2010-2019
Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna
April 2018


Rivelazzjoni għall-Knisja, Rivelazzjoni għal Ħajjitna

Fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.

Kien privileġġ kbir għalija li f’ dan il-jum tal-Ħadd niċċelebra dan l-Għid flimkien magħkom waqt din il-konferenza ġenerali! Naħseb li xejn ma jkun xieraq aktar milli nikkommemoraw l-aktar ġrajja importanti li qatt seħħet f’ din id-dinja billi flimkien inqimu lil aktar bniedem importanti li qatt mexa f’ din id-dinja. F’ din il-Knisja, il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, aħna nqimu lil Dak li ta bidu għall-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu fil-Ġnien tal-Ġetsemani. Huwa kien lest li jsofri għad-dnubiet u d-dgħjufijiet ta’ kull wieħed u waħda minna, liema sofferenza wasslet biex Huwa “ixerred demmu mill-pori kollha tiegħu.”1 Huwa ġie msallab fuq is-salib tal-Kalvarju2 u qam fit-tielet jum bħala l-ewwel bniedem imqajjem mill-imwiet minn fost ulied Missierna tas-Smewwiet. Jiena nħobbu u nixhed li Huwa jgħix! Huwa Hu li jmexxi u jiggwida l-Knisja Tiegħu.

Mingħajr l-Att tal-Fidwa infinit tal-Feddej tagħna, l-ebda wieħed minna ma jista’ qatt jittama li jerġa’ lura għand Missierna tas-Smewwiet. Mingħajr il-Qawmien Tiegħu mill-Imwiet, il-mewt kienet tkun it-tmiem tagħna. L-Att tal-Fidwa tas-Salvatur tagħna jagħmilha possibli li aħna lkoll niksbu l-ħajja eterna u l-immortalità.

Hu sewwasew minħabba l-missjoni traxxendenti Tiegħu u l-paċi li Huwa jagħti lid-dixxipli Tiegħu li jien u marti, Wendy, ħassejna fina daqstant faraġ fil-lejl tat-2 ta’ Jannar meta t-tnejn li aħna ġejna mqajmin minn telefonata fejn ġejna mgħarrfin li l-President Thomas S. Monson kien għadda għan-naħa l-oħra tal-velu.

Il-President Russell M. Nelson u l-President Thomas S. Monson

Verament nimmissjawh lill-President Monson! Aħna nonoraw ħajtu u l-wirt li huwa ħalla warajh. Bħala ġgant spiritwali, hu ħalla warajh marka li żgur ma titħassarx fuq dawk kollha li kienu jafuh u fuq il-Knisja li huwa tant ħabb.

Fil-jum ta’ Ħadd, 14 ta’ Jannar, 2018, fil-kamra ta’ fuq tat-Tempju ta’ Salt Lake, ġiet organizzata l-Ewwel Presidenza, b’ mod mill-aktar sempliċi madankollu sagru kif stabbilixxa l-Mulej. Imbagħad, fl-assemblea solenni tal-bieraħ filgħodu, il-membri tal-Knisja madwar id-dinja għollew idhom biex jikkonfermaw id-deċiżjoni li kienu ħadu qabilhom l-Appostli. Jiena, b’ umiltà, inħossni verament grat għas-sapport ta’ sosteniment tagħkom.

Jiena grat ukoll għal dawk li ġew qabli. Kien privileġġ għalija li nservi fil-Kworum tat-Tnax-il Appostlu għal 34 sena sħaħ u li nsir naf personalment 10 mis-16-il Presidenti tal-Knisja li ġew qabli. Jiena tgħallimt ħafna minn kull wieħed minnhom.

Inħossni verament grat ukoll lejn l-antenati tiegħi. It-tmien bużnanniet tiegħi kollha kienu nies li kkonvertew għall-Knisja ġewwa l-Ewropa. Kull wieħed u waħda minn dawn l-erwieħ nobbli ssagrifikaw kull ma’ kellhom biex jiġu f’ Sijon. Fil-ġenerazzjonijiet li ġew wara, madankollu, mhux l-antenati tiegħi kollha baqgħu daqshekk iddedikati. B’ riżultat ta’ dan, jiena ma ġejtx imrobbi f’ dar iċċentrata madwar l-evanġelju.

