristu u tintemm 400 sena wara li twieled Hu. Dan il-ktieb fih tagħlim importanti ta’ Missierna fis-Smewwiet. Il-Ktieb ta’ Mormon inkiteb biex jgħin lin-nies ta’ dak iż-żmien u tal-lum ikunu jafu li Ġesù hu s-Salvatur tad-dinja kollha.
Parti sewwa mill-Ktieb ta’ Mormon titkellem dwar grupp ta’ nies li vvjaġġaw minn Ġerusalemm sal-kontinent Amerikan. Huma għamlu dan il-vjaġġ 600 sena qabel twieled Ġesù Kristu. Huma tmexxew minn profeta jismu Leħi u ibnu Nefi. Tnejn minn ħut Nefi kienu ħżiena u ma ridux jobdu lil missierhom. Kien jisimhom Laman u Lemwel.
Meta miet Leħi, il-membri tal-familja tiegħu ġew separati f’żewġ gruppi. Dawk li mxew wara Nefi bdew jissejħu Nefiti. Dawk li mxew wara Laman bdew jissejħu Lamaniti. Dawn il-gruppi żgħar kibru u saru ġnus kbar. In-Nefiti u l-Lamaniti ġġieldu bosta gwerer kontra xulxin. Missierna fis-Smewwiet bierek u pproteġa lin-nies li kienu qed jobdu l-kmandamenti tiegħu.
Missierna fis-Smewwiet għażel ħafna profeti biex jgħallmu u jmexxu lin-nies tiegħu fl-Amerika. L-istejjer ta’ ħajjithom u t-tagħlim tagħhom insibuhom fil-Ktieb ta’ Mormon. Xi wħud mill-aktar profeti importanti f’dan il-ktieb huma Nefi, Ġakobb, Benjamin, Alma, Mormon, u Moroni. Dawn l-irġiel kollha kitbu l-istorja tal-poplu ta’ Missierna fis-Smewwiet ġewwa l-Amerika. Mormon ħa dawn l-annali miktubin mill-profeti u ġabarhom flimkien fi ktieb wieħed.
Il-profeti qalu lin-nies li Ġesù kien se jiġi u jżur arthom wara li jtemm il-ħidma tiegħu f’Ġerusalemm. Ġesù fil-fatt deher lin-nies twajba li kien hemm ġewwa l-Amerika. Hu għallimhom l-evanġelju* tiegħu u l-affarijiet li għandhom jagħmlu biex jerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet wara li jmutu.
In-nies emmnu lil Ġesù u obdewh għal ħafna snin. Huma għexu ħajja tajba fil-paċi. Imbagħad bdew jinsew lil Ġesù. Ma baqgħux jisimgħu mill-profeti tagħhom. Bdew jagħmlu biss affarijiet ħżiena.
Mormon, wieħed mill-aħħar profeti fil-ktieb, ta l-istorja tal-poplu tiegħu, in-Nefiti, lil ibnu Moroni. Wara li l-poplu kollu tiegħu nqatel f’battalja kbira mal-Lamaniti, Moroni difen ġewwa għolja l-istorja li kitbu l-profeti dwar il-poplu tiegħu.
L-istorja baqgħet midfuna fl-għolja għal mijiet ta’ snin. Finalment, fl-1820, Missierna fis-Smewwiet għażel lil Joseph Smith biex ikun il-profeta tiegħu u bagħat lil Moroni, bniedem imqajjem mill-imwiet*, biex juri lil Joseph fejn kienet midfuna l-istorja. Joseph qaleb l-istorja għall-Ingliż. Hija magħrufa llum bħala l-Ktieb ta’ Mormon.
Il-Ktieb ta’ Mormon inkiteb biex juri li Missierna fis-Smewwiet jaf u jħobb lin-nies kollha fid-dinja. Il-Ktieb ta’ Mormon jgħallem li Ġesù hu s-Salvatur tan-nies kollha fid-dinja u hu Iben Missierna fis-Smewwiet.
Id-Duttrina u Patti
Id-Duttrina u Patti fih il-kliem ta’ Missierna fis-Smewwiet lil nies li għexu fi żminijiet moderni. Fih insibu struzzjonijiet għall-organizzazzjoni tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Jispjega d-dmirijiet tal-membri u l-mexxejja. Fih ukoll tagħlim li kien ilu mitluf għal żmien twil għan-nies tad-dinja. Dan jispjega xi tagħlim mill-Bibbja.
Id-Duttrina u Patti fih messaġġi għalina li qed ngħixu llum. Iwiddibna dwar l-affarijiet li se jseħħu jekk aħna ma nobdux lil Missierna fis-Smewwiet. Jgħidilna wkoll dwar l-affarijiet meraviljużi li Missierna fis-Smewwiet ħejja għalina jekk aħna nobduh.
Il-Ġawhra li Tiswa Ħafna
Il-Ġawhra li Tiswa Ħafna tikkonsisti mill-ktieb ta’ Mosè, il-ktieb ta’ Abraham, u xi kitbiet ispirati ta’ Joseph Smith.
Il-ktieb ta’ Mosè fih viżjonijiet li Missierna fis-Smewwiet ta lil Mosè. Jispjega l-Ħolqien tad-dinja. Fih tagħlim li kien intilef mill-Bibbja.
Il-ktieb ta’ Abraham jitkellem dwar il-Ħolqien tad-dinja u dwar Missierna fis-Smewwiet u l-qawwa tiegħu.
Il-kitbiet ta’ Joseph Smith jitkellmu dwar kif Missierna fis-Smewwiet sejjaħlu biex ikun profeta. Jinkludu wkoll parti mit-traduzzjoni tiegħu tal-Bibbja u dikjarazzjonijiet li jispjegaw xi wħud mit-twemmin tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Dawn id-dikjarazzjonijiet jissejħu l-Artikli tal-Fidi.
Il-profeta ta’ Missierna fis-Smewwiet li jgħix illum ukoll jikteb affarijiet li jgħidlu Missierna fis-Smewwiet. Fil-passat Missierna fis-Smewwiet għarraf lill-profeti bosta affarijiet kbar u importanti. Hu jkompli jgħarraf affarijiet kbar u importanti lill-profeta tiegħu llum.
Missierna fis-Smewwiet Jgħinna Meta Nistudjaw l-Iskrittura
Fl-iskrittura, Missierna fis-Smewwiet jgħallimna l-pjan tiegħu għalina biex nerġgħu lura għandu. Meta nistudjaw l-iskrittura aħna nistgħu nitgħallmu l-affarijiet li Hu jridna nkunu nafu u nagħmlu. Jekk ma nistudjawx l-iskrittura, ma nkunux nafu x’fiha. Ma nkunux nafu xi jridna nagħmlu Missierna fis-Smewwiet.
Jeħtieġ nistudjaw l-iskrittura kuljum. Lill-familji tagħna għandna wkoll naqrawlhom mill-iskrittura. Għandna ngħinu lill-familji tagħna jifhmu l-iskrittura. Għandna ngħallmu lil uliedna li dawn huma kotba sagri li huma ġejjin mingħand Missierna fis-Smewwiet. Għandna ngħinuhom ikunu jafu x’hemm f’dawn il-kotba u li għandna nkunu grati għalihom.