Ordinanzi u Proklamazzjonijiet
Kapitlu 11: Il-Ħajja ta’ Ġesù Kristu


Behold the Lamb of God [Araw il-Ħaruf ta’ Alla], minn Walter Rane

Is-Salvatur, Ġesù Kristu, twieled ġo stalla fqira.

Kapitlu 11

Il-Ħajja ta’ Ġesù Kristu

Ġesù Kristu hu l-uniku bniedem li jista’ jwassalna lura għand Missierna fis-Smewwiet. X’taf dwaru?

Ħafna Nies Stennew b’Ħerqa Kbira l-Miġja ta’ Ġesù Kristu

Ġesù offra li jkun is-Salvatur tagħna. Hu qal li kien se jiġi fid-dinja biex jurina kif nerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Ħafna nies li għexu qabel twieled Ġesù emmnu li Hu kellu jiġi biex ikun is-Salvatur tagħhom. Huma ħarsu ’l quddiem għall-miġja tiegħu. Kienu jafu li Hu seta’ jsalvahom milli jiġu kkastigati għal dejjem għal dnubiethom.

Il-profeti kollha li għexu qabel twieled Ġesù qalu lin-nies li Hu kellu jiġu. Missierna fis-Smewwiet bagħat anġlu biex jgħid lil Adam li Ġesù kellu jiġi fid-dinja.

Ħafna snin qabel twieled Ġesù, profeta jismu Isaija ra permezz ta’ viżjoni li Ġesù kellu jbati biex ipatti għal dnubietna. Isaija qal li n-nies kienu se jobogħdu u jiċħdu lil Ġesù u Ġesù kien se jħoss niket kbir.

Nefi, profeta li naqraw dwaru fil-Ktieb ta’ Mormon, ra l-affarijiet li kien se jagħmel Ġesù. Nefi ra dawn l-affarijiet ħafna snin qabel twieled Ġesù. Hu ra lil Ġesù tarbija f’dirgħajn ommu. Anġlu qal lil Nefi li t-tarbija kienet Iben Missierna fis-Smewwiet.

Fil-Ktieb ta’ Mormon naqraw dwar profeta jismu Benjamin. Hu qal lin-nies li Ġesù dalwaqt kien se jiġi fid-dinja. Benjamin qalilhom li Ġesù kien se jfejjaq lill-morda, jagħmel liz-zopop jimxu, lill-għomja jaraw, u lit-torox jisimgħu. Hu se jkeċċi wkoll l-ispirti ħżiena u jrodd lura l-ħajja lill-mejtin. Benjamin qal li Ġesù kien se jgħallem lin-nies biex iħobbu lil Missierna fis-Smewwiet u jħobbu lil xulxin.

Il-profeti kollha li għexu wara li twieled Ġesù qalulna li Hu fil-fatt ġie. Mingħajr Ġesù Kristu, il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet kien ifalli.

Diskussjoni

  • Għalfejn Ġesù offra li jiġi fid-dinja?

  • Min kienu wħud mill-profeti li taw xhieda li Hu kellu jiġi?

It-Twelid ta’ Ġesù Ġab Ferħ Kbir fid-Dinja

Ġesù twieled fil-belt żgħira ta’ Betlehem. Meta Huwa twieled l-anġli kantaw għaliex kienu verament ferħanin. Kewkba ġdida dehret fis-sema. Ir-rgħajja u l-għorrief marru jżuruh u jqimuh. Bosta nies minn madwar id-dinja għadhom jiċċelebraw it-twelid tiegħu.

Ġesù kien differenti minn kull tarbija oħra li qatt twieldet. Missier Ġesù kien Missierna fis-Smewwiet. Missierna fis-Smewwiet ma kienx biss Missier l-ispirtu ta’ Ġesù iżda wkoll Missier il-ġisem tal-laħam u l-għadam tiegħu. Ġesù rċieva qawwa mingħand Missieru li bnedmin oħra m’għandhomx. Il-bnedmin ma setgħux ineħħulu ħajtu sakemm ma ħallihomx Hu. Wara li miet, Hu kellu l-qawwa li jerġa’ jagħti l-ħajja lil ġismu.

