Daħla
Dan il-ktieb jgħinek titgħallem u tgħallem il-prinċipji bażiċi tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu. L-għarfien ta’ dawn il-prinċipji jgħinek tifhem l-għan tal-ħajja u kif tista’ tkun verament ferħan. Il-prinċipji spjegati f’dan il-ktieb huma vera. Hekk kif tistudja dawn il-prinċipji u tixtarr u titlob dwarhom, inti ssir taf għalik innifsek, u l-Ispirtu s-Santu jagħtik xhieda li huma vera.
Tista’ tuża dan il-ktieb għal diversi għanijiet differenti. Tista’ tużah biex tistudja u titgħallem inti stess. Tista’ tużah biex tipprepara xi diskors jew biex jgħinek tispjega l-evanġelju lil ħaddieħor.
Tista’ tuża dan il-ktieb għall-istudju fil-familja u għal-lejliet id-dar mal-familja. Kull lezzjoni fiha mistoqsijiet li inti bħala ġenitur jew għalliem tista’ tistaqsi lit-tfal żgħar biex tara kemm qegħdin jifhmu.
Meta tgħallem lezzjonijiet minn dan il-ktieb, inti tista’ tgħallem aktar minn kapitlu wieħed waqt lezzjoni waħda jew tista’ ddum aktar minn lezzjoni waħda fuq kapitlu wieħed. Ara li l-istudenti tiegħek jifhmu sewwa l-prinċipju li tkun qed tgħallem qabel ma tgħaddi għal suġġett ieħor. Jekk għandek l-iskrittura tradotta, fittex ir-referenzi mill-iskrittura u ddiskutihom.
Bħala għalliem, żomm f’moħħok li f’sena inti jaf ikollok biss bejn 21 u 25 lezzjoni x’tgħallem fi klassi. Dan ifisser li jaf ikollok bżonn tikkombina flimkien xi 10 lezzjonijiet jew aktar. Ikkunsidra l-bżonnijiet tal-klassi tiegħek u ddeċiedi liema lezzjonijiet se tikkombina flimkien u liema lezzjonijiet trid tqatta’ aktar ħin fuqhom.
Għall-aħħar tas-sena taf tkun tixtieq tgħaddi xi lezzjoni jew tnejn tiddiskuti l-Artikli tal-Fidi, li ssibhom ukoll f’dan il-ktieb. Tista’ tuża wkoll l-Artikli tal-Fidi biex tirrevedi xi lezzjonijiet.
Intom il-ġenituri u l-għalliema, itolbu għall-gwida hekk kif tippreparaw u tgħallmu dawn il-lezzjonijiet. Ħallu l-Ispirtu s-Santu jiggwidakom fl-għarfien tagħkom u fit-tagħlim tagħkom. Kull membru għandu jaqra l-kapitli, jekk jista’ jagħmel dan, u jiġi preparat biex jaqsam ħsibijietu ma’ membri oħra waqt id-diskussjonijiet fil-klassi.
Meta tara xi kelma mmarkata permezz ta’ *, tista’ ssib it-tifsira tagħha fis-sezzjoni “Kliem li Għandek Tkun Taf” fl-aħħar tal-ktieb. Hemm issib ukoll kliem ieħor li jgħinek tifhem it-tifsira tiegħu.
Jalla Alla jbierkek hekk kif bl-għajnuna tat-talb tistudja l-veritajiet li jinstabu f’dan il-ktieb.