Il-ġenituri tal-President Nelson
Il-familja tal-President Nelson meta kien żgħir

Lill-ġenituri tiegħi jiena verament nammirahom. Kienu jfissru għalija d-dinja u lili huma għallmuni lezzjonijiet mill-aktar importanti. Ma nistax nirringrazzjahom biżżejjed għat-trobbija mill-isbaħ li huma taw lili u lil ħuti. Madankollu, anke meta kont għadni daqsxejn ta’ tifel, jien kont naf li kien hemm xi ħaġa nieqsa. Darba waħda jiena qbadt tal-linja u mort fil-ħanut tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem biex insib xi ktieb dwar il-Knisja.Verament ħadt gost nitgħallem dwar l-evanġelju.

Hekk kif jiena bdejt nifhem il-Kelma tal-Għerf, jiena xtaqt li l-ġenituri tiegħi jgħixu dik il-liġi. Għalhekk, darba waħda meta jien kont għadni veru żgħir, jiena nżilt fil-kantina tagħna u kissirt mal-art tal-konkrit kull flixkun bix-xorb alkoħoliku li kien hemm! Jiena stennejt li missieri jagħtini kastig, iżda huwa lanqas biss lissen kelma waħda.

Hekk kif jiena bdejt nimmatura u bdejt nifhem il-kobor tal-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet, jien spiss kont ngħid lili nnifsi, “Jiena ma rrid l-ebda rigal ieħor tal-Milied! Irrid biss li niġi ssiġillat mal-ġenituri tiegħi.” Dak l-avveniment li tant kont ili nistenna kelli ndum nistenna ħafna biex jasal, sakemm il-ġenituri tiegħu kellhom fuq it-80 sena, u mbagħad aħna ġejna ssiġillati flimkien. M’għandix kliem biżżejjed biex nispjega l-ferħ li jiena ħassejt dak inhar,3 u kuljum jiena nħoss fija l-ferħ tas-siġill tagħhom u tiegħi magħhom.

Russell u Dantzel Nelson

Fl-1945, meta jiena kont fl-iskola medika, jiena żżewwiġt lil Dantzel White ġewwa t-Tempju ta’ Salt Lake. Jiena u hi ġejna mberkin b’ disat ibniet splendidi u iben mill-aktar prezzjuż. Illum il-familja tagħna, li aktar ma tmur aktar tikber, hija fost l-akbar ferħ ta’ ħajti.

Il-President u Sister Nelson ma’ wliedhom il-bniet
President Nelson u ibnu

Fis-sena 2005, wara kważi 60 sena miżżewġin, l-għażiża tiegħi Dantzel ġie imsejħa lura d-dar bla mistenni.Għal xi raġuni, in-niket li kelli ħassejtu kważi jipparalezzani.Iżda l-messaġġ tal-Għid u l-wegħda tal-qawmien mill-imwiet verament sostnewni.

Wendy u Russell Nelson

Imbagħad il-Mulej bagħtli lil Wendy Watson ħdejja. Aħna ġejna ssiġillati fit-Tempju ta’ Salt Lake fis-6 ta’ April, 2006. Verament inħobbha! Hija mara straordinarja—barka kbira għalija, għall-familja tagħna u għall-Knisja sħiħa.

Kull waħda minn dawn il-barkiet waslu għandi bħala riżultat talli jiena fittixt u smajt mis-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. Il-President Lorenzo Snow qal, “Dan huwa privileġġ mill-aktar kbir li aħna għandna bħala Qaddisin tal-Aħħar Jiem … li għandna d-dritt li jkollna l-manifestazzjoni tal-Ispirtu kuljum f’ ħajjitna.”4

Waħda mill-ħwejjeġ li l-Ispirtu ripetutament urieni f’ moħħi minn meta jiena ġejt imsejjaħ bħala l-President tal-Knisja hi kemm il-Mulej hu lest li jiżvela ħsibijietu u r-rieda Tiegħu. Il-privileġġ li aħna nistgħu nirċievu r-rivelazzjoni huwa wieħed mill-akbar doni li Alla jagħti lil uliedu.

