Kapitlu 18
Il-Knisja li Organizza Ġesù
Ġesù organizza knisja meta kien f’din id-dinja. X’kien jisimha? Min kien imexxi l-Knisja tiegħu?
Ġesù Kien il-Kap tal-Knisja li Huwa Organizza
Meta Ġesù kien f’din id-dinja Hu organizza Knisja. Din il-knisja kien jisimha l-Knisja ta’ Ġesù Kristu. Il-membri tal-Knisja ta’ Ġesù kienu jissejħu Qaddisin. Ġesù nnifsu kien il-kap tal-Knisja. Kien imexxiha Hu. Hu għażel tnax-il raġel biex jgħinuh imexxi l-Knisja. Kienu jissejħu Appostli. Dawn l-Appostli kienu wkoll profeti. Ġesù poġġa jdejh fuq rashom u ta s-saċerdozju lil kull wieħed minnhom. Hu qabbadhom jagħmlu l-ħidma tiegħu. Dawn l-Appostli u profeti kienu l-mexxejja fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu.
Fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu, irġiel li rċevew is-saċerdozju jpoġġu jdejhom fuq ras irġiel twajba oħra u jagħtuhom is-saċerdozju. Dan hu l-uniku mod kif is-saċerdozju jista’ jgħaddi minn persuna għall-oħra. Is-saċerdozju ma jistax jinxtara.
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu Baqgħet fid-Dinja Wara li Hu Reġa’ Lura fis-Smewwiet
Wara r-ritorn ta’ Ġesù fis-smewwiet, il-Knisja tiegħu baqgħet fid-dinja. Kienet immexxija mit-Tnax-il Appostlu. Meta miet wieħed mill-Appostli, Ġesù għażel raġel ieħor biex jieħu postu. Permezz tal-Ispirtu s-Santu, Ġesù għarraf lill-Appostli l-oħra min kellu jkun l-Appostlu l-ġdid. It-Tnax-il Appostlu għażlu rġiel twajba oħra u tawhom is-saċerdozju biex jgħinu jwettqu l-ħidma tal-Knisja ta’ Ġesù. Dawn l-irġiel kienu jissejħu Sebgħinijiet, qassisin il-kbar, presbiteri, isqfijiet, qassisin, għalliema, u djakni. Id-dmirijiet tagħhom huma spjegati f’ kapitlu 20.
Ġesù Mexxa l-Knisja permezz tar-Rivelazzjoni
Il-messaġġi li jagħti Ġesù permezz tal-Ispirtu s-Santu lin-nies fid-dinja jissejħu rivelazzjonijiet. Ġesù jiggwida l-Knisja tiegħu billi jiżvela lill-profeta u lill-mexxejja oħra l-affarijiet li huma għandhom jagħmlu.
Qabel Ġesù reġa’ lura fis-smewwiet, Hu qal lill-Appostli Tiegħu li Hu kien se jkun dejjem magħhom. Ġesù ried ifisser li Hu kien se jkompli jiggwidahom permezz tal-Ispirtu s-Santu.
Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu Kienet Tħaddan it-Tagħlim Veru Tiegħu
Il-mexxejja tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu rċevew ir-rivelazzjoni mingħand Ġesù permezz tal-Ispirtu s-Santu. Per eżempju, Ġesù qal lill-Appostlu Pietru li l-evanġelju kellu jiġi mgħallem lill-bnedmin kollha u mhux biss lill-poplu ta’ Iżrael. Ġesù qal lill-Appostlu Pawlu ħafna affarijiet li hu kellu jgħallem lin-nies. Lill-Appostlu Ġwanni, Ġesù qallu ħafna affarijiet dwar il-futur.
Meta kien qed jgħix f’din id-dinja, Ġesù għallem lin-nies biex huma jemmnu fih, jindmu, u jitgħammdu. Hu għallimhom biex iħobbu lil Missierna fis-Smewwiet u jobduh. Huwa għallimhom biex iħobbu lil ħaddieħor u jgħinuh.
