Messaġġ ta’ Merħba
Nilqagħkom għall-konferenza ġenerali u għall-privileġġ li nisimgħu leħen il-Mulej.
Għeżież ħuti, u ħbieb madwar id-dinja, nilqagħkom personalment għal din il-konferenza ġenerali. Aħna qed ninġabru bħala familja globali kbira bix-xewqa li naduraw lill-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Grazzi talli ngħaqadtu magħna.
Din l-aħħar sena kienet waħda li nibqgħu niftakruha. Bla dubju li aħna lkoll tgħallimna affarijiet li ma konniex nafu qabel. Xi lezzjonijiet li kont naf qabel inkitbu fuq qalbi b’modi ġodda u istruttivi.
Per eżempju, jiena naf fiċ-ċert li l-Mulej imexxi l-affarijiet tal-Knisja Tiegħu. Huwa qal, “Se nurikom li jien kapaċi nwettaq il-ħidma tiegħi stess.”1
Ħafna drabi, jien u l-kunsilliera tiegħi bid-dmugħ f’għajnejna rajnieh jinterċetta f’ċirkostanzi mill-aktar diffiċli wara li aħna konna għamilna l-almu tagħna u ma stajniex nagħmlu aktar. Verament li aħna nimmeraviljaw ruħna.
Jien issa nifhem aħjar x’ried ifisser meta qal, “Ara, meta ż-żmien jasal, jiena se nħaffef il-ħidma tiegħi.”2 Kemm-il darba jiena fraħt hekk kif Hu dderieġa u wettaq it-tħaffif tal-ħidma tiegħu—anke waqt pandemija globali.
Għeżież ħuti, il-qawwa tal-Knisja tinsab fl-isforz u fit-testimonjanza dejjem tikber tal-membri tagħha. It-testimonjanzi jiġu kkultivati l-aħjar fid-dar. Tul din l-aħħar sena, ħafna minnkom żidtu b’mod drammatiku l-istudju tal-evanġelju ġewwa darkom. Jien nirringrazzjakom, u wliedkom jirringrazzjawkom.
Il-proġett enormi għar-rinnovazzjoni tat-Tempju ta’ Salt Lake ikompli għaddej. Mill-uffiċċju tiegħi nista’ nara quddiemi x-xogħol isir fil-pjazza tat-tempju.
Hekk kif jien bdejt nara lill-ħaddiema jaqilgħu l-għeruq tas-siġar qodma, jgħaddu l-plaming u l-wajers, u jsewwu funtana li kienet bdiet tnixxi, ħsibijieti daru fuq il-bżonn ta’ kull wieħed u waħda minna li nneħħu, bl-għajnuna tas-Salvatur, l-iskart qadim li hemm ħajjitna.
L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu hu evanġelju tal-indiema.3 Minħabba l-Espjazzjoni tas-Salvatur, l-evanġelju tiegħu jistedinna biex inkomplu ninbidlu, nikbru, u nsiru aktar safja. Huwa evanġelju ta’ tama, ta’ fejqan, u ta’ progress. Għalhekk, l-evanġelju huwa messaġġ ta’ ferħ! L-ispirti tagħna jifirħu ma’ kull pass żgħir ’il quddiem li aħna nieħdu.
Parti mill-ġabra ta’ Iżrael, u parti mill-aktar importanti, hija l-kmand li ngħatajna bħala poplu biex inkunu denji u lesti biex ngħinu u nippreparaw lid-dinja għat-Tieni Miġja tal-Mulej.
Hekk kif nisimgħu l-messaġġi li ġew ippreparati bir-reqqa mill-mexxejja tagħna taħt id-direzzjoni tal-Ispirtu s-Santu, nistedinkom biex titolbu ħalli tidentifikaw l-iskart li jeħtieġ li tneħħu minn ħajjitkom sabiex tkunu tistgħu ssiru aktar denji.
Jiena nħobbkom għeżież ħuti, u nixhed magħkom li Missierna fis-Smewwiet u Ibnu l-Għażiż jafukom u jħobbukom individwalment. Huma jinsabu lesti biex jassistukom f’kull pass ’il quddiem li intom tagħmlu. Nilqagħkom għall-konferenza ġenerali u għall-privileġġ li nisimgħu leħen il-Mulej. F’isem Ġesù Kristu, amen.