Omm Ġesù kienet Marija. Hi kienet tfajla safja li għexet kważi 2,000 sena ilu f’belt jisimha Nazaret. Meta kienet għadha mara żagħżugħa u verġni, dehrilha anġlu mibgħut minn Missierna fis-Smewwiet. L-anġlu qalilha li hi kienet se tkun omm Ġesù Kristu. L-anġlu qalilha li Missierna fis-Smewwiet kien se jkun Missier Ġesù. L-ebda raġel ieħor ma kien se jkun Missieru.

L-anġlu żar ukoll lir-raġel li Marija kienet se tiżżewweġ. Ir-raġel kien jismu Ġużeppi. L-anġlu qal lil Ġużeppi li t-tifel li kien se jitwieled kien se jkun Iben Missierna fis-Smewwiet u mhux it-tifel ta’ xi raġel ieħor fid-dinja. L-anġlu qallu li hu kellu jiżżewweġ lil Marija. Għalhekk Ġużeppi u Marija żżewġu. Wara li twieled Ġesù, Ġużeppi ħa ħsiebu daqslikieku Ġesù kien ibnu.

Peress li ommu kienet mara mortali, Ġesù seta’ jaqbdu l-ġuħ u l-għatx, seta’ jħoss l-uġigħ u seta’ jmut.

Diskussjoni

  • Kif nafu li t-twelid ta’ Ġesù kien avveniment importanti?

  • X’qawwiet irċieva mingħand Missieru Ġesù?

  • X’affarijiet seta’ jħoss Ġesù minħabba li kellu omm mortali?

The Twelve-Year-Old Jesus in the Temple [Ġesù ta’ Tnax-il Sena fit-Tempju], minn Carl Heinrich Bloch

Meta kien għadu tifel, Ġesù għallem lill-għorrief fit-tempju.

Ġesù Ġie biex Jgħallimna l-Evanġelju Tiegħu

Ġesù Kien Mingħajr Dnub

Ġesù kien mingħajr dnub. Hu għamel dak kollu li riedu jagħmel Missierna fis-Smewwiet. Ġesù kiber bl-istess mod kif jikbru tfal oħra. Waqt li kien qed jikber, Hu beda jikseb l-għerf. Hu kellu l-qawwa ta’ Missierna fis-Smewwiet.

Ta’ 12-il sena Ġesù kien jaf li Hu kien intbagħat biex jagħmel l-affarijiet li riedu jagħmel Missierna fis-Smewwiet. Kien jaf li kellu ħidma speċjali xi jwettaq fid-dinja.

Darba waħda Hu mar ma’ Marija u Ġużeppi sa Ġerusalemm. Meta Marija u Ġużeppi kienu sejrin lura d-dar, huma ndunaw li Ġesù ma kienx magħhom. Huma marru lura Ġerusalemm biex ifittxuh. Wara tlett ijiem sabuh fit-tempju, jitkellem mal-għorrief u jwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom. Kull min semgħu baqa’ sorpriż bl-għerf tiegħu u li seta’ jwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom. Ġużeppi u Marija kienu ferħanin li sabuh, iżda ma kinux kuntenti li Hu ma kienx baqa’ magħhom. Ġesù qalilhom li għamel dan għaliex kellu bżonn iwettaq il-ħidma ta’ Missieru.

Ġesù Tgħammed*

Meta Ġesù kellu 30 sena, Hu mar għand Ġwanni l-Battista biex jitgħammed. Ġwanni ħass li ma kellux jgħammed lil Ġesù, għaliex Ġesù qatt ma waqa’ fid-dnub. Iżda Ġesù qal lil Ġwanni biex jgħammdu. Ġesù ried jobdi l-kmandamenti kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet. Ġwanni għammed lil Ġesù, billi niżżlu kompletament taħt l-ilma u reġa’ tellgħu. Meta Ġesù tgħammed, Missierna fis-Smewwiet tkellem mis-smewwiet u qal li Ġesù kien Ibnu u li Hu, Missierna fis-Smewwiet, kien kuntent ħafna bih. Meta Ġesù tgħammed żaru wkoll l-Ispirtu s-Santu.

Satana Ġarrab lil Ġesù

Wara li Ġesù tgħammed, Hu mar f’deżert biex ikun waħdu u hemm huwa jsum u jitlob. Wara li Ġesù sam għal 40 jum, ġie Satana u ġarrbu. Satana kien jaf li jekk huwa jwassal lil Ġesù biex jikkommetti dnub wieħed, Ġesù ma kienx ikun jista’ jwettaq l-affarijiet li ntbagħat biex iwettaq. U b’hekk il-pjan ta’ Missierna fis-Smewwiet ifalli.