Wara li Ġesù reġa’ lura fis-smewwiet, l-Appostli għallmu l-istess affarijiet li għallem Ġesù. Dawk li riedu jkunu membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu kien jeħtieġ li jkollhom il-fidi f’Ġesù Kristu, jindmu minn dnubiethom, u jitgħammdu. Huma rċevew id-don tal-Ispirtu s-Santu, kif kien wiegħed Ġesù. Huma tgħallmu jħobbu lil Missierna fis-Smewwiet u jobduh. Huma tgħallmu jħobbu u jaqdu lil ħaddieħor.
Dawk Li Kienu Jappartjenu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu Rċevew id-Doni Spiritwali
Dawk li kienu jappartjenu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu rċevew doni spiritwali. Xi wħud mid-doni kienu l-fidi li jfejqu lin-nies, l-abbiltà li jbassru avvenimenti tal-futur, u l-qawwa li jaraw viżjonijiet.
Il-Knisja ta’ Ġesù Ma Kenitx Aktar fid-Dinja
Wara r-ritorn ta’ Ġesù fis-smewwiet, il-Knisja tmexxiet mill-Appostli tiegħu. Aktar nies saru membri tal-Knisja. Iżda xi wħud mill-membri bdew jgħallmu u jemmnu affarijiet foloz, minflok l-affarijiet li ġew mgħallma minn Ġesù u l-Appostli. Per eżempju, xi nies għallmu li Missierna fis-Smewwiet m’għandux ġisem tal-laħam u l-għadam.
Nies ħżiena bdew jippersegwitaw lill-mexxejja u lil membri oħra tal-Knisja. In-nies ħżiena qatlu lill-Appostli u lil mexxejja oħra li kellhom is-saċerdozju. Huma qatlu wkoll ħafna membri oħra tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.
In-nies għallmu ħafna tagħlim falz sakemm ħadd ma baqa’ jemmen aktar fit-tagħlim veru ta’ Ġesù. Ħadd ma kellu s-saċerdozju, għalhekk ħadd ma seta’ jwettaq il-ħidma ta’ Ġesù fid-dinja jew jirċievi struzzjonijiet mingħand Ġesù għall-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet. Iż-żmien li fih ħadd ma kien jemmen fit-tagħlim veru ta’ Ġesù u li ħadd ma kellu l-awtorità tiegħu jissejjaħ l-Apostasija.
Waqt l-Apostasija, in-nies organizzaw knejjes li kienu differenti mill-Knisja li organizza Ġesù. Huma għallmu affarijiet li Ġesù qatt ma għallem. Huma ma kellhomx is-saċerdozju. Huma wettqu ċerimonji li kienu differenti miċ-ċerimonji mwettqa fil-Knisja ta’ Ġesù. Huma ma kellhom l-ebda rivelazzjoni mingħand Ġesù. Huma ma għallmux il-kmandamenti kollha tal-evanġelju kif għallmuhom Ġesù u l-Appostli tiegħu. Il-profeti kienu qalu li kien se jseħħ dan kollu.
Ġesù Wiegħed li Kien se Jirrestawra l-Knisja Tiegħu fid-Dinja
Ġesù kien jaf li n-nies kienu se jitilfu l-qawwa u t-tagħlim veru tiegħu. Għalhekk Huwa ħejja mod kif il-Knisja vera kellha terġa’ tiġi organizzata fid-dinja.
L-Appostlu Ġwanni ra permezz ta’ viżjoni ż-żmien meta l-evanġelju kien se jerġa’ jinġieb lura fid-dinja. Hu ra li Ġesù kien se jibgħat l-anġli biex jgħallmu lill-bnedmin il-verità dwar Missierna fis-Smewwiet. Ġesù kellu jara li l-ulied kollha ta’ Missierna fis-Smewwiet setgħu jirċievu l-evanġelju, is-saċerdozju, il-barkiet, u l-affarijiet kollha neċessarji biex huma jkunu jistgħu jerġgħu lura għand Missierna fis-Smewwiet.