Permezz tal-manifestazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, il-Mulej jgħinna f’ kull ħaġa xierqa li nkunu se nagħmlu. Jiena niftakar meta darba jien kont f’ kamra tal-operazzjonijiet, u kont ninsab wieqaf ħdejn pazjent—fejn jien ma kontx ċert kif kelli nwettaq proċedura li kienet ġdida għalija—u hemmhekk esperjenzajt l-Ispirtu s-Santu jispjegali t-teknika f’ moħħi.5

Biex insaħħaħ il-proposta li jiena għamilt lil Wendy, jiena għedtilha, “Jiena naf xi ħaġa dwar ir-rivelazzjoni u kif tista’ tirċeviha.” Tajjeb li dwarha ngħid—u, wara sibt li hija xi ħaġa tipika tagħha—li hi kienet diġà fittxet u rċeviet ir-rivelazzjoni tagħha dwarna t-tnejn, ħaġa li lilha mlietha bil-kuraġġ li tgħid iva.

Bħala membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu, jiena tlabt kuljum biex nikseb ir-rivelazzjoni u rringrazzjajt lill-Mulej kull darba li Huwa kellimni f’ qalbi u f’ moħħi.

Immaġinaw x’ miraklu dan! Hi x’inhi s-sejħa tagħna fil-Knisja, aħna nistgħu nitolbu lill-Missierna tas-Smewwiet u nirċievu l-gwida u d-direzzjoni, nistgħu niġu mwissijin dwar il-periklu u d-distrazzjoni kif ukoll nistgħu nwettqu ħwejjeġ li aħna sempliċiment ma nistgħux inwettquhom weħidna. Jekk aħna verament nirċievu l-Ispirtu s-Santu u nitgħallmu nagħrfu u nifhmu s-suġġerimenti li Huwa jagħtina, aħna nkunu nistgħu niġu ggwidati kemm fi ħwejjeġ kbar kif ukoll żgħar.

Meta m’ilux jiena kelli biċċa xogħol mill-aktar diffiċli li nagħżel iż-żewġ kunsilliera tiegħi, jiena bdejt ninkwieta kif kien possibbli li nagħżel tnejn minn tnax-il raġel li verament kont inħobb u nirrispetta.

Peress li jiena naf li l-ispirazzjoni vera hija bbażata fuq informazzjoni tajba, jiena, bl-għajnuna tat-talb, iltqajt wiċċ imb wiċċ ma’ kull Appostlu.6 Imbagħad jiena ngħalaqt waħdi ġewwa kamra privata fit-tempju u hemmhekk fittixt li nkun naf x’ kienet ir-rieda tal-Mulej. Jiena nixhed li l-Mulej urieni li jiena kelli nagħżel lill-President Dallin H. Oaks u lill-President Henry B. Eyring biex iservu bħala l-kunsilliera tiegħi fl-Ewwel Presidenza.

Bl-istess mod, jiena nixhed li l-Mulej ispira s-sejħa tal-Presbiteru Gerrit W. Gong u tal-Presbiteru Ulisses Soares biex jiġu ordnati bħala Appostli Tiegħu. Kemm jiena kif ukoll ilkoll kemm aħna nilqgħuhom f’ din il-fratellanza ta’ servizz mill-aktar unika.

Meta aħna niltaqgħu flimkien bħala Kunsill tal-Ewwel Presidenza u Kworum tat-Tnax, il-kmamar tal-laqgħat tagħna jsiru kmamar ta’ rivelazzjoni. L-Ispirtu jkun evidentement preżenti. Hekk kif aħna nkunu qed nitqabdu ma’ ċerti ċirkustanzi mill-aktar kumplessi, jiġi fis-seħħ proċess verament eċċitanti hekk kif kull Appostlu b’ mod ħieles jesprimi l-ħsibijiet u l-perspettiva tiegħu. Minkejja li aħna nafu ma naqblux mill-ewwel mal-mod kif naraw l-affarijiet, l-imħabba li aħna nħossu għal xulxin tkun dejjem preżenti. L-għaqda tagħna tgħinna nagħrfu r-rieda tal-Mulej għall-Knisja Tiegħu.

Fil-laqgħat tagħna, qatt ma tiggverna l-maġġoranza! Bl-għajnuna tat-talb aħna noqogħdu nisimgħu lil xulxin u nitkellmu ma’ xulxin sakemm inkunu ħaġa waħda.Imbagħad meta nħossu li nkunu qed naqblu lkoll kemm aħna, l-influwenza unifikanti tal-Ispirtu s-Santu tkun waħda eċċitanti għall-aħħar. Aħna nesperjenzaw dak li l-Profeta Joseph Smith kien jaf meta huwa għallem, “B’ sentiment ta’ għaqda aħna niksbu l-qawwa ma’ Alla.”7 L-ebda membru tal-Ewwel Presidenza jew tal-Kworum tat-Tnax qatt ma jieħu xi deċiżjoni f’ isem il-Knisja mingħajr ma jikkonsulta mal-Mulej!