Ġesù rreżista t-tentazzjoni kollha ta’ Satana. Finalment, Hu qal lil Satana biex jitlaq. Wara li Satana telaq, ġew l-anġli jżuru lil Ġesù.

Ġesù Għallimna biex Inħobbu lil Missierna fis-Smewwiet u Nħobbu lil Xulxin

Wara li rreżista lil Satana, Ġesù beda jgħallem lin-nies. Waħda mir-raġunijiet għalfejn Hu ġie fid-dinja kienet biex jgħallimna kif għandna ngħixu.

Ġesù għallem li għandna nħobbu lil Missierna fis-Smewwiet b’qalbna kollha, b’moħħna kollu, u bil-qawwa tagħna kollha. Hu għallem li għandna wkoll inħobbu lil ħaddieħor daqs kemm inħobbu lilna nfusna. Għandna wkoll naħfru u naqdu lil ħaddieħor. Ġesù wriena kif għandna nagħmlu dan. Hu wera mħabbtu lejn Missierna fis-Smewwiet billi wettaq dak kollu li talbu jagħmel Missierna fis-Smewwiet.

Ġesù Ħabb lil Kulħadd

Ġesù kien iħobb lil kulħadd. Huwa fejjaq lill-morda. Hu għamel l-għomja jaraw u liz-zopop jimxu. Hu ħa lit-tfal ċkejknin f’dirgħajh u berikhom.

Ġesù wera mħabbtu lejn dawk li waqgħu fid-dnub. Hu għallimhom li għandu jiddispjaċihom għal dnubiethom u ma jidinbux aktar. Ġesù anke ħabb lil dawk li qatluh. Hu talab lil Missierna fis-Smewwiet għalihom. Ġesù għallem li aħna għandna nħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu.

Diskussjoni

  • X’inhuma wħud mill-affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nuru lil Missierna fis-Smewwiet li nħobbuh?

  • X’inhuma wħud mill-affarijiet li nistgħu nagħmlu għal ħaddieħor biex nuru mħabbitna lejhom?

Ġesù Organizza Knisja

Ġesù ried li n-nies kollha jkunu jafu l-mod kif jistgħu jerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet. Il-mod tiegħu jissejjaħ l-evanġelju. Ġesù organizza knisja ħalli n-nies kollha setgħu jitgħallmu l-evanġelju.

Ġesù għażel tnax-il raġel, jissejħu Appostli, biex imexxu l-Knisja. Huma kellhom jgħallmu l-evanġelju lin-nies wara li Hu mar lura fis-smewwiet. Lit-Tnax-il Appostlu Ġesù tahom l-awtorità biex jirrappreżentawh. Huma setgħu jgħallmu l-evanġelju lin-nies kollha u jgħammduhom. Huma setgħu jagħżlu nies oħra biex jgħinuhom jgħallmu l-evanġelju u jagħmlu dak kollu li riedhom jagħmlu Hu.

Diskussjoni

  • Għalfejn Ġesù għażel lit-Tnax-il Appostlu?

Meta Nitgħallmu dwar Ġesù, Nifhmu Kemm Hu Bniedem Kbir

Ġesù għen lil kull wieħed u waħda minna billi wriena kif għandna ngħixu. Meta nitgħallmu nkunu bħalu, aħna nitgħallmu nagħmlu l-affarijiet li jagħmluna kuntenti. Nistgħu nitgħallmu wkoll l-affarijiet li jgħinuna nerġgħu lura fis-smewwiet biex ngħixu ma’ Missierna fis-Smewwiet.

Meta nkunu nafu li Ġesù jħobbna, inħossu fina l-paċi. Inħossuna siguri u bla biża’. Aħna nafu li nistgħu niddependu fuqu biex imexxina. Nafu li Hu jifhem il-problemi tagħna. It-tagħlim tiegħu jgħinna negħlbu l-problemi tagħna. Meta nifhmu dak kollu li għamel għalina Ġesù, l-imħabba tagħna lejh tikber. L-imħabba tagħna lejh twassalna biex inkunu rridu nobduh. Aħna nħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien meta nistgħu nkunu miegħu.

Diskussjoni

  • Kif jista’ jkun ta’ għajnuna għalina li nitgħallmu dwar Ġesù?

  • Kif tħossok hekk kif titgħallem dwar Ġesù?