Ħuti, aħna kif nistgħu nsiru l-irġiel u n-nisa—il-qaddejja jixbhu lil Kristu—li l-Mulej iridna nkunu? Kif nistgħu nsibu tweġiba għal ċerti mistoqsijiet li jħawduna? Jekk l-esperjenza traxxendenti ta’ Joseph Smith fil-Masġar Sagru tgħallimna xi ħaġa, żgur li hija li s-smewwiet huma miftuħin u li Alla jkellem lil uliedu.

Il-Profeta Joseph Smith fassal pjan għalina biex nimxu warajh ħalli aħna nkunu nistgħu nirrisolvu l-mistoqsijiet tagħna.Iggwidat permezz tal-wegħda ta’ Ġakbu li jekk aħna jonqosna l-għerf għandna nistaqsu lil Alla,8 it-tfajjel Joseph mar jistaqsi direttament lil Missierna tas-Smewwiet. Huwa fittex ir-rivelazzjoni personali, u t-tfittxija tiegħu tat bidu għall-aħħar dispensazzjoni.

Bl-istess mod, għal xiex se tagħti bidu t-tfittxija tagħkom? Intom x’ għerf teħtieġu? Fiex tħossu verament il-bżonn urġenti li tkunu tafu jew tifhmu xi ħaġa?Imxu wara l-eżempju tal-Profeta Joseph Smith. Sibu post fil-kwiet li fih intom tkunu tistgħu tmorru regolarment. Iċċekknu quddiem Alla. Iftħu qalbkom għal Missierkom tas-Smewwiet. Duru lejh biex Huwa jwieġeb it-talb tagħkom u jfarraġkom.

Itolbu f’ isem Ġesu Kristu dwar dak li qed jinkwetakom, u dwar il-biżgħat u d-dgħjufijiet tagħkom—iva, sewwasew dwar ix-xewqat ta’ qalbkom. Imbagħad isimgħu x’ għandu jgħidilkom! Iktbu l-ħsibijiet li jiġu f’ moħħkom. Niżżlu s-sentimenti tagħkom u mbagħad aġixxu skont dak li intom tkunu ktibtu. Hekk kif jum wara jum, xahar wara xahar, sena wara sena, intom tirrepetu dan il-proċess, intom “tikbru fil-prinċipju tar-rivelazzjoni.”9

Verament li Alla jrid ikellmek? Iva! “Daqs kemm bniedem jista’ joħroġ id-driegħ debboli tiegħu biex jipprova jwaqqaf ix-xmara Missouri milli tkompli għaddejja bil-korsa determinanti tagħha … daqshekk ieħor jista’ jżomm lis-Setgħan milli jixħet l-għarfien mis-sema fuq ras il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.”10

M’għandkomx għalfejn toqogħdu tinkwetaw dwar dak li hu veru.11 M’għandkomx għalfejn toqogħdu tinkwetaw dwar f’ min għandkom tafdaw.Permezz ta’ rivelazzjoni personali, intom tistgħu tirċievu xhieda personali li l-Ktieb ta’ Mormon huwa l-kelma ta’ Alla, li Joseph Smith huwa profeta, u li din hija l-Knisja tal-Mulej. Jgħid x’ jgħid jew jagħmel x’ jagħmel ħaddieħor, ħadd ma jista’ qatt jeħodlok ix-xhieda li inti rċevejt f’ qalbek u f’ moħħok dwar x’inhu veru.

Bil-ħerqa jiena nitlobkom sabiex tiżviluppaw lil hinn mill-abbiltà spiritwali li għandkom bħalissa biex tiksbu r-rivelazzjoni personali, għaliex il-Mulej wiegħed li “jekk intom tfittxu, intom tirċievu rivelazzjoni wara rivelazzjoni, għarfien wara għarfien, sabiex intom tkunu tistgħu ssiru tafu kemm il-misteri kif ukoll il-ħwejjeġ li jġibu l-paċi—dawk li jwasslu għall-ferħ, dawk li jwasslu għall-ħajja eterna.”12

O, hemm ferm aktar ħwejjeġ li Missierkom tas-Smewwiet iridkom tkunu tafu. Kif għallem il-Presbiteru Neal A. Maxwell, “Għal dawk li għandhom għajnejn biex jaraw u widnejn biex jisimgħu, hija ħaġa ċara li l-Missier u l-Iben qegħdin jiżvelaw is-sigrieti tal-univers!”13

Xejn ma jiftaħ bwieb is-sema daqs il-kombinazzjoni ta’ aktar purità, ubbidjenza f’ kollox, tfittxija ferventi, festeġġjar kuljum permezz ta’ kliem Kristu fil-Ktieb ta’ Mormon,14 u ħin iddedikat kuljum għall-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja.

Bla dubju, ikun hemm mumenti meta intom tħossu bħallikieku s-smewwiet jinsabu magħluqin. Iżda jiena nwegħidkom li hekk kif intom tkomplu tkunu ubbidjenti, tesprimu l-gratitudni tagħkom għal kull barka li jagħtikom il-Mulej, u hekk kif bil-paċenjza kollha intom tonoraw l-orarju ta’ ħin il-Mulej, intom tiġu mogħtija l-għerf u l-għarfien li intom tkunu qed tfittxu. Kull barka li l-Mulej għandu lesta għalikom—anke l-mirakli—tiksbuha. Dan hu dak li intom tirċievu permezz tar-rivelazzjoni personali.

Jiena nħossni ottimist għall-futur. Se jkun wieħed mimli opportunitajiet għal kull wieħed u waħda minna fejn aħna nimxu ‘l quddiem, nagħtu kontribut u nxerrdu l-evanġelju ma’ kull naħa tad-dinja. Iżda jiena konxju wkoll taż-żmien li ġej. Aħna ngħixu f’ dinja li hija mill-aktar kumplessa u li aktar ma tmur aktar qed issir kontroversjali. Id-disponibiltà kostanti tal-midja soċjali u l-aħbarijiet 24 siegħa kontinwa jinsabu l-ħin kollu jimbumbardjawna b’ messaġġi persistenti. Jekk aħna rridu li jkollna tama li nkunu kapaċi niflu sew il-ħafna opinjonijiet u filosofiji tal-bnedmin li jattakkaw il-verità, jeħtieġ li aħna nitgħallmu nirċievu r-rivelazzjoni.

Is-Salvatur u l-Feddej tagħna, Ġesù Kristu, se jwettaq uħud mill-aktar ħidmiet setgħana Tiegħu bejn issa u ż-żmien li fih Huwa jerġa’ jiġi. Aħna se naraw indikazzjonijiet mirakolużi li Alla l-Missier u Ibnu, Ġesù Kristu, qed jippresedu fuq din il-Knisja bil-majestà u l-glorja kollha. Iżda fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nkomplu ngħixu spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.

Għeżież ħuti, jiena nitlobkom bil-ħerqa sabiex tkabbru l-kapaċità spiritwali tagħkom biex tirċievu r-rivelazzjoni. Araw li dan Ħadd il-Għid ikun il-mument li jiddetermina l-futur ta’ ħajjitkom. Agħżlu li intom tagħmlu l-ħidma spiritwali meħtieġa biex tkunu tistgħu tgawdu d-don tal-Ispirtu s-Santu u tisimgħu l-leħen tal-Ispirtu aktar frekwenti u b’ aktar ċarezza.

Flimkien ma’ Moroni, f’ dan Ħadd il-Għid jiena nitlobkombiex “tersqu lejn Kristu, u taqbdu ma’ kull don tajjeb,”15 tibdew l-ewwel bid-don tal-Ispirtu s-Santu, li jista’ u fil-fatt iwassal biex jibdlilkom ħajjitkom.

Aħna dixxipli ta’ Ġesù Kristu. L-aktar verità importanti li l-Ispirtu s-Santu qatt jista’ jurikom hi li Ġesù hu l-Kristu, Bin Alla l-ħaj. Huwa jgħix! Huwa l-Avukat Tagħna mal-Missier, l-akbar Eżempju tagħna u l-Feddej tagħna. F’ dan Ħadd il-Għid, aħna nikkommemoraw is-sagrifiċċju Tiegħu tal-fidwa, il-Qawmien letterali mill-Imwiet Tiegħu u d-divinità Tiegħu.

Din hija l-Knisja Tiegħu, irrestawrata permezz tal-Profeta Joseph Smith. Jiena nixhed dwar dan, b’ turija tal-imħabba tiegħi lejn kull wieħed u waħda minnkom, fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen